Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Żmien għar-risposta għal talba – Fi proċedimenti tal-Qorti Għolja (High Court), il-konvenut, jekk ikun jirrisjedi fl-Irlanda ta’ Fuq, għandu jidher il-qorti fi żmien 14-il jum wara n-notifika taċ-ċitazzjoni (l-Ordni 10) (inkluż il-jum tan-notifika), għalkemm jista’ jidher il-qorti tard fi kwalunkwe ħin qabel ma tingħata s-sentenza kontrih. Dehra l-qorti wara s-sentenza teħtieġ awtorizzazzjoni (jew permess) (l-Ordni 12 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980)). Il-konvenut għandu jinnotifika risposta fi żmien 6 ġimgħat wara l-konsenja tad-dikjarazzjoni tat-talba, 6 ġimgħat wara d-dehra tiegħu l-qorti jew 6 ġimgħat wara li jkun ingħata l-permess li jirrispondi, skont liema jkun l-aħħar (l-Ordni 18). Fi proċedimenti tal-Qorti tal-Kontea (County Court), il-konvenut għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta risposta fi żmien 21 jum min-notifika lilu ta’ att ċivili (l-Ordni 12 tar-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981)).

Żmien għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza – Skont l-Artikolu 16 tal-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta' Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989), ma tistax titressaq kawża kontra xi sentenza wara sitt snin mid-data li fiha s-sentenza tkun saret eżegwibbli.

Perjodi ta’ preskrizzjoni – B’mod ġenerali, japplika perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin u huwa applikabbli, pereżempju, għal:

  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi dwar delitt (l-Artikolu 6 tal-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989)).
  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi ta’ konverżjonijiet suċċessivi u l-estinzjoni tat-titolu ta’ sid u oġġetti konvertiti (l-Artikolu 17 tal-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989)).

Il-perjodi ta’ preskrizzjoni jvarjaw għal tipi oħra ta’ kawżi. Pereżempju:

il-limitu ta’ żmien għal kawżi fir-rigward ta’ korriment personali huwa ta’ tliet snin (l-Artikolu 7 tal-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989)).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

L-Ordni 3 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) flimkien mal-Artikolu 5 tal-Att tal-1978 dwar l-Interpretazzjoni (Interpretation Act 1978) u l-Ordni 43 tar-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981) flimkien mal-Artikolu 39 tal-Att tal-1954 dwar l-Interpretazzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Interpretation Act (Northern Ireland) 1954) jittrattaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Qorti Suprema (Rules of the Supreme Court) u tar-Regoli tal-Qrati tal-Kontea (County Court Rules) rispettivament f’termini tal-kalkolu tal-perjodi ta’ żmien.

Minbarra s-Sibt u l-Ħadd, il-jiem li fihom ma jsirx xogħol fl-Irlanda ta’ Fuq jinkludu l-btajjel pubbliċi li ġejjin:

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta’ Jannar
  • Jum San Patrizju (St Patrick’s Day): is-17 ta’ Marzu
  • It-Tnejn ta’ wara l-Għid: il-jum tat-Tnejn ta’ wara l-Għid
  • It-Tlieta ta’ wara l-Għid: il-jum tat-Tlieta ta’ wara l-Għid
  • Btala Pubblika tal-Bidu ta’ Mejju: l-ewwel jum tat-Tnejn f’Mejju
  • Btala Pubblika tar-Rebbiegħa: l-aħħar jum tat-Tnejn f’Mejju
  • Btajjel Pubbliċi ta’ Lulju: it-12 u t-13 ta’ Lulju
  • Btala Pubblika tas-Sajf: l-aħħar jum tat-Tnejn f’Awwissu
  • Jum il-Milied: il-25 ta’ Diċembru
  • L-Għada tal-Milied: is-26 ta’ Diċembru

Meta Jum il-Milied, l-Għada tal-Milied jew l-Ewwel tas-Sena jaħbat fi tmiem il-ġimgħa, il-jum tax-xogħol li jmiss isir btala pubblika. Pereżempju, jekk il-25 u s-26 ta’ Diċembru jkunu s-Sibt u l-Ħadd rispettivament, it-Tnejn u t-Tlieta ta’ wara jkunu btajjel pubbliċi.

Barra minn hekk, il-qrati kollha jkunu magħluqin għal ġurnata żejda fil-Milied u anki fil-Ġimgħa l-Kbira.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

L-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989) – Din tistipula diversi limiti ta’ żmien għall-bidu tal-proċedimenti u tistabbilixxi perjodi oħra li fihom, pereżempju, sentenza trid tiġi eżegwita u jridu jittieħdu azzjonijiet oħra mill-partijiet. Aktar informazzjoni hija mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1 aktar ’il fuq.

L-Ordni tal-1985 dwar Perjodi ta’ Preskrizzjoni Barranin (Irlanda ta’ Fuq) (Foreign Limitation Periods (Northern Ireland) Order 1985) - Din tipprevedi li kwalunkwe liġi relatata mal-preskrizzjoni ta’ kawżi għandha tiġi trattata, għall-finijiet ta’ kawżi li fihom jingħata effett lil liġi barranija jew lil determinazzjonijiet minn qrati barranin, bħala kwistjoni ta’ sustanza pjuttost milli bħala kwistjoni ta’ proċedura. Dan japplika kemm għall-proċedimenti arbitrali kif ukoll għall-proċedimenti legali fil-qrati tal-Irlanda ta’ Fuq, kull meta jkollha titqies il-liġi ta’ pajjiż ieħor.

Ir-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) u r-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981) – Dawn huma r-regoli proċedurali għall-qrati ċivili fl-Irlanda ta’ Fuq u jinkludu limiti ta’ żmien għal kawżi differenti.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Id-data tal-bidu tal-perjodu għar-risposta għal kawża ġeneralment tibda tiddekorri mid-data tan-notifika tal-proċedimenti – ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1 hawn fuq. Skont l-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989), id-data li minnha jibda jiddekorri l-perjodu ġeneralment hija d-data tal-avveniment rilevanti, pereżempju, iż-żmien tal-bidu għall-perjodu ta’ 6 snin biex tiġi eżegwita sentenza huwa d-data li fiha s-sentenza tkun saret eżegwibbli.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Iva - meta ċitazzjoni tiġi nnotifikata bil-posta jew bl-inseriment fil-kaxxa tal-ittri, din titqies li tkun ġiet innotifikata fis-seba’ jum (inkluż tmiem il-ġimgħa) wara li jkun sar dan (l-Ordni 10, ir-Regola 1 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980)), għalkemm jekk tiġi impustata l-Ħadd, x’aktarx li titqies li ġiet innotifikata t-Tnejn tmint ijiem wara l-impustar. Bl-istess mod, jekk att ċivili jiġi nnotifikat minn avukat (solicitor) permezz ta’ posta prijoritarja, dan jitqies li ġie nnotifikat fis-seba’ jum tax-xogħol wara li jkun ġie impustat (eskluż il-jum tal-impustar) iżda b’differenza mir-regola tal-Qorti Għolja (High Court), il-perjodu ta’ sebat ijiem ma jinkludix is-Sibt, il-Ħadd u l-btajjel pubbliċi (l-Ordni 43, ir-regola 19A tar-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981)).

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

L-Ordni 3, ir-regola 2 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) tapplika għal kwalunkwe perjodu ta’ żmien stabbilit mir-Regoli jew minn kwalunkwe sentenza, ordni jew direzzjoni għat-twettiq ta’ kwalunkwe att. Meta att ikun meħtieġ li jsir fi żmien perjodu speċifikat wara jew minn data speċifikata, il-perjodu normalment jibda immedjatament wara dik id-data. Meta l-att ikun meħtieġ li jsir numru speċifikat ta’ ġranet sħaħ qabel jew wara data speċifikata, tal-anqas irid ikun hemm dak l-ammont ta’ ġranet bejn id-data li fiha jsir l-att u dik id-data.

L-Ordni 43, ir-regola 17 tar-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981) tapplika għaż-żminijiet stabbiliti mir-Regoli. Meta xi ħaġa tkun trid issir fi żmien perjodu speċifikat ta' jew wara li jseħħ avveniment partikolari, il-perjodu jibda fl-aħħar tal-jum tal-avveniment, sakemm ma jiġix espress li jinkludi dak il-jum.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

L-Ordni 3, ir-regola 2 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) tistipula li meta l-perjodu inkwistjoni, li jkun perjodu ta’ 7 ijiem jew anqas, jinkludi Sibt, Ħadd jew btala pubblika, Jum il-Milied jew il-Ġimgħa l-Kbira, dak il-jum għandu jiġi eskluż. L-Ordni 3, ir-regola 3 tistipula li sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor, il-perjodu tal-Vaganza Twila, jiġifieri l-vaganzi tas-sajf, għandu jiġi eskluż fil-kalkolu ta’ kwalunkwe perjodu preskritt mir-Regoli jew minn kwalunkwe ordni jew direzzjoni oħra għan-notifika, preżentazzjoni jew emenda ta’ kwalunkwe att proċedurali. L-Ordni 3, ir-regola 4 tistipula li meta ż-żmien preskritt mir-Regoli, jew minn kwalunkwe sentenza, ordni jew direzzjoni, għat-twettiq ta’ kwalunkwe att fl-uffiċċju tal-Qorti Suprema (Supreme Court) jiskadi f’jum li fih dak l-uffiċċju jkun magħluq, u minħabba f’hekk dak l-att ma jkunx jista’ jitwettaq f’dak il-jum, l-att għandu jkun fil-ħin jekk isir fil-jum li jmiss li dak l-uffiċċju jkun miftuħ.

L-Ordni 43, ir-regola 17 tar-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981) tistipula li fejn ir-Regoli jitolbu li xi ħaġa trid issir fi żmien perjodu li ma jaqbiżx it-tlett ijiem, dan jeskludi s-Sibt, il-Ħadd jew kwalunkwe jum ieħor meta l-Uffiċċju jkun magħluq. Meta ż-żmien preskritt għat-twettiq ta’ kwalunkwe att jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’jum ieħor li l-uffiċċju jkun magħluq, l-att jista’ jsir fil-jum li jmiss meta l-uffiċċju jkun miftuħ. Id-dispożizzjoni tal-aħħar testendi wkoll għal-limiti ta’ żmien preskritti minn digriet jew ordni.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

L-Ordni 3, ir-regola 1 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) tistipula li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Att tal-1978 dwar l-Interpretazzjoni (Interpretation Act 1978) fl-applikazzjoni tiegħu għar-Regoli, il-kelma “xahar” meta tidher fi kwalunkwe sentenza, ordni, direzzjoni jew dokument ieħor, tfisser xahar kalendarju sakemm il-kuntest ma jirrikjedix mod ieħor.

Meta perjodu jiġi espress fi snin, għalkemm ma hemm l-ebda regola espliċita, b’analoġija jekk tintuża “sena” fi kwalunkwe sentenza, ordni, direzzjoni jew dokument ieħor, din tfisser sena kalendarja.

Fir-rigward tal-proċedimenti tal-qrati tal-kontea (county court), japplika l-Artikolu 39 tal-Att tal-1954 dwar l-Interpretazzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Interpretation (Northern Ireland) Act 1954) li jistipula li “sena” tfisser 12-il xahar (kalendarju) u “xahar” tfisser xahar kalendarju.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

L-Ordni 3, ir-regola 2 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of  Judicature (Northern Ireland) 1980) tistipula li, jekk att ikun meħtieġ li jsir fi żmien jew sa mhux anqas minn perjodu speċifikat qabel data speċifikata, il-perjodu jintemm immedjatament qabel dik id-data.

Fir-Regoli tal-1981 tal-Qrati tal-Kontea (Irlanda ta’ Fuq) (County Court Rules (Northern Ireland) 1981), bis-saħħa tal-Artikolu 39 tal-Att tal-1954 dwar l-Interpretazzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Interpretation (Northern Ireland) Act 1954), perjodu espress li jintemm f’jum partikolari jew ikkalkulat sa jum partikolari, jinkludi dak il-jum.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

L-Ordni 3, ir-regola 2 tar-Regoli tal-1980 tal-Qorti tal-Ġudikatura (Irlanda ta’ Fuq) (Rules of the Court of Judicature (Northern Ireland) 1980) tistipula li meta l-perjodu inkwistjoni, li jkun perjodu ta’ 7 ijiem jew anqas, jinkludi Sibt, Ħadd jew btala pubblika, Jum il-Milied jew il-Ġimgħa l-Kbira, dak il-jum għandu jiġi eskluż. L-Ordni 3, ir-regola 3 tistipula li sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor, il-perjodu tal-Vaganza Twila, jiġifieri l-vaganzi tas-sajf, għandu jiġi eskluż fil-kalkolu ta’ kwalunkwe perjodu preskritt mir-Regoli jew minn kwalunkwe ordni jew direzzjoni oħra għan-notifika, preżentazzjoni jew emenda ta’ kwalunkwe att proċedurali. L-Ordni 3, ir-regola 4 tistipula li meta ż-żmien preskritt mir-Regoli, jew minn kwalunkwe sentenza, ordni jew direzzjoni, għat-twettiq ta’ kwalunkwe att fl-uffiċċju tal-Qorti Suprema (Supreme Court) jiskadi f’jum li fih dak l-uffiċċju jkun magħluq, u minħabba f’hekk dak l-att ma jkunx jista’ jitwettaq f’dak il-jum, l-att għandu jkun fil-ħin jekk isir fil-jum li jmiss li dak l-uffiċċju jkun miftuħ.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

-

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-limitu ta’ żmien għall-appelli kontra sentenzi tal-Qorti Għolja (High Court) huwa ġeneralment ta’ sitt ġimgħat u għall-appelli kontra digrieti tal-qrati tal-kontea (county court) huwa ta’ 21 jum. Il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ rikors biex imħallef jirrieżamina d-deċiżjoni ta’ korp jekk inti tkun intitolat li tagħmel dan skont l-istatut huwa ta’ 21 jum, sakemm l-istatut inkwistjoni ma jsostnix mod ieħor.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Jekk l-attur jaħseb li jkun hemm raġunijiet eċċezzjonali, huwa jista’ jitlob lill-qorti biex tikkunsidra rikors immedjatament u mingħajr ma l-konvenut jiġi nnotifikat b’xi dokumenti, jiġifieri “ex parte” jew “mingħajr avviż”. Jekk l-imħallef joħroġ ordni “ex parte” jew “mingħajr avviż, l-attur jingħata appuntament ieħor biex jattendi l-qorti. Il-konvenut ikun intitolat li jkun preżenti għal dan l-appuntament sabiex l-imħallef ikun jista’ jisma’ liż-żewġ partijiet qabel ma jiddeċiedi jekk għandux joħroġ ordni oħra.

Fil-Parti IV tal-Ordni tal-1989 dwar il-Preskrizzjoni (Irlanda ta’ Fuq) (Limitation (Northern Ireland) Order 1989) huma previsti aktar possibbiltajiet ta’ estensjoni ta’ perjodu. Pereżempju, jista’ jkun hemm estensjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni f’każijiet fejn l-attur ikollu diżabbiltà (l-Artikolu 48 tal-Att tal-1980 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1980)).

Sakemm ir-regoli tal-qorti ma jipprevedux mod ieħor jew il-qorti ma tordnax mod ieħor, iż-żmien speċifikat minn regola jew mill-qorti biex persuna tagħmel kwalunkwe att jista’ jiġi varjat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-imħallfin għandhom setgħat biex jibdlu l-perjodi ta’ żmien.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Le. Il-parti ma titlifx il-benefiċċju ta’ dik il-leġiżlazzjoni barranija.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk konvenut jonqos milli jikkontesta jew jikkonferma l-proċedimenti fiż-żmien meħtieġ, attur jista’ jitlob sentenza fil-kontumaċja. Madankollu, il-konvenut xorta jkollu l-possibbiltà li jappella kontra dik id-deċiżjoni jew qorti tista’ tannulla s-sentenza.

Huma disponibbli wkoll sanzjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni tal-kawżi. Pereżempju meta parti tkun meħtieġa tissottometti xi ħaġa, jiġifieri perizja, sa ċertu żmien u tonqos milli tagħmel dan, il-qorti tista’ tordna dak ir-rapport bħala inammissibbli.

Il-qorti tista' tirrikorri wkoll għal sanzjonijiet bħalma huwa d-disprezz tal-qorti.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-partijiet inadempjenti jistgħu jersqu quddiem il-qorti u jitolbuha testendi l-iskadenza. Jekk l-iskadenza tal-perjodu tkun irriżultat f’sentenza fil-kontumaċja, huma jistgħu jippreżentaw appell jew jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni.

L-aħħar aġġornament: 04/03/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.