Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

It-tipi prinċipali ta’ skadenzi huma dawn:

Żmien għar-risposta għal talba - Malli jirċievi formola tat-talba jew id-dettalji tat-talba jekk dawn jiġu nnotifikati separatament, il-konvenut ikollu 14-il jum biex jew jirrispondi għat-talba jew biex jippreżenta konferma tan-notifika. Mal-preżentata ta’ konferma tan-notifika, il-konvenut imbagħad ikollu 14-il jum ieħor biex iħejji r-risposta tiegħu. Dan ifisser li l-konvenut jista’ jkollu sa 28 jum biex jirrispondi għat-talba iżda jekk huwa jippreżenta l-konferma tan-notifika l-għada li jirċievi d-dettalji tat-talba, il-konvenut ikollu biss 15-il jum biex jippreżenta r-risposta tiegħu.

Żmien għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza – Skont l-Artikolu 4(4) tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1980), ma tistax titressaq kawża kontra xi sentenza wara tnax-il sena mid-data li fiha s-sentenza tkun saret eżegwibbli.

Perjodi ta’ preskrizzjoni – B’mod ġenerali, japplika perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt snin u huwa applikabbli għal:

  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi dwar delitt (l-Artikolu 4(1)(a) tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960))
  • il-limitu ta’ żmien fil-każ ta’ konverżjonijiet suċċessivi u l-estinzjoni tat-titolu ta’ sid u oġġetti konvertiti (l-Artikolu 11 tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960))
  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi dwar somom li jistgħu jiġu rkuprati skont l-istatut (l-Artikolu 4(1)(d) tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960))

Il-perjodi ta’ preskrizzjoni jvarjaw għal tipi oħra ta’ kawżi. Pereżempju:

  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi dwar speċjalità huwa ta’ tnax-il sena (l-Artikolu 4(3) tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960)) – pereżempju djun speċjali bħal ipoteki.
  • il-limitu ta’ żmien għal kawżi fir-rigward ta’ danni personali huwa ta’ tliet snin (l-Artikolu 4(1) tal-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960)).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Il-partijiet 2.8 sa 2.10 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) jittrattaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli f’termini tal-kalkolu tal-perjodi ta’ żmien.

Minbarra s-Sibt u l-Ħadd, il-jiem li fihom ma jsirx xogħol f’Ġibiltà jinkludu l-btajjel pubbliċi li ġejjin:

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta’ Jannar
  • Il-Ġimgħa l-Kbira: il-Ġimgħa ta’ qabel l-Għid
  • It-Tnejn ta’ wara l-Għid: il-jum tat-Tnejn ta’ wara l-Għid
  • Workers Memorial Day: it-28 ta’ April
  • Jum il-Ħaddiem                                                l-1 ta’ Mejju
  • Btala Pubblika tar-Rebbiegħa: l-aħħar jum tat-Tnejn f’Mejju
  • Għeluq Snin ir-Reġina: it-2ni/3et jum tat-Tnejn f’Ġunju
  • Btala Pubblika tas-Sajf: l-aħħar jum tat-Tnejn f’Awwissu
  • Jum Nazzjonali: l-10 ta’ Settembru
  • Jum il-Milied: il-25 ta’ Diċembru
  • L-Għada tal-Milied: is-26 ta’ Diċembru

Meta Jum il-Milied, l-Għada tal-Milied, l-Ewwel tas-Sena jew il-Jum Nazzjonali jaħbat fi tmiem il-ġimgħa, il-jum tax-xogħol li jmiss isir btala pubblika. Pereżempju, jekk il-25 u s-26 ta’ Diċembru jkunu s-Sibt u l-Ħadd rispettivament, it-Tnejn u t-Tlieta ta’ wara jkunu btajjel pubbliċi. Barra minn hekk, il-Qrati jistgħu jagħlqu wkoll fil-perjodu bejn il-Milied u s-Sena l-Ġdida.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

L-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960) Dan jistipula diversi limiti ta’ żmien għall-bidu tal-proċedimenti u jistabbilixxi perjodi oħra li fihom, pereżempju, sentenza trid tiġi eżegwita u jridu jittieħdu azzjonijiet oħra mill-partijiet. Aktar informazzjoni hija mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1 aktar ’il fuq.

Ir-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) – Dawn huma r-regoli proċedurali għall-qrati ċivili fl-Ingilterra u f’Wales (li japplikaw għal Ġibiltà) u jinkludu l-limiti ta’ żmien għal kawżi differenti.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Id-data minn meta jibda jiddekorri l-perjodu normalment hija d-data tal-avveniment rilevanti. Pereżempju, iż-żmien meta jibda jiddekorri l-perjodu ta’ 14-il jum għar-risposta għal talba huwa l-jum tal-wasla tal-formola tat-talba jew tad-dettalji tat-talba jekk jiġu nnotifikati separatament (soġġett għar-regoli dwar in-notifika meqjusa – ara hawn taħt). Barra minn hekk, iż-żmien meta jibda jiddekorri l-perjodu ta’ 12-il sena biex tiġi eżegwita sentenza huwa d-data li fiha s-sentenza tkun saret eżegwibbli.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Il-metodu normali ta’ notifika użat f’Ġibiltà għat-trażmissjoni ta’ dokumenti huwa n-notifika personali. Meta n-notifika ssir permezz ta’ posta rreġistrata, l-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Interpretazzjoni u l-Klawsoli Ġenerali (Interpretation and General Clauses Act) jistipula li n-notifika titqies li tkun saret “fil-ħin meta l-ittra tiġi kkonsenjata fl-andament normali tal-posta.”

Aktar informazzjoni dwar id-dati tan-notifika meqjusa għal metodi oħra ta’ notifika mhux personali, eż. skambju ta’ dokumenti, il-konsenja tad-dokument jew it-tħollija tiegħu fl-indirizz permess, faks jew metodi elettroniċi oħra tista’ tinstab fil-Parti 6 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

Meta dokument jiġi nnotifikat personalment, dan jiġi ttrattat bħala notifikat fil-jum tax-xogħol li jmiss jekk jiġi notifikat wara l-17.00 f’jum tax-xogħol jew jiġi notifikat fi kwalunkwe ħin is-Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Meta perjodu ta’ żmien jiġi espress bħala għadd ta’ jiem, dan jiġi kkalkulat bħala jiem sħaħ. Fil-kalkolu tal-għadd ta’ “jiem sħaħ”, il-jum li fih jibda l-perjodu u jekk it-tmiem tal-perjodu jkun definit b’referenza għal avveniment, il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment, ma jiġux inklużi. Eżempji ta’ kif għandhom jiġu kkalkulati dawn il-jiem jistgħu jinstabu fil-Parti 2 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta l-qorti tagħti sentenza, ordni jew direzzjoni li timponi limitu ta’ żmien għat-twettiq ta’ kwalunkwe att, l-aħħar data għall-konformità trid, kull fejn ikun prattikabbli, tiġi espressa bħala data kalendarja; u tinkludi l-ħin tal-ġurnata sa meta jrid isir l-att. Meta d-data sa meta jkun irid isir l-att tkun imdaħħla fi kwalunkwe dokument, id-data trid, kull fejn ikun prattikabbli, tiġi espressa bħala data kalendarja.

Pereżempju, jekk persuna tiġi nnotifikata dokument fl-4 ta’ April u hija tintalab twieġeb fi żmien 14-il jum min-notifika, hija għandha twieġeb qabel it-18 ta’ April.

Madankollu, jekk il-perjodu speċifikat ikun ta’ anqas minn 5 ijiem, is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi ma jingħaddux.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Meta f’xi sentenza, ordni, direzzjoni jew dokument ieħor jissemma “xahar”, dan ifisser xahar kalendarju.

Meta perjodu jiġi espress fi snin, għalkemm ma hemm l-ebda regola espliċita, il-Parti 2.10 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili trid tiġi applikata b’mod analogu. Għalhekk, jekk tintuża “sena” fi kwalunkwe sentenza, ordni, direzzjoni jew dokument ieħor, din tfisser sena kalendarja.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Jekk it-tmiem tal-perjodu jiġi definit b’referenza għal avveniment, il-jum li fih iseħħ dak l-avveniment ma jkunx inkluż. Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 6 hawn fuq.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Meta l-perjodu speċifikat mir-Regoli tal-Proċedura Ċivili, direzzjoni ta’ prattika, kwalunkwe sentenza jew ordni tal-qorti għat-twettiq ta’ kwalunkwe att fl-uffiċċju tal-qorti jintemm f’jum li fih l-uffiċċju jkun magħluq, dak l-att għandu jkun fil-ħin jekk isir fil-jum li jmiss li fih l-uffiċċju tal-qorti jkun miftuħ. Din ir-regola tapplika kull meta jkun hemm perjodu ta’ skadenza.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Meta formola tat-talba tiġi notifikata barra mill-ġurisdizzjoni, japplikaw regoli speċjali. Pereżempju, meta n-notifika tkun fi Stat Membru tal-UE jew fi Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1965 dwar in-notifika barra l-pajjiż ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, il-perjodu għall-preżentata ta’ konferma huwa ta’ 21 jum wara d-data tan-notifika tal-formola tat-talba jew tad-dettalji tat-talba. Il-perjodu għall-preżentata ta’ risposta huwa ta’ 21 jum wara d-data tan-notifika tad-dettalji tat-talba jew, jekk il-konvenut jippreżenta konferma tan-notifika, 35 jum wara n-notifika tad-dettalji tat-talba. Jekk in-notifika tkun fi kwalunkwe territorju ieħor ta’ Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1965, il-perjodu għall-preżentata ta’ konferma jkun ta’ 31 jum wara d-data tan-notifika tal-formola tat-talba jew tad-dettalji tat-talba. Il-perjodu għall-preżentata ta’ risposta huwa ta’ 31 jum wara d-data tan-notifika tad-dettalji tat-talba jew, jekk il-konvenut jippreżenta konferma tan-notifika, 45 jum wara n-notifika tad-dettalji tat-talba. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fil-Parti 6 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

Meta n-notifika tkun fi kwalunkwe pajjiż ieħor, il-perjodu għall-preżentata ta’ konferma tan-notifika jew għall-preżentata ta’ risposta huwa l-għadd ta’ jiem elenkati fit-tabella stabbilita fid-Direzzjoni ta’ Prattika 6B tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) wara n-notifika tad-dettalji tat-talba jew, meta l-konvenut ikun ippreżenta konferma tan-notifika, l-għadd ta’ jiem elenkati fit-tabella flimkien ma’ 14-il jum addizzjonali wara n-notifika tad-dettalji tat-talba.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-limitu ta’ żmien għall-appelli kontra s-sentenzi huwa ta’ 14-il jum. Il-limitu ta’ żmien għall-preżentata ta’ rikors biex imħallef jistħarreġ id-deċiżjoni ta’ korp jekk inti tkun intitolat li tagħmel dan skont l-istatut huwa ta' tliet xhur, sakemm l-istatut inkwistjoni ma jipprovdix mod ieħor (għalkemm ir-rikorsi għal tali stħarriġ ġudizzjarju jridu jitressqu fil-pront fi kwalunkwe każ).

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Jekk l-attur jaħseb li jkun hemm raġunijiet eċċezzjonali, huwa jista’ jitlob lill-qorti biex tikkunsidra rikors immedjatament u mingħajr ma l-konvenut jiġi nnotifikat b’xi dokumenti, jiġifieri “ex parte” jew “mingħajr avviż”. Jekk l-imħallef joħroġ ordni “ex parte” jew “mingħajr avviż", l-attur jingħata appuntament ieħor biex jattendi l-qorti. Il-konvenut ikun intitolat li jkun preżenti għal dan l-appuntament sabiex l-imħallef ikun jista’ jisma’ liż-żewġ partijiet qabel ma jiddeċiedi jekk għandux joħroġ ordni oħra.

Fl-Att tal-1960 dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act 1960) huma previsti aktar possibbiltajiet ta’ estensjoni ta’ perjodu. Pereżempju, jista’ jkun hemm estensjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni f’każijiet fejn l-attur ikollu diżabbiltà (l-Artikolu 28 tal-Att dwar il-Preskrizzjoni (Limitation Act)).

Sakemm ir-Regoli tal-Proċedura Ċivili jew direzzjoni ta’ prattika ma jistipulawx mod ieħor jew il-qorti ma tordnax mod ieħor, iż-żmien speċifikat minn regola jew mill-qorti biex persuna tagħmel kwalunkwe att jista’ jiġi varjat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-imħallfin għandhom setgħat estensivi ta’ ġestjoni tal-kawżi biex jibdlu l-perjodi ta’ żmien.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Le. Parti ma titlifx tali benefiċċju.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk konvenut jonqos milli jikkontesta jew jikkonferma t-talba fiż-żmien meħtieġ, attur jista’ jippreżenta talba jew rikors għal sentenza fil-kontumaċja. Madankollu, il-konvenut jista’ jitlob lill-qorti tannulla s-sentenza.

Huma disponibbli wkoll sanzjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni tal-kawżi. Pereżempju meta parti tkun meħtieġa tissottometti xi ħaġa, jiġifieri perizja, sa ċertu żmien u tonqos milli tagħmel dan, il-qorti tista’ tordna dak ir-rapport bħala inammissibbli.

Il-qorti tista' tirrikorri wkoll għal sanzjonijiet bħalma huwa d-disprezz tal-qorti.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-partijiet inadempjenti jistgħu jersqu quddiem il-qorti u jitolbu li l-iskadenzi jiġu estiżi. Jekk l-iskadenza tal-perjodu tkun irriżultat f’sentenza fil-kontumaċja, huma jistgħu jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni.

L-aħħar aġġornament: 05/03/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.