Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

It-termini proċedurali huma l-perjodi ta' żmien li fihom irid jittieħed il-pass proċedurali.

It-termini jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej, skont min huwa marbut bihom:

- it-termini li magħhom iridu jikkonformaw qorti, imħallef jew uffiċjal ġudizzjarju huma stabbiliti bil-liġi, u normalment ikunu qosra. Fil-proċedimenti ċivili, dawn it-termini jvarjaw minn jum għal 30 jum (pereżempju, l-Artikolu 102(2) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums, minn hawn ’il quddiem “CPL”), 15-il jum; l-Artikolu 140(9) tas-CPL, 30 jum; l-Artikolu 341.6(2) tas-CPL, 15-il jum). L-imħallef irid jiddeċiedi jaċċettax rikors fi żmien 7 ijiem minn meta jirċevih, iżda meta r-rikors jitlob ir-ritorn ta’ wild minuri lejn il-Latvja, u jrid jiġi ppreżentat lil pajjiż barrani, trid tittieħed deċiżjoni matul seduta tal-qorti fi żmien 15-il jum minn meta jibdew il-proċedimenti. Sentenza dwar miżuri għall-garanzija ta' talba trid tingħata mhux aktar tard mill-għada li jkunu bdew il-proċedimenti. Deċiżjoni dwar protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza trid tingħata mhux aktar tard mill-ġurnata ta' xogħol wara li jkun wasal ir-rikors, jekk ma jkunux meħtieġa aktar provi jew jekk id-dewmien jista' jaffettwa d-drittijiet tar-rikorrent b'mod sinifikanti; f'każijiet oħra trid tingħata fi żmien 20 jum minn meta jasal ir-rikors. Għal ċerti kategoriji ta' kawżi hemm preskrizzjoni li fiha jrid jibda l-eżami tal-kawża jew inkella jsir rieżami u jispiċċa b'sentenza. Kopja vera tas-sentenza jew deċiżjoni trid tintbagħat mhux aktar tard minn tlett ijiem wara li tingħata s-sentenza jew id-deċiżjoni, jew, jekk tingħata sentenza qasira, fi żmien tlett ijiem tat-tfassil tas-sentenza sħiħa. Hemm preskrizzjoni oħra prevista mil-liġi. Xi kultant il-qorti jew l-uffiċjal ġudizzjarju jridu jieħdu ċerti passi minnufih. F'ċerti każijiet previsti mil-liġi hemm preskrizzjoni ġenerali li l-qrati jew l-imħallef jistgħu jagħmluhom speċifiċi, u b'hekk jimponu huma stess iż-żmien li fih irid isir dan il-pass. F'kawżi kumplessi l-qorti tista' tagħti sentenza qasira li tikkonsisti biss f'parti introduttorja u parti operattiva. Il-qorti tikteb is-sentenza sħiħa fi żmien 14-il jum u tispeċifika data meta din tkun lesta. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili ma tispeċifikax termini sa meta l-qorti trid tipprepara u tiddeċiedi kawża ċivili. Madankollu, l-Artikolu 28 tal-Liġi dwar is-setgħa ġudizzjarja (Likums par tiesu varu) jgħid li, sabiex tiġi żgurata d-difiża tad-drittijiet miksura ta’ persuna, qorti trid teżamina l-każ “b’mod tempestiv”, li jfisser li l-kawża trid tinqata’ kemm jista’ jkun malajr. Fl-istess ħin, b’eċċezzjoni mill-proċedura ordinarja tal-qorti, il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tistabbilixxi termini speċifiċi għall-eżami ta’ rikorsi għal ċerti kategoriji ta’ kawżi ċivili li huma suġġetti għal proċeduri speċjali: pereżempju, imħallef irid jiddeċiedi dwar rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta’ obbligi fi żmien 7 ijiem mill-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, hemm dispożizzjonijiet f’leġiżlazzjoni speċjalizzata li jistipulaw liema materji jridu jiġu deċiżi permezz ta’ proċedura straordinarja (pereżempju, trid tingħata prijorità li kull kawża marbuta mal-iżgurar tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal kif previst fil-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal (Bērnu tiesību aizsardzības likums)).

- Termini għall-passi proċedurali li jridu jittieħdu mill-partijiet fil-proċedimenti – dawn it-termini huma stabbiliti mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili – 14-il jum qabel is-seduta għall-preżentazzjoni tal-provi, ħlief jekk l-imħallef ikun stabbilixxa terminu differenti (7 ijiem fil-każ ta’ proċedura bil-miktub); 10 ijiem għall-preżentata ta’ lment anċillari (blakus sūdzība); 20 jum għall-preżentata ta’ appell (apelācija), eċċ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, madankollu, it-termini applikabbli għall-partijiet fil-proċedimenti u kull parti interessata oħra jiġu stabbiliti mill-qorti, l-imħallef jew l-uffiċjal ġudizzjarju, li jiffissa data speċifika għal terminu li l-liġi tistabbilixxi biss f’termini ġenerali, jew jiffissa data b’mod indipendenti, filwaqt li jqis it-tip ta’ pass proċedurali, id-distanza mir-residenza ta’ persuna jew fejn tinsab il-persuna, u ċirkostanzi oħra.

Il-preskrizzjoni applikabbli għall-persuni li mhumiex partijiet fil-kawża tiġi stabbilita biss minn qorti jew imħallef.

Il-preskrizzjoni ewlenija hija kif ġej:

• terminu għall-preżentazzjoni tal-provi: sakemm l-imħallef ma jiddeċidix mod ieħor, il-provi jridu jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn 14-il jum qabel seduta (7 ijiem qabel il-ftuħ tal-proċedimenti skont il-proċedura bil-miktub). Waqt li tkun qed tinstema’ l-kawża, il-provi jistgħu jiġu ppreżentati wara talba dettaljata tal-parti fil-kawża jew parti terza, sakemm dan ma jkunx ifisser dewmien fid-deċiżjoni tal-kawża, jew li l-qorti taċċetta li hemm raġunijiet tajba għaliex il-provi ma ġewx ippreżentati fil-ħin, jew li l-provi jikkonċernaw fatti li nkixfu matul l-andament tal-proċedimenti. Deċiżjoni tal-qorti li tirrifjuta l-provi ma tistax tiġi kkontestata, iżda l-oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni jistgħu jitressqu f’appell sħiħ (apelācija) jew f’appell fuq punt ta’ liġi (kasācija).

• terminu għall-konvenut biex jippreżenta l-osservazzjonijiet: malli jkunu nfetħu l-proċedimenti, ir-rikors irid jintbagħat lill-konvenut minnufih, fl-indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tiegħu jew bil-posta reġistrata, bl-iffissar ta’ terminu għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ 15 sa 30 jum mid-data minn meta jkun intbagħat ir-rikors;

• terminu għall-korrezzjoni tan-nuqqasijiet f’rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti u r-ritrattazzjoni tal-kawża: meta s-sentenza tingħata b'kontumaċja, il-konvenut għandu 20 jum mid-data tas-sentenza biex jitlob lil-qorti terġa' tiftaħ il-proċedimenti u terġa' tisma' l-kawża mill-ġdid.

Il-preskrizzjoni għas-sospensjoni tal-proċedimenti:

  • f’każ ta’ mewt ta’ persuna fiżika, jew meta persuna ġuridika ma tibqax reġistrata u din tkun parti fil-kawża jew parti terza b’talba indipendenti, u meta r-relazzjoni ġuridika fit-tilwima tippermetti t-trasferiment tad-drittijiet, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien meħtieġ biex jiġi stabbilit suċċessur jew jinħatar rappreżentant legali;
  • meta l-qorti tkun iddeterminat tali restrizzjoni fuq il-kapaċità ta’ azzjoni għal parti jew terza persuna li ma tippermettilhiex li teżerċita b’mod indipendenti d-drittijiet u l-obbligi proċedurali ċivili, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien meħtieġ sabiex jinħatar rappreżentant legali;
  • - meta l-parti għall-proċedimenti jew parti terza ma tistax tieħu sehem fil-proċedimenti minħabba mard serji, l-età jew diżabbiltà, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien sal-iskadenza stabbilita mill-qorti għall-ħatra ta' rappreżentant;
  • meta l-qorti tieħu deċiżjoni li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, jew il-Qorti Kostituzzjonali tkun fetħet kawża b’rabta ma’ lment kostituzzjonali mill-attur (l-appellant); jekk il-qorti tiddeċiedi li tirreferi domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni preliminari; meta ma jkunx possibbli li l-kawża tiġi eżaminata qabel ma tiġi solvuta kawża oħra ċivili, kriminali jew amministrattiva, il-perjodu rilevanti huwa ż-żmien meħtieġ biex is-sentenza jew id-deċiżjoni fi proċedimenti ċivili, kriminali jew amministrattivi tal-Qorti Kostituzzjonali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssir waħda finali;
  • meta parti fil-proċedimenti jew parti terza b’talba indipendenti tinsab barra l-fruntieri tal-Latvja b’rabta ma’ missjoni għal żmien twil jew dmirijiet uffiċjali, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien meħtieġ biex jinħareġ mandat li jirrikjedi l-preżenza tal-konvenut; meta parti fil-proċedimenti jew parti terza b’talba indipendenti ma tkunx tista’ tieħu sehem fid-deċiżjoni ta’ kawża minħabba mard, jew meta l-qorti tordna perizja, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien meħtieġ sakemm ma jibqgħux japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija f’dawn il-paragrafi;
  • meta l-partijiet jaqblu li l-proċedimenti jiġu sospiżi u l-ebda parti terza b’talba indipendenti ma toġġezzjona, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien sal-iskadenza mniżżla fid-deċiżjoni tal-qorti;
  • meta jiġu ddikjarati proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jew fiżika kontra konvenut fir-rigward ta’ rikorsi ta’ natura pekunjarja, il-perjodu rilevanti jkun iż-żmien sakemm jitlestew il-proċedimenti ta’ insolvenza.

It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ appell – appell kontra deċiżjoni ta’ qorti tal-ewwel istanza jista’ jitressaq fi żmien 20 jum wara li tingħata s-sentenza. Meta tingħata s-sentenza fil-qosor, il-preskrizzjoni għall-appell tibda għaddejja mid-data ffissata mill-qorti għall-għoti tas-sentenza sħiħa. Jekk is-sentenza tingħata wara d-data indikata, il-perjodu ta’ żmien għall-preżentata ta’ appell mis-sentenza jibda mid-data proprja tal-għoti tas-sentenza. Appell ippreżentat wara li tkun għaddiet skadenza ma għandux ikun ammissibbli u għandu jintbagħat lura lill-appellant;

Ilment anċillari jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 10 ijiem mid-data meta l-qorti tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata, sakemm il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili ma tipprovdix mod ieħor. Ilment anċillari li jiġi ppreżentat wara li t-terminu jkun skada ma għandux ikun ammissibbli u għandu jintbagħat lura lill-esponent.

It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ rikors għall-kunsiderazzjoni ta’ fatti ġodda li jkunu nstabu – it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ rikors bħal dan jibda jiddekorri:

  • fir-rigward ta' ċirkostanzi essenzjali għall-kawża li kienu fis-seħħ fi żmien il-proċedimenti iżda ma kinux u ma setax ikun jaf bihom ir-rikorrent: mill-jum meta jsiru magħrufa dawn il-fatti;
  • fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet tax-xhieda, perizji jew traduzzjonijiet li jkunu foloz b’intenzjoni, jew provi bil-miktub jew materjali ffalsifikati li jkunu nkixfu b’rabta ma’ sentenza tal-qorti li tkun daħlet fis-seħħ legalment f’kawża kriminali, li fuq il-bażi tagħhom tkun ingħatat is-sentenza, jew fir-rigward ta’ attivitajiet kriminali li jkunu nkixfu b’rabta ma’ sentenza tal-qorti li tkun daħlet fis-seħħ legalment f’kawża kriminali, li fuq il-bażi tagħhom tkun ingħatat sentenza illegali jew mhux fondata jew tkun ittieħdet deċiżjoni: mid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza wara kawża kriminali;
  • fir-rigward tal-annullament ta’ sentenza tal-qorti, jew ta’ deċiżjoni minn istituzzjoni oħra li fuqha tkun ġiet ibbażata s-sentenza jew id-deċiżjoni tal-qorti fil-kawża: mill-jum meta d-deċiżjoni tal-qorti li tannulla s-sentenza fil-kawża ċivili jew kriminali tkun daħlet fis-seħħ jew mill-jum tal-annullament tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni l-oħra li fuqha tkun ġiet ibbażata s-sentenza jew id-deċiżjoni li jkun qed jintalab l-annullament tagħha fid-dawl ta’ fatti li jkunu saru magħrufa reċentement;
  • meta jiġi rikonoxxut li dispożizzjoni legali li ġiet applikata fid-deċiżjoni tal-kawża ma tkunx kompatibbli ma’ dispożizzjoni legali ta’ grad ogħla: mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ sentenza jew deċiżjoni oħra li permezz tagħha d-dispożizzjoni applikata titlef is-saħħa tagħha għaliex ma tkunx konformi mad-dispożizzjoni legali ta’ grad ogħla.

Il-preskrizzjoni għall-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' eżekuzzjoni: dokument ta' eżekuzzjoni jista' jiġi ppreżentat għall-eżekuzzjoni fi żmien 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni tal-qorti jew imħallef, sakemm ma jkunux stabbiliti perjodi oħra.

Meta s-sentenza tal-qorti tordna li d-dejn jiġi rkuprat permezz ta’ pagamenti perjodiċi, id-dokument ta’ eżekuzzjoni jibqa’ fis-seħħ matul il-perjodu kollu li fih iridu jsiru l-pagamenti; madankollu, il-perjodu ta' 10 snin msemmija hawn qabel jibdew għaddejjin fl-aħħar ġurnata għal kull pagament.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont il-Liġi dwar il-Festi Pubbliċi, il-Jiem ta’ Tifkira u l-Jiem ta’ Festa, id-dati li ġejjin ġew stabbiliti bħala festi pubbliċi:

  • l-1 ta’ Jannar: Jum l-Ewwel tas-Sena;
  • il-Ġimgħa l-Kbira, Ħadd il-Għid u t-Tnejn ta’ wara l-Għid;
  • l-1 ta’ Mejju: Jum il-Ħaddiem, il-kommemorazzjoni tal-Konvokazzjoni tal-Assemblea Kostitwenti tar-Repubblika tal-Latvja;
  • l-4 ta’ Mejju: il-kommemorazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar ir-Restawr tal-Indipendenza tar-Repubblika tal-Latvja;
  • It-tieni Ħadd ta’ Mejju: Jum l-Omm;
  • Jum il-Pentekoste:
  • it-23 ta’ Ġunju: Lejlet Jum San Ġwann;
  • l-24 ta’ Ġunju: Jum San Ġwann, Nofs is-Sajf;
  • L-aħħar jum tal-Festival Nazzjonali Latvjan tal-Kant u ż-Żfin;
  • it-18 ta’ Novembru: il-kommemorazzjoni tal-proklamazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja.
  • l-24, il-25 u s-26 ta’ Diċembru: il-Milied (solistizju tax-xitwa);
  • il-31 ta’ Diċembru: Lejlet l-Ewwel tas-Sena.

L-Ortodossi u oħrajn li jemmnu ta’ denominazzjonijiet reliġjużi oħra jiċċelebraw l-Għid, Għid il-Ħamsin u l-Milied fid-dati determinati minn dawn id-denominazzjonijiet reliġjużi.

Jekk l-4 ta’ Mejju, l-aħħar jum tal-Festival Nazzjonali Latvjan tal-Kant u ż-Żfin jew it-18 ta’ Novembru jaqa’ s-Sibt jew il-Ħadd, il-ġurnata ta’ xogħol li jmiss tkun btala.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

L-azzjonijiet proċedurali għandhom jitwettqu fit-termini stabbiliti mil-liġi. Meta l-liġi ma tipprovdix għal preskrizzjoni, din tiġi stabbilita mill-qorti jew mill-imħallef. Il-preskrizzjoni stabbilita minn qorti jew imħallef trid tkun twila biżżejjed sabiex ikun jista' jittieħed il-pass proċedurali li jkun imiss.

Il-preskrizzjoni tista' tkun data preċiża, jew perjodu li jispiċċa f'data preċiża, jew perjodu espress fi snin, xhur, jiem jew sigħat. Meta l-pass jista' ma jittiħidx fid-data stabbilita, jista' jittieħed kull ħin matul il-perjodu indikat. Il-perjodu jista' jiġi stabbilit b'referenza għall-okkorrenza ta' avveniment li żgur se jseħħ.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Preskrizzjoni proċedurali kkalkulata fi snin, xhur jew jiem tibda għaddejja fil-ġurnata wara d-data jew avveniment li juri l-bidu tagħha.

Preskrizzjoni proċedurali kkalkulata fi snin, xhur jew jiem tibda għaddejja fis-siegħa wara l-avveniment li juri l-bidu tagħha.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Id-dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu lil persuni primarjament b’mezzi elettroniċi, permezz ta’ sistema online, jekk id-destinatarju jkun innotifika lill-qorti li huwa jaqbel li jikkomunika mal-qorti permezz tas-sistema online; fl-indirizz elettroniku pprovdut mid-destinatarju, jekk id-destinatarju jkun informa lill-qorti li huwa jaqbel mal-użu tal-posta elettronika għall-korrispondenza mal-qorti; lill-indirizz elettroniku uffiċjali tad-destinatarju. Meta d-dokumenti jiġu trażmessi b’mod elettroniku, dawn għandhom jitqiesu li ġew innotifikati fit-tielet jum wara d-data meta jkunu ntbagħtu.

Jekk ma jkunx possibbli li d-dokumenti tal-qorti jiġu trażmessi b’mod elettroniku lil persuna fiżika, dawn għandhom jintbagħtu fl-indirizz tar-residenza ddikjarat mill-persuna fiżika jew fir-residenza tagħha. Id-dokumenti tal-qorti jistgħu jintbagħtu wkoll fil-post tax-xogħol. Jekk ma jkunx possibbli li d-dokumenti tal-qorti jiġu trażmessi b’mod elettroniku lil persuna ġuridika, dawn għandhom jintbagħtu fl-uffiċċju reġistrat tagħha. Meta d-dokumenti jintbagħtu bil-posta, dawn għandhom jitqiesu li ġew innotifikati fis-seba’ jum mid-data li fiha jkunu ntbagħtu.

Id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jiġu nnotifikati lid-destinatarju personalment jew lil kwalunkwe membru adult tal-familja li jirrisjedi mad-destinatarju. F’dak il-każ, id-dokumenti għandhom jitqiesu li ġew innotifikati fid-data meta ġew aċċettati mid-destinatarju jew minn persuna oħra.

Jekk id-dokumenti ġudizzjarji jitqisux li ġew innotifikati ma huwiex determinat minnu nnifsu minn jekk ġewx ikkonsenjati fil-post ta’ residenza ddikjarat ta’ persuna fiżika, f’indirizz addizzjonali indikat fid-dikjarazzjoni ta’ residenza, fl-indirizz indikat minn persuna fiżika għall-korrispondenza mal-qorti, jew fl-uffiċċju reġistrat ta’ persuna ġuridika, jew jekk waslitx notifika mill-uffiċċju postali li tgħid li l-oġġett ġie kkonsenjat jew jekk id-dokumenti humiex qed jiġu rritornati. Id-destinatarju jista’ jiċħad il-preżunzjoni li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati fis-seba’ jum mill-jum tad-dispaċċ jekk jintbagħtu bil-posta jew fit-tielet jum mid-dispaċċ jekk jintbagħtu bil-posta elettronika jew jiġu nnotifikati online billi jirreferi għal ċirkostanzi oġġettivi barra mill-kontroll tiegħu li jkunu pprekluduh milli jirċievi d-dokumenti fl-indirizz indikat. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokumenti tal-qorti, id-dokumenti jitqiesu li ġew notifikati fid-data meta d-destinatarju rrifjuta li jaċċettahom.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Jekk il-perjodu jibda għaddej mal-okkorrenza ta' avveniment partikolari, iż-żmien jibda għaddej fil-ġurnata ta' wara l-okkorrenza tal-avveniment li jiddeċiedi l-bidu tiegħu.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Jekk il-perjodu jiġi espress f'jiem, in-numru ta' ġranet jinkludi l-ġranet kalendarji wkoll.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-perjodi espressi f'jiem, xhur jew ġranet jinkludu l-jiem kalendarji.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Perjodu espress fi snin jiskadi fix-xahar rispettiv u fid-data rispettiva tas-sena finali ta' dan il-perjodu.

Perjodu espress f'xhur jiskadi fid-data rispettiva tas-sena finali ta' dak il-perjodu. Meta l-perjodu espress f'xhur jispiċċa f'xahar li ma għandux id-data rispettiva, jiskadi fl-aħħar ġurnata ta' dak ix-xahar.

Perjodu li jestendi sa data partikolari jiskadi f'dik id-data.

  • Pass proċedurali li t-terminu tiegħu jkun wasal biex jiskadi jista’ jitwettaq sa nofsillejl tal-aħħar jum tal-perjodu.
  • Terminu għal kwalunkwe pass proċedurali li jrid jitwettaq fil-qorti jiskadi fil-ħin li l-qorti tieqaf mill-ħidma tagħha. Meta rikors, appell jew dokument ieħor jingħata lil uffiċjal tal-komunikazzjoni sa nofsillejl fid-data finali tal-perjodu, jitqies li ġie ppreżentat fil-ħin.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew f’festa nazzjonali obbligatorja, l-aħħar ġurnata tal-perjodu titqies li hija l-ġurnata ta’ xogħol li jmiss.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Il-preskrizzjoni stabbilita minn qorti jew imħallef biss tista' tiġi estiża wara talba tal-parti fil-kawża. Termini oħrajn stabbiliti mil-liġi, madankollu, jistgħu jiġġeddu mill-qorti, wara talba ta’ parti fil-kawża. Rikors għall-estensjoni ta’ terminu jew biex terminu li jkun skada jerġa’ jibda għandu jiġu ppreżentat lill-qorti fejn kellha ssir l-azzjoni ttardjata, u r-rikors għandu jiġi eżaminat permezz ta’ proċedura bil-miktub. Qabel l-eżami tar-rikors permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-partijiet fil-proċedimenti għandhom ikunu nnotifikati dwaru u għandu jintbagħtilhom rikors għall-estensjoni ta’ terminu jew biex jerġa’ jibda terminu li jkun skada fl-istess ħin.  Rikors biex terminu proċedurali jerġa’ jibda għandu jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-azzjoni proċedurali u r-raġunijiet biex dak it-terminu jerġa’ jibda.

Terminu stabbilit minn imħallef jista’ jiġi estiż minn imħallef li jippresjedi waħdu. Jista’ jitressaq ilment anċillari fir-rigward ta’ rifjut minn qorti jew imħallef li jestendi terminu jew li jordna li jerġa’ jibda.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Ilment anċillari jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 10 ijiem mid-data meta l-qorti tieħu d-deċiżjoni.

Jekk deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub, it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ lment anċillari jibda jiddekorri mid-data meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni.

Jekk tittieħed deċiżjoni (pereżempju deċiżjoni li tordna s-smigħ ta’ xhieda jew li tordna miżura ta’ protezzjoni provviżorja) fl-assenza ta’ parti minnhom, it-terminu għas-sottomissjoni ta’ lment anċillari jibda jiddekorri mill-ġurnata meta d-deċiżjoni tintbagħat jew tiġi nnotifikata.

Jekk deċiżjoni tal-qorti tkun intbagħtet lill-persuna li l-post ta’ residenza tagħha, il-post fejn tinsab jew l-uffiċċju reġistrat tagħha ma jkunx fil-Latvja iżda l-indirizz tagħha jkun magħruf, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE jew il-ftehimiet internazzjonali li bihom hija marbuta l-Latvja, il-persuna tista’ tippreżenta lment anċillari fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni jew, jekk il-qorti tkun tat sentenza sommarja, mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni sħiħa.

Kull appell sħiħ (apelācija) irid jiġi ppreżentat fi żmien 20 jum mid-data meta tinqara s-sentenza, jew jekk tinqara s-sentenza fil-qosor, mid-data stabbilita mill-qorti għall-għoti tas-sentenza sħiħa. Jekk is-sentenza tingħata wara d-data indikata, il-perjodu ta’ żmien għall-preżentata ta’ appell mis-sentenza jibda mid-data proprja tal-għoti tas-sentenza.

Jekk sentenza tal-qorti tkun intbagħtet lill-persuna li l-post ta’ residenza tagħha, il-post fejn tinsab jew l-uffiċċju reġistrat tagħha ma jkunx fil-Latvja iżda l-indirizz tagħha jkun magħruf, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE jew il-ftehimiet internazzjonali li bihom hija marbuta l-Latvja, il-persuna tista’ tippreżenta appell sħiħ fi żmien 20 jum mid-data tan-notifika tas-sentenza.

Appell fuq punt ta’ liġi (kasācija) irid jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum mid-data meta tinqara s-sentenza, jew jekk tinqara s-sentenza fil-qosor, mid-data stabbilita mill-qorti għall-għoti tas-sentenza sħiħa. Jekk is-sentenza tingħata wara d-data indikata, il-perjodu ta’ żmien għall-preżentata ta’ appell mis-sentenza jibda mid-data proprja tal-għoti tas-sentenza.

Jekk sentenza tal-qorti tkun intbagħtet lill-persuna li l-post ta’ residenza tagħha, il-post fejn tinsab jew l-uffiċċju reġistrat tagħha ma jkunx fil-Latvja iżda l-indirizz tagħha jkun magħruf, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE jew il-ftehimiet internazzjonali li bihom hija marbuta l-Latvja, il-persuna tista’ tippreżenta appell fuq punt ta’ liġi fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tas-sentenza.

Sew jekk l-appell ikun wieħed sħiħ jew biss fuq punt tal-liġi, jekk jiġi ppreżentat wara li tkun skadiet il-preskrizzjoni jsir inammissibbli u jintbagħat lura lill-mittent. Ilment anċillari kontra deċiżjoni ta’ mħallef li jirrifjuta appell sħiħ jew appell fuq punt ta’ liġi jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 10 ijiem mill-jum meta l-qorti tkun ħadet id-deċiżjoni.

F'każ ta' ċerti kategoriji ta' tilwim, pereżempju dwar ir-rikonoxximent ta' deċiżjoni minn qorti barranija, jistgħu jiġu stabbiliti perjodi speċifiċi għall-appelli, fuq bażi ta' każ b'każ skont ir-regoli dwar il-proċedura ċivili.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Qorti trid tipposponi d-deċiżjoni ta' kawża, u tiffissa seduta ta' smigħ oħra, jekk:

  • kwalunkwe parti fil-kawża tkun assenti għas-seduta u ma tkunx ġiet innotifikata bil-ħin u l-post tas-seduta;
  • kwalunkwe parti fil-kawża li ġiet innotifikata bil-ħin u l-post tas-seduta madankollu ma tattendix għas-seduta għal raġunijiet li l-qorti tqis validi;
  • ir-rikors ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut, u għal din ir-raġuni l-konvenut jitlob li tiġi posposta l-aġġudikazzjoni tal-kwistjoni;
  • ikun meħtieġ li titħarrek, bħala parti fil-kawża, persuna li d-drittijiet jew interessi leġittimi tagħhom jistgħu jiġu miksura mis-sentenza tal-qorti;
  • jekk il-posponiment jista’ jgħin sabiex il-konjuġi jerġgħu jibdew jgħixu flimkien jew jikkontribwixxi għal ftehim bonarju, il-qorti tista’ tiddiferixxi s-seduta ex officio. Fuq talba ta’ parti il-kunsiderazzjoni tal-kawża tgħal dan il-għan tista’ tiġi ddifferita ripetutament;
  • il-post ta’ residenza tal-konvenut jew il-post fejn ikun jinsab ma jkunx il-Latvja, u tkun intbagħtet notifika lill-konvenut rigward il-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti, u tkun waslet konferma tan-notifika tad-dokumenti, iżda l-konvenut ma jkunx irċieva n-notifika fil-ħin, u jonqos milli jidher fis-seduta tal-qorti;
  • il-post ta’ residenza tal-konvenut jew fejn ikun jinsab ma jkunx il-Latvja, u tkun intbagħtet notifika lill-konvenut rigward il-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti, jew ir-rikors ikun intbagħat, iżda ma tkun waslet l-ebda konferma, u l-konvenut jonqos milli jidher f’seduta tal-qorti.
  • il-partijiet jagħtu l-kunsens tagħhom għall-medjazzjoni.

Il-qorti tista' tipposponi t-trattazzjoni tal-kawża f'ċerti ċirkostanzi oħra wkoll.

Il-qorti tista’ tipposponi t-trattazzjoni ta’ kawża:

  • jekk l-attur li jkun ġie nnotifikat bil-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti jonqos milli jidher għal raġunijiet mhux magħrufa;
  • jekk il-konvenut li jkun ġie nnotifikat bil-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti jonqos milli jidher għal raġunijiet mhux magħrufa;
  • jekk il-qorti tqis li huwa impossibbli li tiddeċiedi dwar il-kawża minħabba li parti li l-preżenza tagħha tkun obbligatorja skont il-liġi, jew xhud, perit jew interpretu pprovdut mill-qorti, jonqos milli jidher;
  • fuq talba ta’ parti fil-kawża li titlob li tingħata l-opportunità li tippreżenta provi ulterjuri;
  • jekk persuna ma tkunx tista’ tieħu sehem f’seduta tal-qorti permezz ta’ vidjokonferenza minħabba raġunijiet tekniċi jew raġunijiet oħra mhux fil-kontroll tal-qorti;
  • jekk l-interpretu ma jkunx preżenti għas-seduta għal raġunijiet meqjusa validi mill-qorti.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Skont ir-regoli tal-proċedura ċivili, il-konsenja u n-notifika tad-dokumenti tal-qorti lil persuna li ma għandhiex residenza fil-Latvja jew li ma tinsabx fil-Latvja jkunu soġġetti għal mekkaniżmu differenti, u t-termini proċedurali li jibdew jgħaddu mal-mument tal-wasla tad-dokumenti tal-qorti jiġu kkalkulati b'mod differenti.

Pereżempju, bħala regola ġenerali, appell kontra deċiżjoni ta' qorti fl-ewwel istanza jista' jitressaq fi żmien 20 jum mid-data tas-sentenza. Jekk is-sentenza tintbagħat lil parti li l-post ta’ residenza tagħha jew il-post fejn tinsab ma jkunx il-Latvja, dik il-persuna għandha dritt tressaq appell fi żmien 20 jum mid-data tan-notifika tas-sentenza tal-qorti. Meta jiġu stabbiliti termini differenti għall-preżentazzjoni ta’ appelli kontra sentenza ta’ qorti tal-ewwel istanza għal partijiet differenti fil-kawża, is-sentenza ssir effettiva jekk ma jitressaq l-ebda appell fiż-żmien permess għall-appelli, li jiġi kkalkulat mill-aħħar data ta’ notifika tas-sentenza, sakemm ma jiġix ippreżentat appell sħiħ.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Id-dritt biex wieħed jieħu pass fil-proċedura jispiċċa mal-iskadenza tal-perjodu ta' żmien stabbilit mill-qorti jew mil-liġi. L-appelli u d-dokumenti ppreżentati wara din l-iskadenza ma jiġux ammessi.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

B’rikors ta’ parti fil-proċedimenti, il-qorti għandha terġa’ tagħti bidu għal termini proċedurali jekk hija tqis li r-raġunijiet li wasslu għall-iskadenza jkunu ġustifikati.

Pereżempju, ma huwiex possibbli li jerġa’ jingħata bidu għal terminu għall-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ eżekuzzjoni wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin li jkun beda jiddekorri fid-data meta d-deċiżjoni rilevanti ta’ qorti jew ta’ mħallef tkun daħlet fis-seħħ.

Meta terġa’ tagħti bidu għal terminu proċedurali li jkun skada, il-qorti għandha tippermetti wkoll li titwettaq l-azzjoni proċedurali ttardjata.

It-termini proċedurali stabbiliti minn qorti, imħallef jew uffiċjal ġudizzjarju jistgħu wara talba ta' parti minnhom jiġu estiżi qabel jiskadu. Il-perjodi ta' preskrizzjoni stabbiliti mil-liġi ma jistgħux jiġu estiżi. Meta jkun skada terminu stabbilit minn qorti, imħallef jew uffiċjal ġudizzjarju, il-persuna marbuta b’dak it-terminu tista’ titlob li jiġi ffissat terminu ġdid għall-eżekuzzjoni ta’ azzjoni proċedurali.

Rikors għall-estensjoni ta’ terminu jew biex jerġa’ jibda terminu li jkun skada għandu jiġu ppreżentat lill-qorti li quddiemha kellu jsir il-pass proċedurali ttardjat; Ir-rikors jiġi deċiż fis-seduta ta' smigħ, u l-partijiet jiġu notifikati bil-quddiem bil-post u l-ħin tas-seduta. In-nuqqas ta’ parti li tidher il-qorti ma jimpedix li tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors.

Rikors biex jerġa’ jibda terminu proċedurali għandu jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-azzjoni proċedurali, u r-raġunijiet biex jerġa’ jibda t-terminu.

Terminu stabbilit minn imħallef jista’ jiġi estiż minn imħallef li jippresjedi waħdu.

Jista’ jitressaq ilment anċillari fir-rigward ta’ rifjut minn qorti jew imħallef li jestendi terminu jew li dan jerġa’ jibda.

L-aħħar aġġornament: 11/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.