Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Dawn li ġejjin huma l-aktar tipi ta' preskrizzjoni importanti skont ir-regoli tal-proċedura ċivili:

Il-preskrizzjoni biex jiġu ppreżentati dokumenti ġudizzjarji:

F'każ ta' rikors ġuramentat ġeneralment approvat, ir-rikorrent irid jippreżenta r-rikors tiegħu lill-qorti u jinnotifikah lill-konvenut fi żmien għaxart ijiem mid-data meta l-konvenut jiddikjara li se jidher personalment il-qorti biex jiddefendi lilu nnifsu, sakemm mhux speċifikat xorta oħra mill-qorti.

In-nota tal-eċċezzjonijiet ta' konvenut li diġà ddikjara li se jidher personalment il-qorti għandha tiġi ppreżentata fi żmien 14-il jum mid-data ta' notifika tar-rikors, sakemm dan iż-żmien ta' preskrizzjoni ma jiġix estiż mill-qorti.

Il-preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni ta' sentenza tal-qorti:

Sentenza tal-qorti hija eżegwibbli fi żmien sitt snin mid-data li fiha saret eżekuttiva. Jekk is-sentenza ma tistax tiġi eżegwita fiż-żmien stabbilit, ir-rikorrent jista' jitlob it-tiġdid tas-sentenza (li jikkostitwixxi estensjoni indiretta tal-preskrizzjoni).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Minbarra s-Sibt u l-Ħadd, il-ġranet ta' festa f'Ċipru jinkludu l-ġranet li ġejjin:

  • L-Ewwel tas-Sena: l-1 ta' Jannar
  • L-Epifanija is-6 ta' Jannar
  • Clean Monday (timxi skont il-kalendarju)
  • Btala Nazzjonali: il-25 ta' Marzu (tifkira tal-bidu tar-rivoluzzjoni tal-1821)
  • Btala Nazzjonali: l-1 ta' April (tifkira tal-bidu tal-ġlieda għall-ħelsien ta' Ċipru bejn l-1955-1959)
  • Jum il-Ħaddiem: l-1 ta' Mejju
  • Il-Ġimgħa l-Kbira: Il-Ġimgħa ta' qabel l-Għid
  • It-Tnejn ta' wara l-Għid: It-Tnejn ta' wara l-Għid
  • Il-Pentekoste
  • Santa Marija: il-15 ta' Awwissu
  • Jum l-Indipendenza: l-1 ta' Ottubru
  • Btala Nazzjonali: it-28 ta' Ottubru (l-anniversarju tal-"LE" tal-1940)
  • Lejlet il-Milied: l-24 ta' Diċembru
  • Jum il-Milied: il-25 ta' Diċembru
  • San Stiefnu: il-26 ta' Diċembru

Barra minn hekk, skont ir-regola Nru 61 tal-Proċedura Ċivili, il-jiem li ġejjin huma l-ġranet ta' festa uffiċjali għas-sistema ġudizzjarja:

  • Il-perjodu bejn l-10 ta' Lulju u d-9 ta' Diċembru inklużi (il-vaganzi tas-sajf).
  • Il-perjodu bejn l-24 ta' Diċembru sas-6 ta' Jannar inklużi (il-vaganzi tal-Milied).
  • Il-perjodu mill-Ħamis ta' qabel l-Għid sal-Ħadd ta' San Tumas inklużi (il-vaganzi tal-Għid).

Is-seduti tas-smigħ jew proċedimenti oħra jistgħu jsiru matul il-perjodi msemmijin biss jekk ikun hemm struzzjonijiet mill-Qorti Suprema jew minn imħallef f'każ ta' proċedimenti li jaqgħu fil-ġurizdizzjoni tiegħu.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

  • Ir-Regoli tal-Proċedura Ċivili japplikaw għal diversi proċeduri ċivili.
  • Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Preskrizzjoni 165(I)/2002 japplikaw għall-preskrizzjoni biex tinfetaħ kawża.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Il-preskrizzjoni tibda tgħodd mid-data wara li ssir in-notifika għaliex, skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Interpretazzjoni, "jiem" tfisser "jiem sħaħ".

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Skont ir-Regoli tal-Proċedura Ċivili, id-dokumenti jiġu notifikati fir-Repubblika ta' Ċipru personalment permezz ta' marixxall (ħlief f'każijiet eċċezzjonali fejn il-Qorti tista' tordna li ssir mod ieħor wara talba tal-partijiet). Il-preskrizzjoni mhix affettwata mid-data tan-notifika.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Le. Ara t-tweġiba mogħtija għad-domanda Nru 4 aktar 'il fuq.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta l-preskrizzjoni tiġi espressa f'jiem, hija tindika "jiem kalendarji", ħlief jekk il-qorti tordna mod ieħor f'każ speċifiku. Pereżempju, il-qorti tista' tordna li l-oġġezzjoni tal-konvenut tiġi ppreżentata "fi żmien tlett ijiem ta' xogħol mid-data tal-lum" jew li l-inġunzjoni għandha tiġi nnotifikata (pereż. lill-konvenut fi proċedimenti ex parte jew lil bank fi proċedimenti ta' ffriżar tal-kontijiet) "fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol mit-tfassil tagħha".

Skont l-Att dwar l-Interpretazzjoni, "jiem" dejjem tfisser "jiem sħaħ".

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-preskrizzjoni tirreferi għal ġimgħat jew xhur kalendarji.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

F'dawn il-każijiet il-preskrizzjoni tiskadi kif tgħaddi l-aħħar siegħa tal-aħħar ġurnata tal-ġimgħa, xahar jew sena tal-preskrizzjoni.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva, f'dan il-każ il-preskrizzjoni tiġi estiża sal-ewwel ġurnata ta' xogħol tal-għada li jkun imiss.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Skont ir-Regola tal-Proċedura Ċivili Nru 57, Ordni 2, il-qorti tista' testendi jew tqassar kull preskrizzjoni li hija pprovduta fir-regoli msemmija hawn fuq jew f'inġunzjoni rilevanti, mingħajr ma timponi kundizzjonijiet jew skont dawn il-kundizzjonijiet kif meħtieġa fl-interessi tal-ġustizzja.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Jista' jsir appell kontra inġunzjoni finali jew temporanja fuq kwistjoni li ma tikkostitwixxix azzjoni u kontra ċ-ċaħda ta' rikors provviżorju fi żmien 14-il jum minn meta l-inġunzjoni ssir vinkolanti jew minn meta r-rikors jiġi miċħud.

Fil-każijiet l-oħra (pereż. kontra sentenza finali f'kawża ċivili) l-appell irid isir fi żmien sitt ġimgħat minn meta s-sentenza ssir vinkolanti.

Il-preskrizzjoni tista' tiġi estiża biss f'każijiet rari u eċċezzjonali.

It-tipi ta' preskrizzjoni differenti biex issir kawża huma stabbiliti fl-Att dwar il-Preskrizzjoni 165(I)/2002.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Wara li ssir in-notifika tar-rikors, hemm preskrizzjoni ta' għaxart ijiem sabiex il-konvenut jiddikjara li se jidher personalment quddiem il-qorti.

Mill-bqija, id-dati sabiex il-partijiet jidhru l-qorti jiġu stabbiliti mill-qorti nnifisha.

L- ewwel data għad-dehra l-qorti f'każ ta' rikors tiġi stabbilita mir- reġistru tal-qorti mal-preżentata tar-rikors, sakemm ma hemmx raġuni speċjali biex tiġi ffissata data speċifika għad-dehra l-qorti. F'dak il-każ, id-data speċifika tiġi ffissata biss wara li tingħata l-awtorizzazzjoni mill-qorti li tkun qed tisma' l-każ.

Rigward il-modifika ta' preskrizzjoni oħra, ara t-tweġiba għad-domanda Nru 11 aktar 'il fuq.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Jekk il-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni hija dik ta' Ċipru, l-istess regoli u l-istess preskrizzjoni japplikaw, minkejja l-post ta' residenza tal-parti li ġiet innotifikata.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Jekk il-konvenut jonqos milli jippreżenta d-dikjarazzjoni li se jidher il-qorti, jew, sussegwentement, in-nota tal-eċċezzjonijiet fiż-żmien stabbilit, ir-rikorrent jista' jippreżenta rikors għal deċiżjoni favur tiegħu.

Bl-istess mod il-konvenut jista' jippreżenta rikors biex it-talba tar-rikorrent tiġi miċħuda jekk, fil-każ ta' rikors ġuramentat ġeneralment aċċettat, ir-rikorrent ma jkunx ippreżentah fiż-żmien stabbilit.

Barra minn hekk, oġġezzjoni għal rikors ippreżentata wara li jkun skada ż-żmien rilevanti tista' tiġi injorata mill-qorti u għalhekk il-konvenut kontumaċi jista' jitlef id-dritt li jinstema' matul il-proċedimenti.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Il-konvenut kontumaċi li t-talba tiegħu ġiet miċħuda jista' jitlob sabiex jinstema' fil-kawża.

Konvenut kontumaċi li ngħatat sentenza kontrih jista' jitlob li titħassar is-sentenza.

Dawn it-talbiet jiġu awtorizzati bħala deroga.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.