Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

a) Statutorji – it-tul ta’ żmien tagħhom jiġi stabbilit mil-liġi;

b) Ġudizzjarji – il-qorti tista’ testendi skadenza fuq talba tal-entità kkonċernata.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Jiem mhux tax-xogħol huma dawk il-jiem magħżula għat-tixtil tal-ħaddiema matul il-ġimgħa, u l-btajjel statutorji,

a) Jiem mhux tax-xogħol fir-Repubblika Slovakka: is-6 ta’ Jannar, il-Ġimgħa l-Kbira, Ħadd il-Għid, it-Tnejn ta’ wara l-Għid, l-1 ta’ Mejju, it-8 ta’ Mejju, il-15 ta’ Settembru, l-1 ta’ Novembru, l-24 ta’ Diċembru, il-25 ta’ Diċembru, is-26 ta’ Diċembru

b) Btajjel statutorji fir-Repubblika Slovakka: l-1 ta’ Jannar, il-5 ta’ Lulju, id-29 ta’ Awwissu, l-1 ta’ Settembru, is-17 ta’ Novembru.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

a) Skont l-Att Nru. 160/2015, il-Kodiċi tal-Proċedura Kontradittorja Ċivili (zákona č. 160/2015 Civilný sporový poriadok) (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala "CCAP"), u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet għall-kuntrarju, terminu għall-eżekuzzjoni ta’ att jiġi stabbilit minn qorti. Il-jum li fih seħħ l-avveniment li ddetermina l-bidu tal-perjodu ma jiġix inkluż fil-kalkolu ta’ perjodu stabbilit f’jiem.

b) Terminu ma jibdiex jiddekorri fir-rigward ta’ persuna li tkun tilfet il-kapaċità tagħha li tkun parti għal proċedimenti jew il-kapaċità li taġixxi quddiem qorti (it-Taqsima 119 tas-CCAP).

ċ) Jekk parti ġdida, rappreżentant legali, jew kustodju ta’ parti jissieħbu fil-proċedimenti, jibdew jiddekorru termini ġodda fir-rigward tagħhom, minn dak il-ħin li jkunu ssieħbu fil-proċedimenti (it-Taqsima 120 tas-CCAP).

d) Terminu jkun ġie osservat jekk l-att ikkonċernat jiġi eżegwit fil-qorti, jew jekk sottomissjoni tkun ġiet mgħoddija lil awtorità obbligata li tikkonsenjaha, fl-aħħar jum tal-perjodu (it-Taqsima 121 (5) tas-CCAP).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Perjodu jibda jiddekorri l-għada li jkun seħħ l-avveniment li jiddetermina l-bidu tal-perjodu.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Le.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Il-jiem kalendarji jintużaw fil-kalkolu tat-termini.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-perjodi stabbiliti f’ġimgħat, xhur u snin jiġu kkalkolati wkoll skont il-jiem kalendarji.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

L-iskadenzi tal-perjodi stabbiliti f’ġimgħat, xhur jew snin jaqgħu fl-aħħar tal-jum li d-deżinjazzjoni tiegħu huwa l-istess bħal dak tal-jum li fih seħħ l-avveniment li ddetermina l-bidu tal-perjodu u, jekk ma jkun hemm ebda jum bħal dan f’xahar, mela l-aħħar jum tax-xahar. Jekk skadenza taqa’ nhar ta’ Sibt, Ħadd jew fi btala, l-aħħar jum tal-perjodu huwa l-jum tax-xogħol li jiġi immedjatament wara (it-Taqsima 121 tas-CCAP).

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Jekk il-liġi ma tiddikjara ebda skadenza għall-eżekuzzjoni ta’ att, din għandha tiġi stabbilita minn qorti, jekk ikun hemm bżonn. Qorti tista’ wkoll testendi skadenza li tkun stabbilixxiet hija stess (it-Taqsima 118(2) tas-CCAP).

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Appell jitressaq fi żmien 15-il jum min-notifika ta’ deċiżjoni fil-qorti li lilha tkun indirizzata (it-Taqsima 362 tas-CCAP).

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Iva, iżda biss terminu li jappartjeni għal interrogazzjoni informattiva.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ skadenza hija li tinqabeż l-iskadenza.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Qorti tista’ taħfer l-iskadenza li tinqabeż jekk dan in-nuqqas kien dovut għall-fatt li parti jew ir-rappreżentant tagħha kellhom raġuni skużabbli li minħabba fiha ma setgħux jeffettwaw att li kienu intitolati li jeżerċitaw. Rikors irid jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mill-waqfien tal-ostakolu u l-att mitluf irid jiġi effettwat f’dak il-ħin (it-Taqsima 122 tas-CCAP). Huwa kompletament fid-diskrezzjoni tal-qorti li tevalwa jekk ir-raġuni li minħabba fiha l-parti jew ir-rappreżentant tagħha qabżu skadenza statutorja hijiex skużabbli.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.