Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

L-Artikoli 214–229 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) jistabbilixxu r-regoli ġenerali dwar it-termini proċedurali u artikoli oħrajn fil-Kodiċi fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw skadenzi partikolari.

Hemm distinzjoni bejn termini “reali” (eigentliche Fristen), jiġifieri perjodi fejn dawk involuti fil-proċedimenti jistgħu jwettqu atti jew formalitajiet proċedurali jew – biex jevitaw li jitilfu d-drittijiet tagħhom – huma meħtieġa jwettquhom, u termini “mhux reali” (uneigentliche Fristen) li fihom il-liġi tirrikjedi li l-qorti twettaq ċertu atti uffiċjali.

It-termini “reali” jinqasmu ulterjorment f’termini statutorji, li jkunu stabbiliti bi statut, u f’termini ġudizzjarji, li jiġu stabbiliti fid-diskrezzjoni tal-qorti. It-termini statutorji jinkludu l-“perjodi obbligatorji” (Notfristen) previsti fl-Artikolu 224(1), it-tieni sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li huma dejjem magħrufa hekk fil-Kodiċi u ma jistgħux jiġu estiżi jew imqassra.

Madankollu, il-partijiet jistgħu jaqblu li jqassru t-termini ġudizzjarji u statutorji minbarra l-perjodi obbligatorji u t-termini mhux reali, għalkemm ma jistgħux jestenduhom. Il-qorti tista’ testendi jew tqassar terminu ġudizzjarju li tkun stabbiliet hi, iżda tista’ tbiddel terminu statutorju biss kif previst fil-liġi. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tagħmel tibdiliet biss meta parti tkun tista’ tipprovdi raġunijiet validi għal tali miżura.

It-termini li ġejjin huma importanti wkoll għall-partijiet involuti fi proċedimenti ċivili:

(a) Fi proċedura għal ordni ta’ ħlas

Fil-proċedura għal ordni ta’ ħlas, (Mahnverfahren), l-oġġezzjonijiet għall-ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 692(1) Nru 3 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-appelli kontra digriet ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikoli 700(1) u 339(1) iridu jiġu ppreżentati fi żmien ġimagħtejn. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni u r-rikorrent ma jitlobx li jinħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni fi żmien sitt ġimgħat, l-ordni ta’ ħlas jiġi bla effett skont l-Artikolu 701.

(b) Fi proċedimenti kontenzjużi

  1. l-Artikolu 132 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi r-regola ġenerali li s-sottomissjonijiet preparatorji jridu jiġi ppreżentati lill-qorti fil-ħin sabiex jiġu nnotifikati lill-parti l-oħra tal-inqas ġimgħa qabel is-seduta ta’ smigħ, sabiex it-tħejjijiet għas-seduti jkunu jistgħu jsiru fil-ħin u jkun hemm aċċess għall-ġustizzja kif xieraq. Is-sottomissjonijiet preparatorji li jkun fihom dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal preżentati ġodda jridu jiġu ppreżentati b’ħin biżżejjed sabiex jiġu nnotifikati tal-inqas tliet ijiem qabel is-seduta.
  2. Meta jiffissa data għas-seduta ta’ smigħ preliminari, l-imħallef irid jagħti lill-konvenut mill-inqas ġimagħtejn biex iwieġeb (l-Artikoli 275(1), l-ewwel sentenza, 275(3) u 277(3) tal-Kodiċi). Jekk l-imħallef jordna proċedimenti preliminari bil-miktub, il-konvenut ikollu perjodu obbligatorju ta’ ġimagħtejn li fih jindika jekk għandux l-intenzjoni li jiddefendi l-kawża (l-Artikolu 276(1), l-ewwel sentenza); il-qorti tippermettilu mill-inqas ġimagħtejn oħra biex jippreżenta dikjarazzjoni ta’ difiża bil-miktub (l-Artikolu 276(1), it-tieni sentenza). L-imħallef li jippresjedi jista’, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi terminu għall-attur biex jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni ta’ difiża (l-Artikolu 276(3)).
  3. Jekk il-konvenut jonqos milli jindika l-intenzjoni tiegħu li jiddefendi ruħu mill-kawża fit-terminu stabbilit, fuq rikors tar-rikorrent u mingħajr seduta ta’ smigħ, il-qorti tagħti sentenza fejn tilqa’ t-talba (konklużiva) skont l-Artikolu 331(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (“sentenza fil-kontumaċja” (Versäumnisurteil)). Il-qorti tagħti wkoll sentenza fil-kontumaċja jekk ir-rikorrent jew il-konvenut ma jattendix għas-seduta ta’ smigħ jew ma jippreżentax l-argumenti tiegħu. Il-parti li kontriha tkun ingħatat sentenza fil-kontumaċja jkollha perjodu obbligatorju ta’ ġimgħatejn min-notifika tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja biex tressaq oġġezzjoni (l-Artikoli 338 u 339(1)). Meta l-oġġezzjoni tkun ammissibbli (u, iktar importanti minn hekk, tiġi ppreżentata fil-ħin stabbilit), il-proċedimenti jirritornaw għall-istadju li kienu fih qabel il-kontumaċja.
  4. Il-perjodu obbligatorju għall-preżentata ta’ appell (Berufung) huwa ta’ xahar (l-Artikolu 517 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), filwaqt li r-raġunijiet għall-appell jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn (l-Artikolu 520(2)). Iż-żewġ termini jibdew jiddekorru min-notifika tas-sentenza sħiħa jew, l-aktar tard, ħames xhur wara li din tkun ingħatat. Hemm skadenza ġudizzjarja ta’ mill-inqas ġimagħtejn biex wieħed jippreżenta risposta għall-appell (l-Artikolu 521(2) u l-Artikolu 277(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  5. Meta l-qorti tal-appell (Berufungsgericht), fis-sentenza tagħha, tiċħad il-permess għal appell ulterjuri fuq punti ta’ dritt (Rieżami), jista’ jitressaq rikors imġedded għal permess biex isir appell fi żmien perjodu obbligatorju ta’ xahar min-notifika tas-sentenza sħiħa (l-Artikolu 544(1) u (3), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi). Ir-raġunijiet għall-appell għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tas-sentenza sħiħa, iżda mhux iktar tard minn seba’ xhur wara li tkun ingħatat is-sentenza.
  6. It-terminu għall-preżentata ta’ appell fuq punt ta’ liġi huwa wkoll perjodu obbligatorju, u huwa ta’ xahar (l-Artikolu 548 tal-Kodiċi) filwaqt li r-raġunijiet għall-appell jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn (l-Artikolu 551(2), it-tieni sentenza). Iż-żewġ termini jibdew jiddekorru min-notifika tas-sentenza sħiħa jew, l-aktar tard, ħames xhur wara li din tkun ingħatat.
  7. Oġġezzjoni immedjata (sofortige Beschwerde) għal sentenza mogħtija b’digriet (Beschluss) trid titressaq fi żmien obbligatorju ta’ ġimagħtejn min-notifika tas-sentenza, jew mhux iktar tard minn ħames xhur u ġimagħtejn wara li tkun ingħatat (l-Artikolu 569(1)). Oġġezzjoni fuq punt ta’ liġi (Rechtsbeschwerde), li trid tkun ibbażata fuq ksur tal-liġi, trid tiġi ppreżentata fi żmien obbligatorju ta’ xahar wara n-notifika tad-digriet (l-Artikolu 575(1), l-ewwel sentenza), filwaqt li r-raġunijiet għall-oġġezzjoni jridu jiġu ppreżentati fi żmien xahar ulterjuri (l-Artikolu 575(2)).
  8. Meta parti tonqos milli tikkonforma ma’ rekwiżit proċedurali elenkat fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (eż. perjodu obbligatorju jew terminu għas-sottomissjoni tar-raġunijiet tal-appell) mingħajr ebda ħtija tagħha, dik il-parti tista’ tressaq rikors biex tiġi rrestawrata l-pożizzjoni qabel il-kontumaċja. Ir-rikors irid isir fi żmien ġimgħatejn mit-tneħħija tal-ostaklu (l-Artikolu 234(1) u (2)).

Jekk id-data għall-bidu ta’ terminu tiddependi miż-żmien tan-notifika (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4), jeħtieġ li jiġi ċċekkjat jekk in-notifika kinitx effettiva. F’każ ta’ notifika sostitwita, l-effettività tan-notifika ma tiddependix minn jekk id-destinatarju rċeviex effettivament id-dokument. Madankollu, dejjem ikun meħtieġ li d-dar jew in-negozju tad-destinatarju fil-ħin tan-notifika jkun jinsab fl-indirizz fejn jiġi nnotifikat id-dokument.

Destinatarju li ma kellu l-ebda għarfien tal-proċedimenti, u konsegwentement ma setax jikkontesta d-deċiżjoni magħmula, jista’ f’ċerti ċirkostanzi jkun jista’ japplika għar-restawr tal-pożizzjoni qabel il-kontumaċja: ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4. Għad-data li minnha jibda jgħodd it-terminu jekk jogħġbok irreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija 16.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta’ Jannar
  • l-Epifanija: is-6 ta’ Jannar (f’Baden-Württemberg, il-Bavarja u s-Sassonja-Anhalt biss)
  • il-Jum Internazzjonali tal-Mara: it-8 ta’ Marzu (f’Berlin biss)
  • il-Ġimgħa l-Kbira: id-data tvarja, iżda tkun lejn l-aħħar ta’ Marzu jew il-bidu ta’ April
  • l-Għid il-Kbir: id-data tvarja, iżda tkun lejn l-aħħar ta’ Marzu jew il-bidu t’April
  • it-Tnejn tal-Għid: id-data tvarja, iżda tkun lejn l-aħħar ta’ Marzu jew il-bidu t’April
  • l-1 ta’ Mejju/Jum il-Ħaddiem: l-1 ta’ Mejju
  • Lapsi: f’Mejju, id-data tvarja
  • il-Pentekoste: id-data tvarja, f’Mejju jew Ġunju
  • it-Tnejn tal-Pentekoste: id-data tvarja, f’Mejju jew Ġunju
  • Corpus Christi: id-data tvarja, iżda tkun bejn l-aħħar ta’ Mejju u nofs Ġunju (f’Baden-Württemberg, il-Bavarja, Hessen, Nordrhein-Westfalen-, Rheinland-Pfalz, Saarland, is-Sassonja (reġjonali) u Thüringen biss (reġjonali))
  • Santa Marija: il-15 ta’ Awwissu (fil-Bavarja (reġjonali) u Saarland biss)
  • Jum l-Unifikazzjoni tal-Ġermanja: it-3 ta’ Ottubru
  • Jum ir-Riforma: il-31 ta’ Ottubru (f’Brandenburg, Bremen, Hamburg, Mecklenburg-Vorpommern, is-Sassonja t’Isfel, is-Sassonja, is-Sassonja-Anhalt, Schleswig-Holstein u Thüringen biss)
  • il-Festa tal-Qaddisin Kollha: l-1 ta’ Novembru (f’Baden-Württemberg, il-Bavarja, in-Nordrhein-Westfalen-, ir-Rheinland-Pfalz u Saarland biss)
  • Jum l-Indiema (Buß- und Bettag): id-data tvarja, iżda hija x’imkien bejn nofs u l-aħħar ta’ Novembru (fis-Sassonja biss)
  • Jum il-Milied: il-25 ta’ Diċembru
  • l-Għada tal-Milied/San Stiefnu: is-26 ta’ Diċembru.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

L-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jgħid li t-termini proċedurali kollha jridu jiġu kkalkulati skont ir-regoli stipulati fl-Artikoli 187–193 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch).

Id-dettalji ta’ kif jiġi kkalkulati dawn it-termini huma deskritti fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 7 sa 9.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Ġeneralment, id-data tal-bidu ta’ terminu tkun marbuta man-notifika tad-dokument li għalih tkun tenħtieġ risposta, jew is-sentenza li se tiġi appellata (ara, pereżempju, l-Artikoli 276(1) l-ewwel sentenza, 329(2), it-tieni sentenza u 339(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Iż-żmien permess għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza (l-Artikoli 517, 548 u 569(1), it-tieni sentenza, tal-Kodiċi); madankollu, jekk id-deċiżjoni ma tiġix innotifikata, jew ma tiġix innotifikata b’mod effettiv, u dan ma jiġix rimedjat skont l-Artikolu 189 tal-Kodiċi, il-ħin jibda jiddekorri fl-aħħar tal-ħames xahar wara li tingħata d-deċiżjoni. It-terminu ta’ ħames xhur imbagħad jieħu post in-notifika. Hemm regola simili għal rikors imġedded għal permess għal appell, iżda f’dan il-każ ikun hemm perjodu ta’ sitt xhur li jieħu post in-notifika (l-Artikolu 544(3), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi).

Hemm data ta’ bidu differenti għat-termini ta’ dawk l-appelli li jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jissuperaw il-finalità ta’ sentenza:

  • it-terminu għal rikors għar-restawr tal-pożizzjoni preċedenti (Wiedereinsetzung in den vorigen Stand) jibda jiddekorri mid-data li fiha jitneħħa l-ostaklu (l-Artikolu 234(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • it-terminu għal oġġezzjoni kontra rifjut tad-dritt ta’ proċess ġust skont l-Artikolu 321a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Anhörungsrüge) jibda jiddekorri meta l-persuna ssir konxja mill-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq (l-Artikolu 321a(2), l-ewwel sentenza);
  • it-terminu għal rikors għal annullament (Nichtigkeitsklage) jew għal rikors għal revoka (Restitutionsklage, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti, l-Artikoli 578 et seq. tal-Kodiċi) jibda jiddekorri mid-data li fiha l-parti kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet li l-kontestazzjoni tkun ibbażata fuqhom, għalkemm mhux qabel ma s-sentenza ssir res judicata (l-Artikolu 586(2), l-ewwel sentenza).

Jekk il-mistoqsija tirreferi għaż-żmien meta att li jrid jitwettaq f’terminu isir effettiv, sabiex jiġi ssodisfat it-terminu, it-tweġiba hija kif ġej:

Terminu proċedurali jiġi ssodisfat jekk il-pass proċedurali jsir sa l-aħħar tal-jum li fih huwa permess, jiġifieri bħala regola, id-dokument rilevanti jintbagħat lill-qorti fil-ħin allokat. Il-fattur kruċjali huwa meta d-dokument jasal il-qorti, mhux meta jintbagħat. Madankollu, iż-żmien mogħti jista’ jintuża kollu, jiġifieri sa nofsillejl tal-aħħar jum, anke jekk ma jkunx probabbli li xi ħadd fil-qorti jara d-dokument f’dawk il-ħinijiet.

Jekk il-mistoqsija tirrigwarda kif ġie kkalkulat it-terminu, it-tweġiba hija kif ġej:

Skont l-Artikolu 187(1) tal-Kodiċi Ċivili, meta avveniment jew ħin speċifiku matul jum jiddetermina l-bidu ta’ terminu, il-jum inkwistjoni ma jiġi inkluż fl-ebda kalkolu tat-terminu.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le. Meta terminu jibda jiddekorri mill-ħin tan-notifika (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4), il-metodu tan-notifika ma jkunx rilevanti. Id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati jew mal-mument li jiġu kkonsenjati lid-destinatarju (l-Artikolu 177 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew meta jitlesta wieħed mill-metodi ta’ notifika sostitwita (elenkati fl-Artikoli 178, 180 u 181 tal-Kodiċi, eż. ikkonsenjati lil membru adult tal-familja jew impoġġija fil-kaxxa tal-ittri).

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Skont l-Artikolu 187(1) tal-Kodiċi Ċivili, meta avveniment jew ħin speċifiku matul jum jiddetermina l-bidu ta’ terminu, il-jum inkwistjoni ma jiġi inkluż fl-ebda kalkolu tat-terminu.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Il-jiem indikati huma jiem kalendarji, mhux jiem ta’ xogħol. Madankollu, jekk it-terminu jintemm il-Ħadd, is-Sibt jew fi btala pubblika ġeneralment rikonoxxuta, it-terminu jiġi estiż għall-jum tax-xogħol li jkun imiss (l-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 193 tal-Kodiċi Ċivili).

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Jekk avveniment jew żmien speċifiku matul jum ikun rilevanti sabiex jiskatta l-bidu ta’ terminu espress f’ġimgħat, xhur jew perjodu ta’ diversi xhur – sena, sitt xhur, tliet xhur – jiġifieri dan il-jum ma jkunx inkluż fil-kalkolu tat-terminu –, imbagħad dak it-terminu jintemm fl-aħħar tal-jum tal-aħħar ġimgħa jew l-aħħar xahar, li jikkorrispondi permezz tal-isem jew in-numru tiegħu għall-jum li fih iseħħ l-avveniment jew iż-żmien speċifiku. Min-naħa l-oħra, jekk il-bidu ta’ jum ikun iż-żmien rilevanti biex jiskatta l-bidu ta’ terminu – jiġifieri dan il-jum ikun inkluż fil-kalkolu tat-terminu –, allura t-terminu jintemm fl-aħħar tal-jum fl-aħħar ġimgħa jew fl-aħħar xahar qabel il-jum li jikkorrispondi permezz tal-isem jew in-numru tiegħu għad-data tal-bidu tat-terminu (l-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 188(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Meta l-aħħar jum ta’ terminu espress f’xhur ma jkollux jum ekwivalenti fix-xahar, it-terminu jintemm fl-aħħar jum tax-xahar (eż. terminu ta’ xahar li beda fit-30 ta’ Jannar jintemm fit-28 ta’ Frar) (l-Artikolu 188(3) tal-Kodiċi Ċivili).

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Ara l-mistoqsija 8.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Meta t-terminu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika, dan il-jum ma jkunx jgħodd, u l-perjodu jiskadi fil-jum ta’ xogħol ta’ wara, f’konformità mal-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u mal-Artikolu 193 tal-Kodiċi Ċivili.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Kull estensjoni tat-termini stabbiliti tkun ġeneralment fid-diskrezzjoni tal-qorti. Madankollu, il-perjodi obbligatorji ma jistgħux jiġu estiżi. F’xi każijiet, ikun meħtieġ il-kunsens tal-parti l-oħra.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

  1. Il-perjodu obbligatorju għall-preżentata ta’ appell (Berufung) huwa ta’ xahar (l-Artikolu 517 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), filwaqt li r-raġunijiet għall-appell jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn (l-Artikolu 520(2)). Iż-żewġ termini jibdew jiddekorru min-notifika tas-sentenza sħiħa jew, l-aktar tard, ħames xhur wara li din tkun ingħatat. Hemm skadenza ġudizzjarja ta’ mill-inqas ġimagħtejn biex wieħed jippreżenta risposta għall-appell (l-Artikolu 521(2) u l-Artikolu 277(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  2. Meta l-qorti tal-appell (Berufungsgericht), fis-sentenza tagħha, tiċħad il-permess għal appell ulterjuri fuq punti ta’ dritt (Rieżami), jista’ jitressaq rikors imġedded għal permess biex isir appell fi żmien perjodu obbligatorju ta’ xahar min-notifika tas-sentenza sħiħa (l-Artikolu 544(1) u (3), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi). Skont l-Artikolu 544 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ir-raġunijiet għall-appell għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tas-sentenza sħiħa, iżda mhux iktar tard minn seba’ xhur wara li tkun ingħatat is-sentenza.
  3. It-terminu għall-preżentata ta’ appell fuq punt ta’ liġi huwa wkoll perjodu obbligatorju, u huwa ta’ xahar (l-Artikolu 548 tal-Kodiċi) filwaqt li r-raġunijiet għall-appell jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn (l-Artikolu 551(2), it-tieni sentenza). Iż-żewġ termini jibdew jiddekorru min-notifika tas-sentenza sħiħa jew, l-aktar tard, ħames xhur wara li din tkun ingħatat.
  4. Oġġezzjoni immedjata (sofortige Beschwerde) kontra deċiżjoni magħmula permezz ta’ digriet (Beschluss) trid tiġi ppreżentata f’perjodu obbligatorju ta’ ġimagħtejn (l-Artikolu 569(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-perjodu obbligatorju jibda jiddekorri mid-data tan-notifika, jew mhux aktar tard minn ħames xhur wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni. Oġġezzjoni fuq punt ta’ liġi (Rechtsbeschwerde), li trid tkun ibbażata fuq ksur tal-liġi, trid tiġi ppreżentata fi żmien obbligatorju ta’ xahar wara n-notifika tad-digriet (l-Artikolu 575(1), l-ewwel sentenza), filwaqt li r-raġunijiet għall-oġġezzjoni jridu jiġu ppreżentati fi żmien xahar ulterjuri (l-Artikolu 575(2)).
  5. Meta parti tonqos milli tikkonforma ma’ rekwiżit proċedurali elenkat fl-Artikolu 233 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (eż. perjodu obbligatorju jew terminu għas-sottomissjoni tar-raġunijiet tal-appell) mingħajr ebda ħtija tagħha, dik il-parti tista’ tressaq rikors biex tiġi rrestawrata l-pożizzjoni ta’ qabel il-kontumaċja. Ir-rikors irid isir fi żmien ġimgħatejn mit-tneħħija tal-ostaklu (l-Artikolu 234(1) u (2)).

Id-dritt ċivili u l-liġi dwar il-proċedura ċivili tal-Ġermanja jistabbilixxu wkoll termini oħrajn, pereżempju:

  1. Sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, id-deċiżjonijiet tal-arbitraġġi jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għall-annullament ippreżentat il-qorti fi żmien tliet xhur mill-għoti tad-deċiżjoni (l-Artikolu 1059(3), l-ewwel u t-tieni sentenzi).
  2. Il-proċedimenti li jkunu ntemmu b’sentenza finali jistgħu jerġgħu jinfetħu permezz ta’ rikors għall-annullament (Nichtigkeitsklage) jew rikors għar-revoka (Restitutionsklage) (l-Artikolu 586(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) f’perjodu obbligatorju ta’ xahar mill-jum li fih il-parti tkun saret taf bir-raġunijiet għall-annullament tas-sentenza.
  3. Il-qorti tista’ tistabbilixxi wkoll żmien li fih il-parti trid tiftaħ kawża f’kawżi li jinvolvu l-proċedura indipendenti għall-kumpilazzjoni tax-xhieda (selbständiges Beweisverfahren) (l-Artikoli 494a(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew għal qbid (Arrest) (l-Artikolu 926(1)).
  4. Meta l-kerrej ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għax-xewqa ta’ sid il-post li jżid il-kera sal-kera abitwali fil-lokalità sa tmiem it-tieni xahar kalendarju wara li jirċievi d-domanda, sid il-post jista’ jiftaħ kawża biex jingħata l-approvazzjoni fi żmien tliet xhur oħra (l-Artikolu 558b(2)).
  5. Meta l-impjegat isostni li t-tkeċċija tiegħu ma kinitx effettiva, huwa jrid jiftaħ kawża quddiem il-Qorti Industrijali fi żmien tliet ġimgħat wara li jingħata l-avviż bil-miktub (l-Artikolu 4, l-ewwel sentenza, tal-Att dwar il-Protezzjoni mit-Tkeċċija (Kündigungsschutzgesetz)). Jekk l-impjegat ma josservax din l-iskadenza, it-tkeċċija titqies effettiva.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Il-prinċipju huwa li huwa f’idejn il-qorti biex tistabbilixxi l-ħinijiet u d-dati għad-dehriet il-qorti, għalkemm id-diskrezzjoni tagħha trid tosserva l-obbligu li għandha biex tħaffef il-proċedimenti u tiffissa seduti ta’ smigħ nhar ta’ Sibt, Ħadd jew festi pubbliċi f’emerġenzi biss.

Meta tinħareġ ċitazzjoni biex wieħed jitla’ l-qorti f’kawżi fejn ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja, irid jingħata avviż ta’ mqar ġimgħa; il-perjodu ta’ avviż f’każijiet oħrajn huwa ta’ tlett ijiem. Dawn il-perjodi jistgħu jitqassru biss jekk il-partijiet jaqblu wara rikors ta’ waħda minnhom.

Skont l-Artikolu 141(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tirrikjedi li ż-żewġ partijiet jattendu s-seduta ta’ smigħ fejn ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ. Madankollu, meta jkunu involuti distanzi twal, il-qorti tista’ tagħti deroga mir-rekwiżit li persuna tattendi jekk ma jkunx raġonevoli li tistenna li l-parti tivvjaġġa distanza kbira (ara l-mistoqsija 8) jew għal xi raġuni urġenti oħra. “Xi raġuni importanti oħra” (sonstiger wichtiger Grund) fit-tifsira tat-Taqsima 141(1), it-tieni sentenza, tfisser kwalunkwe raġuni li tkun importanti għal parti, inkluż, pereżempju, mard, btajjel ippjanati, ammont eċċessiv ta’ xogħol jew il-probabilità ta’ problemi psikoloġiċi f’każ ta’ laqgħa mal-parti l-oħra.

Barra minn hekk, l-Artikolu 227(1) l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tippermetti lill-qorti tikkanċella jew tiddiferixxi seduta ta’ smigħ fuq rikors tal-parti li tqajjem “raġunijiet sostanzjali” (erhebliche Gründe) jew biex seduta tiġi posposta għal għas-sottomissjonijiet orali. Għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, in-nuqqas ta’ dehra l-qorti tort tal-parti stess jew nuqqas ta’ preparamenti mingħajr skuża ma jitqiesx bħala raġuni valida. Raġunijiet validi jinkludu nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ perjodi ta’ avviż meta jinħarġu ċitazzjonijiet, bidla meħtieġa tal-avukat, xhud marid, ir-rappreżentant legali jew il-parti marida, jew l-inkapaċità ta’ xi ħadd minn dawn li jattendi minħabba l-mewt ta’ qarib. Il-qorti tista’ tirrikjedi provi tar-raġunijiet għal rikors għal posponiment, u dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu eżaminati ħafna iktar mill-qrib meta d-data tar-rikors tkun viċin ħafna tad-data stabbilita għas-seduta. Għalkemm il-vaganza antika tal-qorti ġiet abolita, l-Artikolu 227(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għadu jħalli iktar flessibilità meta parti titlob posponiment ta’ seduta ta’ smigħ li tkun se ssir f’data bejn l-ewwel ta’ Lulju u l-31 ta’ Awwissu.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

It-territorju Ġermaniż m’għandu l-ebda karatteristika ġeografika speċjali li tiġġustifika dawn ir-regoli speċjali. B’hekk, ir-regoli tal-proċedura ċivili fil-Ġermanja ma jipprevedux estensjoni ġenerali tat-termini għal nies li jgħixu l-bogħod ħafna mill-qorti rilevanti. Madankollu, skont l-Artikolu 141(1), it-tieni sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tirrikjedix li parti tattendi personalment meta “distanza kbira” (große Entfernung) mill-post ta’ residenza tagħha sal-qorti tkun tfisser li ma jkunx raġonevoli li tattendi. Minħabba l-faċilitajiet ta’ trasport ġeneralment tajba tal-lum, distanza ta’ diversi mijiet ta’ kilometri ma titqiesx bħala “kbira”. Madankollu, kull każ għandu jiġi evalwat fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi kollha, inkluż is-saħħa tal-parti.

Billi r-regoli ma jestendux it-terminu għall-benefiċċju ta’ dawk il-partijiet li jgħixu f’żoni remoti, is-sistema legali Ġermaniża m’għandhiex il-problema li termini itwal jiġu rikonoxxuti bnadi oħra.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu jista’ jkollu diversi konsegwenzi legali, pereżempju:

  1. Skont l-Artikolu 296(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-motivi u l-argumenti li ma jkunux ġew sottomessi qabel ma jkun skada terminu rilevanti jkunu ammissibbli biss jekk il-qorti tkun sodisfatta li l-ammissjoni tagħhom ma tkunx ta’ dewmien għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew jekk il-parti tipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għall-fatt li damet biex tippreżentahom. Il-motivi u l-argumenti li jiġu miċħuda skont dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu ppreżentati fl-appell (l-Artikolu 531(1) tal-Kodiċi).
  2. Jekk, matul il-proċedimenti preliminari bil-miktub skont l-Artikolu 276 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili il-konvenut ma jindikax, fi żmien ġimagħtejn min-notifika tar-rikors li huwa lest jiddefendi l-kawża kontrih, tista’ tinħareġ sentenza fil-kontumaċja kontrih fuq rikors tar-rikorrent (l-Artikolu 276(1), l-ewwel sentenza, 276(2) u 331(3) tal-Kodiċi).
  3. Meta d-debitur iħalli t-terminu biex jopponi ordni ta’ ħlas jiskadi matul il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas (l-Artikoli 692(1) Nru 3 u 694 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), jinħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni fuq rikors tal-kreditur (l-Artikolu 699(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  4. Jekk il-perjodu għall-preżentata ta’ appell ma jiġix osservat, id-deċiżjoni ssir finali (l-Artikolu 705 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Dan japplika wkoll meta l-perjodu għall-preżentata ta’ oġġezzjoni kontra sentenza mogħtija fil-kontumaċja jew digriet ta’ eżekuzzjoni ma jiġix osservat. (Oġġezzjoni ta’ dan it-tip (Einspruch) ma hijiex “appell” fis-sens tekniku, peress li tiġi eżaminata mill-istess qorti, u mhux minn qorti superjuri.) In-nuqqas ta’ osservazzjoni tat-terminu sabiex jiġu ddikjarati r-raġunijiet għal appell jew oġġezzjoni jirriżulta fiċ-ċaħda tal-appell jew tal-oġġezzjoni bħala inammissibbli (l-Artikoli 522(1), 552(1) u 577(1) tal-Kodiċi).
  5. L-istess japplika għat-terminu sabiex wieħed jagħti r-raġunijiet għal rikors mill-ġdid għall-permess ta’ appell (l-Artikolu 544(4)).

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Meta jinqabżu l-iskadenzi, il-parti jkollha dawn ir-rimedji li ġejjin kontra l-konsegwenzi stabbiliti fil-punt 15:

  1. Fil-każijiet koperti mill-Artikolu 296(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-parti tista’ tissottometti spjegazzjoni għad-dewmien (ara iktar il-fuq). F’dan il-każ, il-parti trid titlob u, jekk ikun meħtieġ mill-qorti, tiżgura lill-qorti li m’għandiex tort għall-iskadenza maqbuża. Jekk il-parti tkun tista’ turi dan, il-qorti trid tippermetti wkoll is-sottomissjoni tardiva.
  2. Il-parti li kontriha tkun ingħatat sentenza fil-kontumaċja tista’ topponiha (l-Artikolu 338 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk l-oġġezzjoni tkun ammissibbli, jiġifieri b’mod partikolari, jekk tkun fil-forma meħtieġa u fiż-żmien permess (l-Artikoli 339 u 340 tal-Kodiċi), u tkun fondata, il-proċedimenti jmorru lura għall-istadju ta’ qabel ma tkun inqabżet l-iskadenza (l-Artikolu 342).
  3. Oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll kontra digriet ta’ eżekuzzjoni maħruġ fi proċedura għal ordni ta ħlas, għaliex skont l-Artikolu 700 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili dan huwa ekwivalenti għal sentenza mogħtija fil-kontumaċja.
  4. It-termini għall-appelli u l-oġġezzjonijiet huma perjodi obbligatorji. Parti li ma tkunx tħalliet tosserva perjodu obbligatorju mingħajr ebda tort tagħha stess tista’ tressaq rikors għar-ritorn għall-pożizzjoni ta’ qabel ingħatat is-sentenza fil-kontumaċja (l-Artikoli 233 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Dan għandu jsir fit-terminu statutorju u fil-forma meħtieġa (l-Artikoli 234 u 236(1) tal-Kodiċi). Il-fatti intiżi biex jiġġustifikaw skadenza maqbuża jridu jkunu motivati u evidenzjati (l-Artikolu 236(2)). Kwalunkwe pass proċedurali li parti tkun tilfet, eż. il-preżentata ta’ appell, irid isir fit-terminu għar-rikors.
  5. Wieħed jista’ jressaq rikors għar-ritorn għall-pożizzjoni ta’ qabel ingħatat is-sentenza fil-kontumaċja meta l-iskadenza maqbuża tkun it-terminu mogħti għas-sottomissjoni ta’ raġunijiet għal appell jew oġġezzjoni.
L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.