

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-proċedura ċivili Pollakka tipprevedi (1) termini statutorji, ġudizzjarji u kuntrattwali sabiex jitwettqu l-atti proċedurali mill-partijiet u (2) termini indikattivi sabiex jitwettqu l-atti proċedurali mill-qorti.
It-termini ġudizzjarji u statutorji huma finali u ma jistgħux jinqabżu.
It-termini statutorji, li huma definiti bħala termini preklużivi (li jfisser li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom irendi att proċedurali partikolari f’wieħed null), huma stabbiliti fil-liġijiet statutorji. Dawn it-termini ma jistgħux jiġu estiżi jew jitqassru. Terminu statutorju jibda jiddekorri fil-mument speċifikat f’liġi statutorja. Hemm żewġ tipi ta’ termini statutorji: termini li qabilhom trid titwettaq azzjoni u termini li warajhom tista’ titwettaq azzjoni. It-termini statutorji jinkludu t-termini għat-tressiq ta’ rimedji legali, pereżempju, it-terminu għat-tressiq ta’ appell jew ilment.
It-termini ġudizzjarji huma definiti wkoll bħala termini preklużivi, iżda huma jiġu stabbiliti minn qorti jew imħallef. It-termini ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi jew jitqassru, iżda dan jista’ jsir biss għal raġuni importanti u fuq mozzjoni ddepożitata qabel jiskadi t-terminu, anki mingħajr ma tinstema’ l-parti opposta. Dawn it-termini jibdew jiddekorru mill-mument meta tingħata deċiżjoni jew ordni għal dak l-għan; meta l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tipprevedi notifika awtomatika, huma jibdew jiddekorru meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni jew l-ordni.
It-termini ġudizzjarji jinkludu t-termini għar-regolarizzazzjoni ta’ inkapaċità proċedurali jew ġudizzjarja jew sabiex jagħmlu tajjeb għal difetti formali f’appell jew ilment.
It-termini kuntrattwali, kif jissuġġerixxi l-isem, jiġu stabbiliti permezz ta’ qbil bejn il-partijiet. Eżempju klassiku huwa s-sospensjoni tal-proċedimenti fuq mozzjoni konġunta tal-partijiet. Jekk il-partijiet jiddepożitaw mozzjoni bħal din, il-qorti tista’ (iżda mhijiex obbligata li) tissospendi l-proċedimenti. L-applikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ terminu tiddependi mir-rieda tal-partijiet biss.
It-termini indikattivi normalment jiġu indirizzati lill-awtoritajiet ġudizzjarji (qrati), mhux lill-partijiet.
In-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma għandu ebda konsegwenza proċedurali negattiva. L-iskop bażiku tagħhom huwa li japplikaw il-prinċipju ta’ ħeffa fil-proċedimenti. Eżempju ta’ terminu bħal dan huwa t-terminu għal qorti sabiex tfassal il-motivi għal sentenza.
Skont l-Att tat-18 ta’ Jannar 1951 dwar il-jiem mhux tax-xogħol, japplikaw il-jiem mhux tax-xogħol statutorji li ġejjin:
1. il-Ħdud kollha (is-Sibtijiet mhumiex jiem mhux tax-xogħol statutorji),
2. il-jiem elenkati aktar ’l isfel:
(a) l-1 ta’ Jannar - L-Ewwel tas-Sena,
(b) is-6 ta’ Jannar - L-Epifanija,
(c) Ħadd il-Għid,
(d) It-Tnejn ta’ wara l-Għid,
(e) l-1 ta’ Mejju - Btala Pubblika,
(f) it-3 ta’ Mejju - Il-Btala Nazzjonali tat-Tielet Jum ta’ Mejju,
(g) il-Pentekoste,
(h) Corpus Christi,
(i) il-15 ta’ Awwissu - It-Tlugħ is-Sema tal-Madonna,
(j) l-1 ta’ Novembru - Jum il-Qaddisin Kollha,
(k) il-11 ta’ Novembru - Btala Nazzjonali - Jum l-Indipendenza,
(l) il-25 ta’ Diċembru - Jum il-Milied,
(m) is-26 ta’ Diċembru - L-Għada tal-Milied.
Fl-2019, Ħadd il-Għid jaqa’ fil-21 ta’ April, it-Tnejn ta’ Wara l-Għid fit-22 ta’ April, il-Pentekoste fid-9 ta’ Ġunju u Corpus Christi fl-20 ta’ Ġunju.
Fil-liġi ċivili, it-terminu ‘terminu’ jista’ jkollu żewġ tifsiriet.
Huwa jista’ jkun mument speċifiku (pereżempju, il-5 ta’ April 2017) jew perjodu speċifiku li jkollu bidu u tmiem (pereżempju, 14-il jum).
Meta jiġi stabbilit terminu finali (data sa meta trid issir xi ħaġa), dak li huwa importanti huwa l-mument eżatt li fih jiskadi. Mhuwiex meħtieġ li terminu jiġi speċifikat bħala jum, iżda huwa jrid jiġi definit mill-okkorrenza tal-avveniment previst mill-partijiet kontraenti f’sitwazzjoni speċifika.
It-termini proċedurali jiġu stabbiliti bl-użu ta’ tali unitajiet ta’ żmien bħala jum, ġimgħa, xahar jew sena. Skont l-Artikolu 165 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-metodu li jintuża sabiex jiġu kkalkolati t-termini fi proċedura ċivili huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar it-termini, jekk liġi statutorja, deċiżjoni tal-qorti, deċiżjoni meħuda minn awtorità oħra tal-Istat jew att legali jistabbilixxu terminu mingħajr ma jispeċifikaw kif għandu jiġi kkalkolat (l-Artikolu 110 tal-Kodiċi Ċivili). L-impostar ta’ dokument proċedurali f’uffiċċju postali Pollakk jew f’uffiċċju postali ta’ operatur li jipprovdi servizz postali universali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jitqies bħala ekwivalenti għall-iddepożitar ta’ dak id-dokument proċedurali mal-qorti. L-istess japplika għall-iddepożitar ta’ dokument minn suldat mal-kwartieri ġenerali tal-unità, minn persuna mċaħħda mil-libertà mal-amministrazzjoni tal-ħabs tagħha jew minn membru tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tal-baħar Pollakk mal-kaptan ta’ dak il-bastiment.
Jum għandu 24 siegħa u jibda u jispiċċa f’nofs il-lejl (24:00).
Terminu speċifikat f’jiem jiskadi fi tmiem l-aħħar jum. Terminu espress f’ġimgħat, xhur jew snin jiskadi fi tmiem il-jum li jikkorrespondi, bl-isem jew id-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkun hemm ebda jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew l-aħħar ta’ xahar, dan jinftiehem bħala li jfisser l-ewwel, il-ħmistax jew l-aħħar jum tax-xahar, filwaqt li nofs xahar jikkorrespondi għal 15-il jum. Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar huwa preżunt bħala li għandu 30 jum u sena għandha 365 jum. Jekk l-aħħar tat-terminu għat-twettiq ta’ att jaqa’ f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew is-Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jkun imiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew is-Sibt.
Jekk il-bidu ta’ terminu definit f’jiem ikun avveniment speċifiku, il-jum li fih iseħħ l-avveniment ma jitqiesx meta jiġi kkalkolat it-terminu. Pereżempju, jekk qorti tkun innotifikat parti bi proċess li jħejjiha sabiex twettaq att speċifiku f’terminu ta’ sebat ijiem fil-11 ta’ Jannar 2017, dak it-terminu jkun skada f’nofs il-lejl (24.00) fit-18 ta’ Jannar 2017.
Qorti tista’ tinnotifika l-proċess b’għadd ta’ modi: bil-posta, minn uffiċjal ġudizzjarju, uxxiera jew permezz ta’ notifika ta’ proċess ġudizzjarju. In-notifika lid-destinatarju tista’ ssir ukoll billi d-dokument jingħata lid-destinatarju fir-reġistru tal-qorti. Sakemm in-notifika tkun saret kif suppost, dawn il-metodi kollha huma ugwalment validi u l-għażla tal-metodu ma taffettwax id-dekorrenza tat-termini.
Mit-8 ta’ Settembru 2016, ir-regoli jippermettu lil qorti tinnotifika l-proċess permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data jekk id-destinatarju jkun iddepożita d-dokumenti permezz ta’ tali sistema jew ikun għażel li jagħmel dan. Destinatarju li jkun għażel li jiddepożita d-dokumenti permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni tad-data jista’ jagħżel li ma jużax notifika elettronika.
Dokument innotifikat permezz ta’ mezzi elettroniċi jitqies bħala li ġie nnotifikat fid-data speċifikata fil-konferma tar-riċevuta elettronika tal-korrispondenza, anki jekk dik id-data taqa’ f’jum mhux tax-xogħol statutorju. Il-fatt li l-korrispondenza elettronika tasal bil-lejl ma għandu ebda effett fuq l-effettività tan-notifika. Fin-nuqqas ta’ konferma tar-riċevuta elettronika tal-korrispondenza, in-notifika titqies li hija effettiva 14-il jum wara d-data li fiha d-dokument jittella’ fis-sistema ta’ trażmissjoni tad-data. Ir-regoli msemmija hawn fuq jirrikjedu li l-partijiet jiċċekkjaw il-kont elettroniku tagħhom mill-inqas darba kull 14-il jum.
Jekk il-bidu ta’ terminu definit f’jiem ikun avveniment speċifiku, il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment ma jitqiesx meta jiġi kkalkolat it-terminu.
It-termini stipulati f’jiem jiġu espressi f’jiem kalendarji. Jekk l-aħħar tat-terminu għat-twettiq ta’ azzjoni jaqa’ f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew is-Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jkun imiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew is-Sibt.
Terminu espress f’ġimgħat, xhur jew snin jiskadi fi tmiem il-jum li jikkorrespondi, bl-isem jew id-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkun hemm ebda jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.
Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew l-aħħar ta’ xahar, dan jinftiehem bħala li jfisser l-ewwel, il-ħmistax jew l-aħħar jum tax-xahar. Nofs xahar jikkorrespondi għal 15-il jum.
Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar huwa preżunt bħala li għandu 30 jum u sena għandha 365 jum.
Terminu espress f’ġimgħat, xhur jew snin jiskadi fi tmiem il-jum li jikkorrespondi, bl-isem jew id-data, għall-ewwel jum tat-terminu jew, jekk ma jkun hemm ebda jum bħal dan fl-aħħar xahar, fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.
Jekk terminu jiġi espress bħala l-bidu, in-nofs jew l-aħħar ta’ xahar, dan jinftiehem bħala li jfisser l-ewwel, il-ħmistax jew l-aħħar jum tax-xahar. Nofs xahar jikkorrespondi għal 15-il jum.
Jekk terminu jiġi stabbilit f’xhur jew snin u ma tkunx meħtieġa kontinwità, xahar huwa preżunt bħala li għandu 30 jum u sena għandha 365 jum.
Jekk l-aħħar tat-terminu għat-twettiq ta’ att jaqa’ f’jum mhux tax-xogħol statutorju jew is-Sibt, it-terminu jiskadi fil-jum li jkun imiss li ma jkunx jum mhux tax-xogħol jew is-Sibt.
Huma biss it-termini ġudizzjarji, jiġifieri t-termini stabbiliti minn qorti jew imħallef li jippresjedi, li jistgħu jiġu estiżi jew jitqassru. Deċiżjoni sabiex jiġi estiż jew jitqassar terminu tista’ tittieħed minn imħallef li jippresjedi jew qorti, iżda biss għal raġunijiet importanti, bil-valutazzjoni tar-raġunijiet titħalla għad-diskrezzjoni tagħhom.
Terminu jista’ jiġi estiż jew jitqassar biss fuq mozzjoni ta’ parti, parteċipant fi proċedimenti mhux kontenzjużi, parti li tintervjeni, prosekutur pubbliku, spettur tax-xogħol, l-ombudsman tal-konsumaturi, organizzazzjoni mhux governattiva, espert maħtur mill-qorti jew xhud, jekk it-terminu jkun jikkonċerna l-atti tagħhom. Deċiżjoni bħal din ma tistax tittieħed fuq mozzjoni tal-qorti jew tal-imħallef stess.
Mozzjoni trid tiġi ddepożitata qabel jiskadi t-terminu stabbilit.
Il-Kodiċi Pollakk tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi termini proċedurali statutorji għall-iddepożitar ta’ rimedji legali skont it-tip ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (sentenza (wyrok), deċiżjoni dwar is-sustanza tal-kawża fi proċedimenti mhux kontenzjużi (postanowienie co do istoty sprawy w postępowaniu nieprocesowym), sentenza mogħtija f’kontumaċja (wyrok zaoczny), ordni għal ħlas fi proċedura permezz ta’ ordni ta’ ħlas (nakaz zapłaty w postępowaniu upominawczym), ordni għal ħlas f’ordni għal proċedura ta’ ħlas (nakaz zapłaty w postępowaniu nakazowym) u deċiżjonijiet (postanowienie)). B’mod partikolari, ġew stipulati t-termini statutorji li ġejjin:
Jekk parti ma tkunx talbet, fi żmien ġimgħa mid-data li fiha ġiet iddikjarata l-parti operattiva tas-sentenza, li s-sentenza u r-raġunijiet jiġu nnotifikati, it-terminu għat-tressiq ta’ appell jiddekorri mill-jum li fih jiskadi t-terminu għall-iddepożitar ta’ mozzjoni bħal din;
Xhud jew parti għall-proċedimenti għandhom dritt assolut li jidhru quddiem il-qorti. Ix-xhieda jridu wkoll jidhru quddiem il-qorti anki jekk ma jkollhom ebda għarfien taċ-ċirkostanzi tal-każ jew jekk ikunu diġà ddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jixhdu. Xhud irid jiskuża l-assenza tiegħu (in-nuqqas li jidher quddiem il-qorti) bil-miktub qabel id-data tas-seduta ta’ smigħ. Il-preżentazzjoni ta’ skużi għan-nuqqas ta’ dehra fil-qorti f’data aktar tard ma timpedix lill-qorti milli timponi multa fuq ix-xhud waqt is-seduta ta’ smigħ.
Xhud għandu jehmeż dokument li jissostanzja r-raġuni għan-nuqqas tiegħu li jidher quddiem il-qorti bl-iskuża bil-miktub. In-nuqqas ta’ xhud li jidher quddiem il-qorti jista’ jiġi skużat minħabba mard, vjaġġ importanti għall-fini ta’ negozju jew inċident serju imprevedibbli. Meta l-mard jiġi ddikjarat bħala r-raġuni għan-nuqqas ta’ xhud milli jidher quddiem il-qorti meta jiġi mħarrek sabiex jagħmel dan, tabib maħtur mill-qorti jrid joħroġ ċertifikat li jikkonferma n-nuqqas ta’ abbiltà tax-xhud milli jidher quddiem il-qorti. F’każ bħal dan, il-qorti tistabbilixxi data oħra sabiex xhud jidher quddiem il-qorti.
Parti jew xhud huma soġġetti għar-regoli tal-proċedura ċivili applikati mill-awtorità ġudizzjarja (qorti).
Att proċedurali mwettaq minn parti wara l-iskadenza tat-terminu jitqies bħala null.
Dan il-prinċipju japplika kemm għat-termini statutorji kif ukoll għal dawk ġudizzjarji. In-nullità ta’ att proċedurali tfisser li att imwettaq tard ma għandux effetti legali assoċjati mat-twettiq tiegħu permezz ta’ liġijiet statutorji. Att proċedurali mwettaq wara l-iskadenza tat-terminu jitqies bħala null anki jekk il-qorti tkun għadha ma ħarġitx id-deċiżjoni li tkun il-konsegwenza tal-iskadenza tat-terminu.
Jekk terminu jinqabeż, parti tista’ titlob li dan jerġa’ jiġi stabbilit u tapplika sabiex jerġgħu jinfetħu l-proċedimenti.
Jekk il-parti tkun qabżet it-terminu għat-twettiq ta’ att proċedurali mingħajr ebda ħtija min-naħa tagħha, il-qorti terġa’ tistabbilixxi t-terminu fuq mozzjoni tagħha. Madankollu, l-istabbiliment mill-ġdid tat-terminu mhuwiex ammissibbli jekk in-nuqqas ta’ lħuq tat-terminu ma jkollu ebda konsegwenza proċedurali negattiva għall-parti. Trattazzjoni li jkun fiha mozzjoni sabiex it-terminu jiġi stabbilit mill-ġdid għandha titressaq lill-qorti li quddiemha kellu jitwettaq l-att sa mhux aktar tard minn ġimgħa wara li ma tibqax tapplika r-raġuni għan-nuqqas ta’ lħuq tat-terminu. Iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw il-mozzjoni għandhom jiġu ssostanzjati fit-trattazzjoni. Il-parti għandha twettaq l-att proċedurali fl-istess ħin li tressaq il-mozzjoni. Wara sena mit-terminu maqbuż, dan ikun jista’ jerġa’ jiġi stabbilit biss f’każijiet eċċezzjonali. L-istabbiliment mill-ġdid ta’ terminu għat-tressiq ta’ appell kontra sentenza li tannulla żwieġ jew li tiddikjara divorzju, jew inkella li tiddikjara n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ, mhuwiex ammissibbli, lanqas jekk waħda mill-partijiet tkun reġgħet iżżewġet wara li s-sentenza tkun saret finali. Mozzjoni għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ terminu li tkun ġiet iddepożitata tard jew li tkun inammissibbli skont il-liġijiet statutorji tiġi rrifjutata mill-qorti. Il-fatt tal-preżentata ta’ talba għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ terminu ma jwaqqafx il-proċedimenti jew l-infurzar tad-deċiżjoni. Madankollu, il-qorti tista’, skont iċ-ċirkostanzi, twaqqaf il-proċedimenti jew l-infurzar tad-deċiżjoni. Jekk il-mozzjoni tingħata, il-qorti tista’ tipproċedi minnufih sabiex tisma’ l-kawża.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jagħmilha possibbli li terġa’ tinstema’ kawża li tkun ġiet konkluża permezz ta’ deċiżjoni finali. Ilment li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ta’ spiss jiġi ttrattat bħala rimedju legali straordinarju (jew appell straordinarju) li jintuża sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet finali, kuntrarju għar-rimedji ordinarji (li jintużaw fir-rigward tad-deċiżjonijiet mhux finali). Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jista’ jintalab fuq il-bażi li: is-sentenza kienet ibbażata fuq dokument iffalsifikat jew mibdul jew fuq kundanna kriminali li sussegwentement ġiet annullata; jew is-sentenza nkisbet permezz ta’ reat kriminali. Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jista’ jintalab ukoll: jekk sentenza finali li tkun tikkonċerna l-istess relazzjoni legali tiġi żvelata aktar tard, jew jekk jiġu żvelati ċirkostanzi jew evidenza fattwali li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-kawża u li ma setgħux jintużaw mill-parti fi proċedimenti preċedenti; jekk il-kontenut tas-sentenza kien influwenzat minn deċiżjoni li ma temmitx il-proċedimenti fil-kawża, maħruġa abbażi ta’ att normattiv rikonoxxut mit-Tribunal Kostituzzjonali bħala li jmur kontra l-Kostituzzjoni, trattat internazzjonali ratifikat jew il-liġijiet statutorji (annullati jew emendati f’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ma jistax jintalab aktar minn għaxar snin wara d-data li fiha sentenza tkun saret finali (sakemm parti ma setgħetx taġixxi jew ma kinitx irrappreżentata kif suppost).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.