Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Żmien għar-risposta għal talba

Għal kawżi tal-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) fejn in-notifika tkun fl-Ewropa u lil hinn (jew barra) mill-Ewropa, l-iskadenza hija ta’ 21 jum mid-data tan-notifika. Għal ċerti kawżi fejn in-notifika ma ssirx b’metodu preskritt minn dawn ir-regoli, l-iskadenza hija ta’ 42 jum.

Għal kawżi tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) fejn in-notifika tkun fl-Ewropa, l-iskadenza hija ta’ 21 jum mid-data tan-notifika. Għall-kawżi kollha fejn in-notifika tkun barra mill-Ewropa, l-iskadenza hija ta’ 42 jum mid-data tan-notifika.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fi:

Hemm ukoll regoli ta’ Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) u ta’ Kawża Sommarja (Summary Cause) għall-irkupru ta’ somom sa £ 5000.

Perjodi ta’ preskrizzjoni jew limitazzjoni

Fil-liġi Skoċċiża, il-limiti ta’ żmien li fihom trid titressaq kawża huma determinati mill-kunċetti legali tal-limitazzjoni u tal-preskrizzjoni negattiva. Il-limitazzjoni hija regola ta’ proċedura – difiża – li permezz tagħha ċerti drittijiet u obbligi (filwaqt li jibqgħu jeżistu) isiru legalment mhux eżegwibbli wara li jgħaddi perjodu ta’ żmien speċifikat. Il-preskrizzjoni negattiva hija regola tal-liġi sostantiva li topera biex ittemm id-dritt u/jew l-obbligu ta’ persuna wara li jgħaddi perjodu ta’ żmien speċifikat.

Il-liġi attwali tinsab fl-Att tal-1973 dwar il-Preskrizzjoni u l-Limitazzjoni (Skozja) (Prescription and Limitation (Scotland) Act 1973) (kif emendat).

Id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni negattiva jistabbilixxu meta jintemmu d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali. Il-perjodi ta’ żmien ivarjaw skont in-natura tal-obbligu.

L-Att jipprevedi perjodu ta’ preskrizzjoni għal kawżi għad-danni, danni personali, malafama u kawżi fir-rigward tar-responsabbiltà għad-difetti fil-prodotti. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin minn meta wieħed isir jaf bid-dannu, għalkemm il-qrati għandhom id-diskrezzjoni li jippermettu kawża tipproċedi wara li jkun għadda dak il-perjodu jekk huma jħossu li jkun ġust li jagħmlu dan.

Hemm ukoll perjodi ta’ preskrizzjoni differenti stabbiliti f’diversi statuti oħra, pereżempju fir-rigward tal-preskrizzjoni ta’ kawżi fir-rigward tal-ġarr (ta’ persuni jew merkanzija) bl-ajru, bit-triq, bil-baħar u bil-ferrovija.

Tista’ ssir taf jekk il-kawża speċifika li tkun tixtieq tibda hijiex soġġetta għal limiti ta’ żmien speċifiċi billi titlob il-parir ta’ avukat jew ta’ Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Minbarra s-Sibt u l-Ħadd, il-jiem li fihom ma jsirx xogħol fl-Iskozja jinkludu l-btajjel li ġejjin:

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta’ Jannar
  • Btala tas-Sena l-Ġdida: it-2 ta’ Jannar
  • Il-Ġimgħa l-Kbira: il-Ġimgħa ta’ qabel l-Għid
  • Btala Pubblika tal-Bidu ta’ Mejju: l-ewwel jum tat-Tnejn f’Mejju
  • Btala Pubblika tar-Rebbiegħa: l-aħħar jum tat-Tnejn f’Mejju
  • Btala Pubblika tas-Sajf: l-ewwel jum tat-Tnejn f’Awwissu
  • Jum il-Milied: il-25 ta’ Diċembru
  • L-Għada tal-Milied: is-26 ta’ Diċembru

Meta Jum il-Milied, l-Għada tal-Milied jew l-Ewwel tas-Sena u t-2 ta’ Jannar jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa, il-jum tax-xogħol li jmiss isir btala pubblika. Pereżempju, jekk il-25 u s-26 ta’ Diċembru jkunu s-Sibt u l-Ħadd rispettivament, it-Tnejn u t-Tlieta ta’ wara jkunu btajjel pubbliċi.

Id-dati kollha huma preskritti fl-Iskeda 1 tal-Att tal-1971 dwar it-Tranżazzjonijiet Bankarji u Finanzjarji (Banking and Financial Dealings Act 1971) ħlief għall-btala pubblika tar-rebbiegħa u l-Għada tal-Milied li huma soġġetti għal Proklamazzjoni Rjali (Royal Proclamation).

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Il-preskrizzjoni u l-limitazzjoni

L-Att tal-1973 dwar il-Preskrizzjoni u l-Limitazzjoni (Skozja) (Prescription and Limitation (Scotland) Act 1973), kif emendat, jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kalkolu tad-diversi perjodi ta’ preskrizzjoni u ta’ limitazzjoni kif deskritti fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Iż-żmien tal-bidu jiġi determinat mid-data tan-notifika.  Għas-servizz postali, id-data tal-eżekuzzjoni tan-notifika hija l-għada tal-impustar taċ-ċitazzjoni/tat-taħrika.  Fir-rigward ta’ taħrika fejn id-data ta’ skadenza tinzerta f’jum ta’ tmiem il-ġimgħa jew f’jum ta’ btala pubblika jew tal-qorti, id-data ta’ skadenza tiġi effettivament estiża għall-mhux tmiem il-ġimgħa li jmiss jew għall-jum tax-xogħol li jmiss.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Id-data tal-bidu hija dejjem id-data tal-eżekuzzjoni tan-notifika, irrispettivament mill-metodu tan-notifika.  Għad-dettalji dwar id-definizzjoni tad-data tal-eżekuzzjoni tan-notifika, jekk jogħġbok irreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija 4.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Id-data tal-att.  L-ewwel jum wara l-jum tal-eżekuzzjoni tan-notifika huwa l-ewwel jum magħdud meta tingħadd l-iskadenza (soġġett għad-dettall mogħti fil-mistoqsija 4 dwar il-btajjel).

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Il-jiem kalendarji (iżda ara l-mistoqsija 4 ukoll dwar il-btajjel, eċċ.).  Għalkemm il-limiti ta’ żmien ma jistgħux jiskadu f’jum li fih ma jsirx xogħol, meta tingħadd l-iskadenza jiġu inklużi l-jiem li fihom ma jsirx xogħol l-oħra kollha.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Kull meta tidher il-frażi “xahar” f’dokumenti tal-qorti, din tfisser xahar kalendarju.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

L-iskadenzi jiskadu skont il-prinċipji spjegati fil-mistoqsijiet preċedenti, jiġifieri skont il-limitu ta’ żmien, dan huwa fl-aħħar jum, b’kont meħud li l-ġranet jibdew jingħaddu mill-jum ta’ wara d-data tan-notifika.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Il-limitu ta’ żmien għall-perjodu ta’ avviż għan-notifika jista’ jiġi estiż mill-qorti, meta l-każ ikun iġġustifikat, jekk din tkun sodisfatta li dan ikun neċessarju.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session), il-konvenut għandu 14-il jum mid-data tal-intimazzjoni tal-ordni finali jew deċiżjoni interlokutorja biex jappella mid-deċiżjoni u jinnotifika lill-qorti b’din l-intenzjoni.

Il-limitu ta’ żmien għall-preżentata ta’ appell minn ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) żdied minn 14 għal 28 jum mill-1 ta’ Jannar 2016.  Dawn l-appelli issa jiġu ppreżentati direttament lill-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court).

L-appelli b’Kawża Sommarja (Summary Cause) u Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) għadhom jiġu ppreżentati lill-Qorti tax-Xeriff (Sherriff Court) u l-perjodu tal-appell baqa’ ta’ 14-il jum.

Għandu jiġi nnutat li fejn il-leġiżlazzjoni tipprevedi perjodu ta’ appell għal tipi speċifiċi ta’ appell, pereżempju appelli statutorji, differenti minn dawk fir-Regoli, f’dak il-każ japplika dak il-perjodu ta’ żmien.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

F’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Għal perjodi mqassra, l-iskadenza minima tkun ta’ 48 siegħa. Huwa biss f’każijiet fejn jinħarġu interdizzjonijiet interim f’kawżi li jirrigwardaw il-benesseri tat-tfal, li r-rekwiżit ta’ notifika minn qabel tal-konvenut jista’ jitneħħa kompletament. F’każijiet bħal dawn tista’ naturalment tiġi ffissata seduta wara biex tippermetti proċess xieraq lill-partijiet kollha.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Le.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk il-konvenut jonqos milli jikkontesta l-kawża, is-sentenza tista’ tingħata fin-nuqqas tiegħu, jekk ir-rikorrent jitlob dan. Din naturalment tista’ tiġi appellata mill-konvenut, kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija 12.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-konvenut jista’ jitlob lill-qorti testendi l-iskadenza. Jekk tkun diġà nħarġet sentenza (fin-nuqqas tiegħu), il-konvenut jista’ jitlob lill-qorti biex tirrevoka l-kawża, soġġett għar-regoli applikabbli tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 04/03/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.