Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Mill-perspettiva proċedurali, it-terminu għal proċedura, bħala definizzjoni ġenerali, huwa l-intervall ta’ żmien li fih iridu jitwettqu ċerti atti proċedurali jew, għall-kuntrarju, jiġu pprojbiti. Huwa rregolat mill-Artikoli 180-186 tal-Att Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif sussegwentement emendat u ssupplimentat (li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2013).

Fir-rigward tad-diversi tipi ta’ termini applikabbli skont il-proċedura ċivili, huma kollha kklassifikati mill-mod ta’ kif inhuma definiti, bħala termini legali, ġudizzjarji jew konvenzjonali (irrispettivament min-natura tagħhom). Termini legali huma dawk espressament previsti skont il-liġi u huma fissi fil-prinċipju, sabiex b’hekk ma jkunux jistgħu jitqassru jew jiġu estiżi mill-imħallef jew mill-partijiet (pereżempju, it-terminu ta’ ħamest ijiem għan-notifika tat-taħrika). Bħala eċċezzjoni, il-liġi tippermetti l-estensjoni jew it-tqassir ta’ ċerti termini legali. Termini ġudizzjarji huma dawk li jiġu stabbiliti mill-qorti matul ir-riżoluzzjoni tal-kawżi, għad-dehra tal-partijiet quddiem il-qorti, għas-smigħ tax-xhieda, għall-amministrazzjoni tal-evidenza l-oħra, jiġifieri dokumenti, rapporti ta’ esperti, eċċ. Termini konvenzjonali huma dawk li jistgħu jiġu ffissati mill-partijiet matul is-sentenza ta’ tilwim u ma jeħtiġux approvazzjoni mill-awtorità tal-qorti.

Skont it-tip tagħhom, it-termini proċedurali huma prevalenti (manifest) u projbittivi (differibbli), tal-ewwel ikunu dawk li fihom irid jitwettaq att proċedurali partikolari (pereżempju, it-termini li matulhom irid jitressaq appell - appell, it-tieni appell, eċċ.) u tal-aħħar ikunu dawk li fihom il-liġi tipprojbixxi kwalunkwe att proċedurali.

Kriterju ieħor għall-klassifikazzjoni tat-termini huwa relatat mas-sanzjoni applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħhom, bit-termini jkunu assoluti u relattivi. It-termini assoluti, jekk ma jiġux osservati, fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw il-validità tal-atti proċedurali, filwaqt li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini relattivi, anki jekk mhux bilfors jirriżulta fl-invalidazzjoni tal-atti proċedurali, jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji jew dixxiplinarji għall-partijiet ħatja (it-terminu tad-deċiżjoni, it-terminu tat-tħejjija, eċċ.).

Fl-aħħar nett, b’konnessjoni mat-tul ta’ żmien tagħhom, it-termini jistgħu jkunu espressi f’sigħat, jiem, ġimgħat u snin u din il-klassifikazzjoni hija pprovduta wkoll fl-Artikolu 181 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Barra minn hekk, hemm każijiet partikolari meta l-liġi ma tipprevedix speċifikament tip partikolari ta’ terminu (siegħa, jum, eċċ.), iżda mument fiż-żmien għat-tlestija tal-att proċedurali (pereżempju, il-każ ta’ oġġezzjoni għall-infurzar, li jista’ jiġi ppreżentat sal-aħħar att ta’ infurzar) jew inkella l-liġi tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jindikaw li l-att għandu jitwettaq “mingħajr dewmien” jew “mill-aktar fis possibbli” jew “bħala kwistjoni ta’ urġenza”.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont il-liġi Rumena, il-jiem mhux tax-xogħol huma s-Sibtijiet u l-Ħdud kollha, li jiżdiedu mal-btajjel nazzjonali (Jum Nazzjonali – l-1 ta’ Diċembru, Btala tax-Xogħol – l-1 ta’ Mejju), minbarra l-btajjel reliġjużi importanti (il-Milied – il-25 u s-26 ta’ Diċembru, l-Għid il-Kbir – jumejn u l-Pentekoste – jum wieħed, skont id-dati tal-kalendarju, it-Tlugħ is-Sema tal-Madonna – il-15 ta’ Awwissu, Sant’Indri – it-30 ta’ Novembru), l-Ewwel tas-Sena – l-1 u t-2 ta’ Jannar.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Ir-regoli applikabbli dwar it-termini huma dawk stipulati fl-Artikoli 180-186 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Kull terminu għandu żmien tal-bidu u żmien tat-tlestija, bit-tul ta’ żmien bejniethom.

Fir-rigward taż-żmien tal-bidu, l-Artikolu 184(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi li t-termini jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tal-atti proċedurali, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi.

Madankollu, hemm ukoll każijiet meta n-notifika tal-att proċedurali stabbilita bħala l-punt tat-tluq għat-termini tista’ tiġi sostitwita bl-atti proċedurali ekwivalenti (każijiet ta’ ekwipollenza). B’hekk, in-notifika tal-att proċedurali li tibda d-dekorrenza tat-terminu tiġi sostitwita, f’xi każijiet, bi proċedimenti oħrajn li huma l-punt tat-tluq għat-terminu (pereżempju, it-talba sabiex l-atti proċedurali jiġu nnotifikati lill-parti opposta, it-tressiq ta’ appell jew in-notifika tal-mandat ta’ eżekuzzjoni).

B’deroga mir-regola ġenerali, hemm ukoll każijiet meta t-termini jibdew jiddekorru minn mumenti oħrajn għajr in-notifika, jiġifieri mid-deċiżjoni (it-tiftix tal-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni, is-supplimentazzjoni tas-sentenza); mir-rikonoxximent tal-evidenza (għall-preżentazzjoni tal-ammonti mitluba jew tal-lista ta’ xhieda fi żmien ħamest ijiem), mill-pubblikazzjoni ta’ ċerti dokumenti (għar-reklamar għall-bejgħ ta’ bini fi żmien ħamest ijiem).

Fir-rigward taż-żmien tat-tlestija, dan huwa definit bħala l-mument meta jinkiseb l-effett tat-terminu, li huwa t-tmiem tal-possibbiltà li jitwettaq il-proċediment li għalih ikun ġie stabbilit terminu (għal termini prevalenti) jew, għall-kuntrarju, jiddetermina/jimmarka l-mument meta jinħoloq id-dritt li jitwettqu ċerti atti proċedurali (għal termini projbittivi).

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Bejn il-punt tat-tluq u l-punt tat-tlestija, it-termini jiddekorru mingħajr interruzzjonijiet, fil-prinċipju, mingħajr ebda possibbiltà ta’ interruzzjoni jew sospensjoni. Madankollu, tfixkil minħabba ċirkostanza li tmur lil hinn mir-rieda tal-parti – li hija msemmija fl-Artikolu 186 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili – huwa raġuni għall-interruzzjoni tat-termini proċedurali. Ċirkostanzi speċjali oħrajn għall-interruzzjoni huma miżjuda ma’ dan il-każ: (pereżempju, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ appell - l-Artikolu 469 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fl-istess ħin, il-liġi tistabbilixxi li t-terminu proċedurali jista’ wkoll jiġi sospiż (bħalma huwa l-każ għall-perjodu ta’ limitazzjoni – l-Artikolu 418 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk it-terminu jiġi interrott skont l-Artikolu 186 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, wara li t-tfixkil ikun waqaf, jibda jiddekorri terminu invarjabbli ta’ 15-il jum, irrispettivament mit-tul ta’ żmien tat-terminu interrott. F’każ ta’ sospensjoni, it-terminu jkompli jiddekorri mill-punt meta dik is-sospensjoni tkun waqfet u ż-żmien li jkun għadda qabel is-sospensjoni tat-terminu jiżdied ukoll miegħu.

F’konformità mal-Artikolu 183 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokument proċedurali ppreżentat fit-terminu legali permezz ta’ ittra rreġistrata ppreżentata lill-uffiċċju postali jew lil servizz express ta’ kurrier jew lil servizz tal-komunikazzjoni speċjalizzat jitqies li jkun fit-terminu. Id-dokument ippreżentat mill-parti interessata fit-terminu legali fl-unità militari jew fl-uffiċċju tal-amministrazzjoni tal-post fejn tinżamm dik il-parti jitqies ukoll li jkun fit-terminu. L-irċevuta mill-uffiċċju postali u r-reġistrazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni mis-servizz express ta’ kurrier, mis-servizz tal-komunikazzjoni speċjalizzat, mill-unità militari jew mill-uffiċċju tal-amministrazzjoni fejn tinżamm il-parti interessata, fejn xieraq, fuq id-dokument ippreżentat, isservi bħala prova għad-data meta bdiet l-att dik il-parti interessata.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

F’konformità mal-Artikolu 181 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, it-termini espressi f’jiem jiġu kkalkolati skont is-sistema esklussiva, jiġifieri skont il-jiem liberi, la l-jum meta jibda jiddekorri t-terminu – dies a quo – u lanqas il-jum meta jintemm – dies ad quem ma jitqiesu, u r-regoli applikabbli huma dawk speċifikati b’konnessjoni mal-punt tat-tluq, kif ippreżentati fit-Taqsima 4.

It-termini espressi f’jiem dejjem jiġu kkalkolati f’jiem sħaħ, madankollu, l-att jista’ jiġi ppreżentat biss fis-sigħat tax-xogħol tas-servizzi tal-qorti. Madankollu, dan in-nuqqas jista’ jitneħħa billi l-att proċedurali jintbagħat bil-posta, bl-uffiċjal postali jindika d-data u l-mezzi ta’ komunikazzjoni effettiva lir-riċevent. Ara wkoll it-tweġiba għall-Mistoqsija 4.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Pereżempju, jekk persuna trid taġixxi jew tiġi nnotifikata att nhar it-Tnejn, l-4 ta’ April 2005, u tintalab tipprovdi risposta fi żmien 14-il jum min-notifika, dan ifisser li l-persuna kkonċernata trid twieġeb qabel:

i. It-Tnejn, it-18 ta’ April (jiem kalendarji) jew

ii. Il-Ġimgħa, it-22 ta’ April (jiem tax-xogħol) ?

Ir-risposta korretta hija li n-numru speċifikat ta’ jiem jinkludi l-jiem kalendarji. Il-persuna kkonċernata trid tieħu azzjoni effettiva sa mhux aktar tard mit-18 ta’ April.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

F’konformità mal-Artikolu 182 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, it-termini espressi fi snin, xhur jew ġimgħat jintemmu fil-jum tas-sena, tax-xahar jew tal-ġimgħa li jikkorrespondi għall-jum tal-bidu.

It-terminu li jibda fid-29, fit-30 jew fil-31 tax-xahar u jintemm f’xahar li ma jkollu ebda jum bħal dan jitqies bħala li ntemm fil-jum preċedenti tax-xahar.

It-terminu li jintemm fi btala legali jew meta tiġi sospiża n-notifika se jiġi estiż sal-aħħar tal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

It-terminu espress f’ġimgħat, xhur jew snin jiskadi fil-jum korrispondenti fl-aħħar ġimgħa jew xahar jew fl-aħħar sena. Jekk l-aħħar xahar ma jkollux jum korrispondenti għal dak meta beda jiddekorri t-terminu, it-terminu jintemm fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. Meta l-aħħar jum ta’ terminu jkun jum mhux tax-xogħol, it-terminu jiġi estiż għall-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva, meta l-aħħar jum ta’ terminu jkun jum mhux tax-xogħol, it-terminu jiġi estiż għall-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

L-Artikolu 184 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jispeċifika li t-terminu proċedurali jiġi interrott u jibda jiddekorri terminu ġdid mid-data tan-notifika ġdida fil-każijiet li ġejjin:

  • meta tmut waħda mill-partijiet; f’dan il-każ, jiġi nnotifikat dokument ġdid lill-aħħar domiċilju tal-parti deċeduta, jiġifieri lill-werriet, mingħajr ma jintwerew l-isem u l-pożizzjoni ta’ kull werriet;
  • meta jmut ir-rappreżentant ta’ waħda mill-partijiet; f’dan il-każ, jiġi nnotifikat dokument ġdid lill-parti kkonċernata.

It-terminu proċedurali ma jibdiex jiddekorri u, jekk ikun beda jiddekorri qabel, huwa jiġi interrott fir-rigward tal-parti li ma jkollhiex il-kapaċità li taġixxi jew li jkollha kapaċità limitata li taġixxi sakemm tinħatar persuna sabiex tirrappreżenta jew tassisti lil dik il-parti, fejn xieraq.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Iva, ġew stabbiliti termini speċjali li jappartjenu għal oqsma tal-liġi. It-termini ġenerali għal appell u għat-tieni appell huma ta’ 30 jum fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. F’ċerti kwistjonijiet (proċedimenti speċjali), pereżempju, fil-każ ta’ ordni presidenzjali, it-terminu għal appell huwa ta’ ħamest ijiem, li huwa iqsar mit-terminu għat-tressiq ta’ appell skont il-liġi komuni.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Ir-risposta hija pożittiva, fis-sens li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, il-liġi tippermetti lill-imħallef jestendi t-terminu (pereżempju, b’ħamest ijiem skont l-Artikoli 469 u 490 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili – fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-appell u t-tieni appell, rispettivament), jew iqassru (pereżempju, skont l-Artikolu 159 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili b’konnessjoni mat-terminu għan-notifika tat-taħrika ħamest ijiem qabel id-data tas-seduta ta’ smigħ).

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Skont l-Artikolu 1087 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fi proċeduri ta’ qorti ċivili internazzjonali, il-qorti tapplika l-liġi proċedurali Rumena soġġetta għal dispożizzjonijiet espressi kuntrarji. Ara wkoll it-tweġiba għall-Mistoqsijiet 5, 11 u 16.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Kif ġie ddikjarat hawn fuq, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu assolut fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa l-validità tal-proċedimenti, filwaqt li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini relattivi, anki jekk mhux bilfors jirriżulta fl-invalidazzjoni tal-atti proċedurali, jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji jew dixxiplinarji għall-partijiet ħatja (it-termini tad-deċiżjoni, it-termini tat-tħejjija, eċċ.).

In-nuqqas ta’ osservanza tat-termini proċedurali x’aktarx li jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ diversi sanzjonijiet, kif ġej:

  • in-nullità tal-att proċedurali;
  • iċ-ċaħda tat-terminu pprovdut għat-twettiq tal-att proċedurali;
  • l-iskadenza tal-validità tat-talba riferita lill-qorti;
  • l-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni fuq l-intitolament għal infurzar obbligatorju;
  • sanzjonijiet finanzjarji;
  • sanzjonijiet dixxiplinarji;
  • l-obbligu li jitwettaq mill-ġdid jew jiġi emendat att magħmul mingħajr ebda formalità legali;
  • l-obbligu li jingħata kumpens lill-parti dannuża għal ksur tal-formalitajiet proċedurali.

L-Artikolu 185 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi li, meta jkun irid jiġi eżerċitat dritt proċedurali f’terminu partikolari, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu jwassal għaċ-ċaħda tal-intitolament, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. L-att proċedurali mwettaq wara li jkun skada t-terminu huwa null. Meta l-liġi tipprevedi d-diskontinwità ta’ att proċedurali f’terminu, l-att magħmul qabel jintemm it-terminu jista’ jiġi annullat fuq talba tal-parti interessata.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

L-Artikolu 186 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li l-parti li tkun tilfet terminu proċedurali tingħata terminu ġdid, diment li hija turi bil-provi li d-dewmien huwa debitament ġustifikat. Il-parti kkonċernata twettaq l-att proċedurali fi żmien mhux aktar minn 15-il jum mid-data meta tintemm id-diskontinwità u, fl-istess ħin, hija titlob sabiex tingħata terminu ġdid. Jekk il-parti kkonċernata tfittex rimedji, dan it-terminu jkun l-istess bħal dak ipprovdut meta jitressaq appell. It-talba għal terminu ġdid tiġi ttrattata mill-qorti kompetenti li tittratta t-talba rigward id-dritt mhux eżerċitat fit-terminu. Meta l-parti tkun ħatja, ma jkun disponibbli ebda rimedju proċedurali.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna