Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

It-tipi prinċipali ta’ skadenzi huma dawn:

Żmien għar-risposta għal talba: Meta jkun ġie nnotifikat b’talba tal-Qorti Superjuri (High Court), konvenut ikollu tmint ijiem biex jippreżenta nota ta’ notifika, magħrufa bħala “komparsa”. Madankollu, it-terminu ta’ tmint ijiem ma japplikax għal “taħrika speċjali”, skont ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 12, ir-regola 2, li tippermetti li tiġi ppreżentata komparsa fi kwalunkwe ħin.

Il-perjodu ġenerali ta’ tmint ijiem huwa “esklużiv” mid-data tan-notifika, sakemm il-Qorti ma tiddisponix mod ieħor. Il-konvenut imbagħad għandu perjodu ieħor ta’ 28 jum mid-data tal-konsenja tad-dikjarazzjoni tat-talba jew miż-żmien limitat għall-komparsa, skont liema jkun l-aħħar, biex jipprovdi risposta [ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 21, ir-regola 1].

Fil-proċedimenti ċivili quddiem il-Qorti taċ-Ċirkwit (Circuit Court), il-konvenut huwa meħtieġ li jwassal ir-risposta tiegħu lill-attur fi żmien għaxart ijiem mid-dħul ta’ komparsa [ir-Regoli tal-Qorti taċ-Ċirkwit 2001, l-Ordni 15, ir-regola 4]. Fil-Qorti Distrettwali (District Court), il-Komparsa u r-Risposta jridu jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn 28 jum wara n-notifika tal-Avviż tat-Talba [ir-Regoli tal-Qorti Distrettwali, l-Ordni 42].

Iż-żmien għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza: Fil-Qorti Superjuri (High Court), il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza jistgħu jitressqu fi żmien sitt snin mid-data meta s-sentenza tkun saret eżegwibbli [ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 42, ir-regola 23]. Rikors lill-qorti għal-libertà li toħroġ eżekuzzjoni huwa meħtieġ meta jkunu għaddew sitt snin jew meta tkun seħħet bidla fil-partijiet b’mewt jew b’xi mod ieħor. Azzjoni dwar sentenza ssir preskritta wara 12-il sena mid-data li fiha s-sentenza saret eżegwibbli [L-Istatut dwar il-Preskrizzjoni tal-1957, l-Artikolu 11].

Perjodi ta’ preskrizzjoni: F’każijiet ta’ kuntratt, il-parti kontraenti jkollha sitt snin biex tressaq talba mid-data li fiha seħħet il-kawża tal-azzjoni. F’każijiet ta’ delitt, persuna ġeneralment ikollha sitt snin biex tressaq it-talba tagħha għalkemm japplikaw regoli speċjali fir-rigward ta’ ħsara fuq il-persuna u każijiet ta’ malafama.

F’każijiet ta’ ħsara fuq il-persuna, il-persuna jkollha sentejn biex tressaq talba mid-data tal-ħsara jew mid-data tal-għarfien tal-kawża tal-ħsara jekk din tirriżulta aktar tard [L-Att dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Qrati 2004, l-Artikolu 7].

F’każijiet ta’ malafama, persuna jkollha sena biex tressaq talba, li tista’ tiġi estiża għal sentejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

F’azzjoni kontra l-patrimonju ta’ persuna deċeduta, it-talba trid titressaq fi żmien sentejn wara l-mewt, jew fi ħdan il-perjodu ta’ preskrizzjoni ordinarja, skont liema jkun l-iqsar il-perjodu [L-Att dwar ir-Responsabbiltà Ċivili 1961, l-Artikolu 9(2)].

Il-proċedimenti mibdija mill-konkubini skont il-Parti 15 tal-Att dwar is-Sħubija Ċivili u Ċerti Drittijiet u Obbligi tal-Konkubini tal-2010 jridu jitressqu fi żmien sentejn wara t-tmiem tar-relazzjoni.

Għal każijiet li jinvolvu l-irkupru tal-art, il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ 12-il sena.

Għall-irkupru ta’ arretrati ta’ kera konvenzjonali, il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ sitt snin. Għall-fidi ta’ ipoteka, il-perjodu huwa ta’ 12-il sena. Għal talbiet ta’ salvataġġ, japplika perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn. Għal talba għad-danni li jirriżultaw minn ksur ta’ kundizzjonijiet implikati li jirriżultaw minn vettura bil-mutur difettuża, persuna għandha sentejn sabiex tressaq it-talba [L-Att dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti u l-Provvista ta’ Servizzi tal-1980, l-Artikolu 13(8)]. Għal talba għad-danni fir-rigward ta’ prodott difettuż, l-azzjoni trid tinbeda fi żmien tlett snin [L-Att dwar ir-responsabbiltà għal Prodotti Difettużi tal-1991, l-Artikolu 7(1)].

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Ir-regoli dwar is-seduti tal-qrati u l-ferji tal-qorti jinsabu fil-link fl-aħħar ta’ dan id-dokument.

Minbarra s-Sibt u l-Ħadd, din li ġejja hija lista ta’ jiem mhux tax-xogħol fl-Irlanda:

L-Ewwel tas-Sena (l-1 ta’ Jannar)

Il-Jum ta’ San Patrizju (is-17 ta’ Marzu)

It-Tnejn ta’ wara l-Għid

Jum il-Milied (il-25 ta’ Diċembru)

Jum San Stiefnu (is-26 ta’ Diċembru)

L-ewwel nhar ta’ Tnejn ta’ Mejju, ta’ Ġunju u ta’ Awwissu

L-aħħar nhar ta’ Tnejn ta’ Ottubru

Meta Jum il-Milied, Jum San Stiefnu jew l-Ewwel tas-Sena jaħbat fi tmiem il-ġimgħa, il-jum tax-xogħol li jmiss isir btala pubblika. Ta’ min jinnota wkoll il-ferji tal-qorti, li matulhom ikun hemm seduti limitati tal-qorti, bħal “seduti tal-ferji” u rikorsi urġenti. Pereżempju, matul il-ferji twal f’Awwissu u f’Settembru, ikun hemm seduti tal-qorti limitati fil-Qrati Superjuri u fil-Qorti taċ-Ċirkwit.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

L-Istatut dwar il-Preskrizzjoni tal-1957, kif emendat, jispeċifika l-iskadenzi li fihom għandhom jitressqu l-proċedimenti legali. Talba mressqa wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni tiġi prekluża jew miċħuda biss jekk konvenut jinvoka l-Istatut tal-Preskrizzjoni fid-difiża tiegħu. Konsegwentement, l-Istatut tal-Preskrizzjoni ma jaffettwax id-dritt tal-attur li jiftaħ proċedimenti iżda jista’ jaffettwa d-dritt tiegħu li jirbaħ. Huwa interessanti wkoll li anke meta talba titressaq fil-perjodu ta’ żmien rilevanti, il-Qorti Superjuri (High Court) xorta jkollha ġuriżdizzjoni inerenti biex tiċħad it-talba fl-interessi tal-ġustizzja meta d-dekors taż-żmien involut bejn id-data tal-kawża tal-azzjoni u d-data tal-proċedimenti jew it-talba ikun tant kbir li jikkawża inġustizzja lill-konvenut. Jekk jogħġbok ara wkoll it-tweġiba għall-Mistoqsija 1 aktar ’il fuq.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Iż-żmien jibda jiddekorri mid-data tal-avveniment rilevanti jew mid-“data tal-għarfien ta’ avveniment rilevanti” (eż. ħsara fuq il-persuna). Pereżempju, jekk il-qorti tikkonċedi ġimgħa li fiha jkun meħtieġ li ssir xi ħaġa, l-att inkwistjoni jrid isir jew id-dokument rilevanti jrid jiġi ppreżentat fi żmien ġimgħa minn meta tinħareġ l-ordni li tordna dak li għandu jsir. L-istess japplika jekk parti jkollha sitt snin biex teżegwixxi sentenza, jiġifieri sitt snin mid-data li fiha s-sentenza tkun saret eżegwibbli.

B’mod ġenerali, u ħlief meta l-intenzjoni kuntrarja tidher fl-att adottat, meta perjodu ta’ żmien jiġi espress li jibda f’jum partikolari, dak il-jum ikun inkluż f’dak il-perjodu ta’ żmien [L-Att dwar l-Interpretazzjoni tal-2005, l-Artikolu 18(h)]. Madankollu, l-Ordni 122, ir-regola 10, tar-Regoli tal-Qrati Superjuri tipprevedi li meta numru partikolari ta’ jiem (għajr jiem “liberi” - (clear days)), jiġi stabbilit minn dawk ir-Regoli, l-ewwel jum ikun eskluż fil-kalkolu tal-perjodu ta’ żmien.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Jekk dokument ikollu jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra għal azzjoni sa data partikolari jew fi żmien għadd partikolari ta’ jiem, normalment jiġi dirett li jiġi nnotifikat jew permezz ta’ posta ordinarja mħallsa minn qabel jew permezz ta’ posta rreġistrata. Jekk id-dokument jiġi nnotifikat b’posta ordinarja mħallsa minn qabel, jitqies li jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra fiż-żmien li fih l-envelopp li ġo fih ikun jinsab id-dokument jiġi kkonsenjat fil-kors ordinarju tal-posta, normalment il-jum wara dak li fih jiġi impustat. [Għar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ rikors promotur (civil bill) fil-Qorti taċ-Ċirkwit (Circuit Court), ara r-Regoli tal-Qorti taċ-Ċirkwit tal-2001 Ordni 11, ir-regola 10 u l-Ordni 14, ir-regola 3(vi); għar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ Avviż ta’ Talba fil-Qorti Distrettwali, ara r-Regoli tal-Qorti Distrettwali, l-Ordni 41; għar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ taħrika fil-Qorti Superjuri, ara r-Regoli tal-Qrati Superjuri , l-Ordni 9].

L-Ordni 122 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri tirregola r-regoli ġenerali fir-rigward taż-żmien inkluż meta n-notifika titqies li saret [Regoli tal-Ordni tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 122, ir-regola 9].

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Meta jiġi espress perjodu ta’ żmien li jibda fi jew jiġi kkalkulat minn jum partikolari, pereżempju jekk dokument għandu jiġi nnotifikat lil parti “fi żmien sebat ijiem”, l-ewwel jum (pereżempju, il-jum li fih issir l-ordni) għandu, soġġett għall-istatut jew ir-regoli tal-qorti, jitqies li huwa inkluż f’dak il-perjodu. Madankollu, l-Ordni 122, ir-Regola 10 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri jipprevedi li meta jiġi stabbilit numru partikolari ta’ jiem (għajr jiem “liberi” - (clear days)), minn dawk ir-regoli, l-ewwel jum ikun eskluż. Meta perjodu ta’ żmien jiġi espress biex jintemm jew jiġi kkalkulat għal jum partikolari dak il-jum għandu jitqies li huwa inkluż fil-perjodu. Meta jkunu permessi inqas minn sitt ijiem biex jiġi nnotifikat kwalunkwe dokument jew biex jinbeda kwalunkwe proċediment, is-Sibt, il-Ħadd, il-jum tal-Milied u l-Ġimgħa l-Kbira ma għandhomx jiġu kkalkolati fil-kalkolu tal-perjodu ta’ żmien. [Ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 122].

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Jiem kalendarji, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Meta ż-żmien biex isir kwalunkwe att jew biex jinbeda kwalunkwe proċediment ikun limitat b’xhur jew snin, tali żmien jiġi kkalkolat b’xhur kalendarji, sakemm ma jkunx espress mod ieħor.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

B’mod ġenerali, u ħlief meta l-intenzjoni kuntrarja tidher fl-att adottat, meta perjodu ta’ żmien jiġi espress li jibda jew jiġi kkalkolat minn jum partikolari, dak il-jum għandu jiġi inkluż fil-perjodu u, meta perjodu ta’ żmien jiġi espress li jintemm f’jum partikolari jew jiġi kkalkulat għal jum partikolari, dak il-jum għandu jiġi inkluż fil-perjodu [l-Att dwar l-Interpretazzjoni tal-2005, l-Artikolu 18(h)]. Madankollu, l-Ordni 122, ir-regola 10, tar-Regoli tal-Qrati Superjuri tipprevedi li meta numru partikolari ta’ jiem (għajr jiem “liberi” - (clear days)), jiġi stabbilit minn dawk ir-Regoli, l-ewwel jum ikun eskluż fil-kalkolu tal-perjodu ta’ żmien.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva, meta ż-żmien biex isir kwalunkwe att jew biex jinbeda kwalunkwe proċediment jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew jum ieħor li fih jingħalqu l-uffiċċji tal-qorti, u meta l-att, għalhekk, ma jkunx jista’ isir f’dak il-jum, dak il-perjodu jiskadi fil-jum ta’ wara meta l-uffiċċji tal-qorti jkunu miftuħa. Din ir-regola tapplika kull meta jkun hemm perjodu ta’ skadenza.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Meta statut jipprovdi perjodu ta’ preskrizzjoni, il-qrati ma jkollhomx is-setgħa li jestendu dak il-perjodu. Madankollu, hemm ġuriżdizzjoni diskrezzjonali mogħtija lill-qrati biex jestendu jew iqassru l-perjodi ta’ żmien li huma stabbiliti fir-regoli tal-qorti jew f’ordnijiet tal-qorti f’ċerti każijiet. Jekk ir-rikorrent iqis li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali biex isir hekk, huwa jista’ jitlob lill-qorti tikkunsidra rikors immedjatament mingħajr ma tistenna li l-konvenut jiġi nnotifikat bi kwalunkwe dokument. Dan huwa magħruf bħala rikors ex parte jew “mingħajr avviż”. Jekk issir ordni ex parte, il-parti l-oħra tiġi nnotifikata bil-mod kif issir dik l-ordni u mbagħad tingħata l-opportunità li tiġi l-qorti u titlob li l-ordni tiġi varjata jew miċħuda. Ġeneralment, iż-żmien għall-preżentata ta’ kwalunkwe dokument tal-qorti jista’ jiġi estiż bil-kunsens. Meta parti f’kawża titlob li testendi ż-żmien biex tappella, hija għandha tistabbilixxi li kienet iffurmat l-intenzjoni li tappella fiż-żmien limitat, li n-nuqqas ta’ dan l-appell fil-ħin kien dovut għal żball u li hija għandha każ li jista’ jiġi argumentat. Jekk ikun hemm xi preġudizzju kkawżat lill-parti l-oħra minħabba l-iskadenza taż-żmien, dan jista’ jkun fattur rilevanti u l-qorti tista’ f’dawk iċ-ċirkostanzi teżerċita d-diskrezzjoni tagħha li tirrifjuta li testendi ż-żmien.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

L-appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Superjuri (High Court) għandu jitressaq fi żmien 28 jum mid-data tal-ipperfezzjonar tal-ordni appellata.

Jekk persuna tixtieq tappella kontra deċiżjoni tal-Qorti taċ-Ċirkwit (Circuit Court), hija trid tressaq l-appell fi żmien 10 ijiem mid-data meta tkun ingħatat is-sentenza appellata jew id-digriet appellat [ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 61, ir-regola 3]

Jekk persuna tixtieq tappella kontra deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali, hija trid tressaq l-appell fi żmien 14-il jum mid-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali [l-Ordni 101, ir-regola 1 Regoli tal-Qorti Distrettwali].

Sabiex tiġi riveduta b’mod ġudizzjarju deċiżjoni ta’ mħallef jew ta’ korp amministrattiv, ir-rikors irid isir minnufih u fi żmien 3 xhur mid-data meta r-raġunijiet għar-rikors jkunu nħolqu għall-ewwel darba, sakemm il-qorti ma tkunx tal-fehma li hemm raġunijiet tajbin għall-estensjoni tal-perjodu. [Ir-Regoli tal-Qrati Superjuri, l-Ordni 84, ir-regola 21(1)]

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Meta statut jipprovdi perjodu ta’ preskrizzjoni, il-qrati ma jkollhomx is-setgħa li jestendu jew iqassru dak il-perjodu. Madankollu, soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti ta’ statut, il-qorti għandha setgħa diskrezzjonali biex testendi jew tqassar iż-żmien biex isiru ċerti atti. Kemm ir-Regoli tal-Qrati Superjuri kif ukoll ir-Regoli tal-Qorti taċ-Ċirkwit jipprevedu li l-qorti għandha s-setgħa li ttawwal jew tqassar iż-żmien indikat minn dawk ir-Regoli, jew stabbilit minn kwalunkwe qorti.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Le, il-parti ma titlifx il-benefiċċju tal-limitu ta’ żmien estiż.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Kwalunkwe parti li tonqos milli tosserva l-limiti ta’ żmien imposti mill-qorti jew stabbiliti fir-regoli tal-qorti jew fil-leġiżlazzjoni x’aktarx li jkollha l-kawża tagħha miċħuda. Pereżempju, jekk konvenut jonqos milli jidher f’kawża jew jonqos milli jippreżenta risposta, l-attur jista’ jressaq rikors għal sentenza f’kontumaċja.

Jekk f’dawk iċ-ċirkostanzi tingħata sentenza kontra konvenut, huwa jista’ jitlob li s-sentenza tiġi miċħuda jew jista’ jappella quddiem qorti ogħla. Jekk l-attur ma jagħtix id-dettalji tat-talba tiegħu fil-ħin, il-konvenut jista’ jippreżenta rikors sabiex it-talba tiġi miċħuda minħabba dewmien. L-attur jista’ jappella kontra din id-deċiżjoni quddiem qorti ogħla. Il-qorti tista’ teżerċita wkoll id-diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-ispejjeż tal-kawża b’tali mod li tippenalizza parti li kienet ħatja ta’ kwalunkwe dewmien mhux raġonevoli jew li naqset milli tirrispetta l-limiti ta’ żmien rilevanti.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-parti kontumaċi tista’ titlob ordni mill-qorti li testendi l-limiti ta’ żmien. Jekk l-iskadenza tat-terminu tkun irriżultat f’sentenza ta’ kontumaċja, dawn jistgħu jippreżentaw rikors biex is-sentenza tiġi annullata jew, jekk dak ir-rikors ma jintlaqax, jistgħu jappellaw quddiem qorti ogħla.

L-aħħar aġġornament: 17/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.