Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Hemm diversi tipi ta’ skadenzi skont il-liġi Awstrijaka.

Issir distinzjoni bejn l-iskadenzi proċedurali, jiġifieri skadenzi sa meta parti jew persuna oħra involuta fil-proċedimenti tista' jew għandha tieħu azzjoni speċifika għall-fini tal-proċedimenti, u skandenzi sostanzjali, jiġifieri skadenzi sa meta avveniment partikolari għandu jkun seħħ sabiex jipproduċi ċerti effetti sostantivi taħt is-sistema legali (pereżempju l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' pretensjoni rigward id-dħul fi proprjetà bla jedd skont it-Taqsima 454 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (ZPO) jew biex jingħata avviż lill-kerrejja skont it-Taqsima 560 ZPO). Punt importanti huwa li ż-żmien meħtieġ għat-twassil mis-servizz postali mhuwiex inkluż għal skadenzi proċedurali, iżda huwa inkluż għal skadenzi sostantivi. Dan ifisser, pereżempju, li appell huwa kkunsidrat li ġie ppreżentat fil-ħin jekk ikun intbagħat bil-posta sal-aħħar jum tal-limitu ta’ żmien proċedurali għall-appell (id-data tat-timbru tal-posta), anki jekk il-Qorti tirċevih ħafna wara l-iskadenza.

Issir distinzjoni wkoll skont jekk l-iskadenza tkunx stabbilita direttament mil-liġi (eż. skadenzi għall-appelli) jew mill-imħallef skont ir-rekwiżiti tal-każ individwali (eż. skadenza għall-preżentazzjoni ta’ garanzija biex tkopri l-ispejjeż). Skadenzi għall-investigazzjonijiet, li għalihom il-liġi sempliċement tistipula skeda ta' żmien (durata minima jew massima jew durata approssimattiva, bħal fit-Taqsima 257(1) ZPO għad-data għal seduta ta' smigħ preliminari) jirrappreżentaw kumbinazzjoni tat-tnejn.

Il-limiti ta’ żmien assoluti huma determinati permezz tad-data li fiha jintemmu (normalment jum wieħed tal-kalendarju), filwaqt li limiti ta’ żmien relattivi huma definiti bid-data tal-bidu u d-durata.

B’mod ġenerali, l-imħallfin jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien (limiti ta’ żmien li jistgħu jiġu estiżi). Każijiet eċċezzjonali li fihom il-liġi tipprojbixxi estensjoni huma magħrufa bħala non-extendable jew limiti ta’ żmien obbligatorji (pereżempju skadenzi għat-tressiq tal-appelli).

Issir distinzjoni bejn l-iskadenzi riversibbli u mhux riversibbli, skont jekk ir-restawr tal-pożizzjoni preċedenti huwiex possibbli jekk skadenza ma tiġix rispettata. Ir-riversibbiltà hija r-regola ġenerali. Fil-każijiet eċċezzjonali li fihom ir-restawr ta’ pożizzjoni preċedenti huwa pprojbit, l-iskadenza hija msemmija bħala limitu ta' żmien preklużiv jew fiss (Fallfrist). Eżempji ta’ limiti ta’ żmien proċedurali preklużivi huma l-iskadenzi għat-tressiq ta’ applikazzjoni għal annullament jew applikazzjoni għal rikors għal ritrattazzjoni (it-Taqsima 534 ZPO).

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Is-Sibtijiet, il-Ħdud, il-Ġimgħa l-Kbira u l-festi pubbliċi mhumiex ġranet ta' xogħol fl-Awstrija. Jum l-Ewwel tas-Sena (l-1 ta’ Jannar), l-Epifanija (is-6 ta’ Jannar), it-Tnejn ta’ wara l-Għid, Jum il-Ħaddiem (l-1 ta’ Mejju), Jum Lapsi, it-Tnejn wara l-Għid il-Ħamsin, Corpus Christi, l-Assunzjoni (15 ta’ Awwissu), il-Jum Nazzjonali Awstrijak (is-26 ta’ Ottubru), Jum il-Qaddisin kollha (l-1 ta’ Novembru), Jum l-Immakulata Kunċizzjoni (it-8 ta’ Diċembru), Jum il-Milied (il-25 ta’ Diċembru) u Boxing Day (is-26 ta’ Diċembru) huma kollha festi pubbliċi fl-Awstrija

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar skandenzi jinstabu fit-Taqsimiet minn 123 sa 129 u minn 140 sa 143 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (ZPO) u fit-Taqsima 89 tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (GOG).

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, skandenza tibda tgħodd mid-data ta’ servizz effettiv tad-deċiżjoni li tordna jew li tiskatta l-iskadenza; inkella din tibda meta dik id-deċiżjoni tkun ġiet ippronunzjata (t-Taqsima 124 ZPO).

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Le; kif indikat taħt il-punt 4, is-servizz huwa normalment l-avveniment li jiskatta skadenza proċedurali, irrispettivament mill-mod kif ikun twettaq is-servizz/mill-mod kif jiġi affettwat is-servizz.

L-iskandenza tibda b’servizz jew pronunzja tad-deċiżjoni li tordna jew tiskatta l-limitu.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Le, id-data tal-avveniment li jiskatta l-iskadenza (eż. is-servizz) mhijiex inkluża għall-finijiet tal-kalkolu tal-iskadenza.

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

L_iskadenzi huma kkalkulati f’jiem kalendarji.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Hawnhekk ukoll, l-iskadenzi huma kkalkulati f’jiem kalendarji.

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

Skadenzi espressi f’ġimgħat, xhur jew snin jiskadu f’nofsillejl dakinhar tal-aħħar ġimgħa jew tal-aħħar xahar li jikkorrispondi fl-isem jew fin-numru mad-data tal-bidu (it-Taqsima 125(2) ZPO) Jekk ma jkunx hemm data bħal din fl-aħħar xahar tal-iskandenza (jekk, pereżempju, limitu ta’ żmien ta’ xahar jibda fil-31 ta’ Jannar), l-iskadenza tiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar (it-Taqsima 125(2) ZPO). Btala jew ġranet li ma jaffettwawx id-data tal-bidu jew id-durata tal-iskandenzi.

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

Iva, l-iskadenzi li jispiċċaw is-Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew fil-Ġimgħa l-Kbira jiskadu fil-ġurnata tax-xogħol li jkun imiss.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Skandenzi obbligatorji fi proċedimenti ta’ appell jiġu sospiżi bejn il-15 ta’ Lulju u s-17 ta’ Awwissu u bejn l-24 ta’ Diċembru u s-6 ta’ Jannar. Jekk wieħed minn dawn il-perjodi jibda matul skandenza mandatorja jew il-bidu ta’ skandenza obbligatorja jaqa’ f’wieħed minn dawn il-perjodi, l-iskadenza tiġi estiża bil-perjodu kollu jew bil-perjodu li jifdal meta jibda.

Dan ma japplikax f’ċerti proċedimenti speċjali, speċjalment f’tilwim li jinvolvi dħul fi proprjetà bla jedd/interferenza, manutenzjoni, pretensjonijiet dwar l-infurzar u mandati interim jew rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Bħala regola, l-iskadenzi għall-appell jiddependu fuq it-tip ta’ deċiżjoni (sentenza jew ordni) u s-suġġett. F’każijiet ċivili kontenzjużi, l-iskadenza għal appell kontra ordni (Rekurs) hija ġeneralment ta’ 14-il ġurnata, filwaqt li l-iskadenza għal appell kontra sentenza (Berufung) hija ta’ erba’ ġimgħat.

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

B’mod ġenerali, l-imħallfin jistgħu jestendu l-iskadenzi (skadenzi li jistgħu jiġu estiżi). Każijiet eċċezzjonali li fihom il-liġi tipprojbixxi estensjoni huma magħrufa bħala li ma jistgħux jiġu estiżi jew skadenzi obbligatorji (pereżempju skadenzi għat-tressiq tal-appelli).

L-iskadenzi kollha jistgħu jitqassru soġġetti għal ftehim dokumentati bejn il-partijiet. Il-Qorti tista’ tqassar l-iskadenzi wara t-talba ta’ waħda mill-partijiet, bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu juru li skadenza iqsar hija meħtieġa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ telf konsiderevoli u l-parti l-oħra tkun faċilment tista' tieħdu l-azzjoni proċedurali meħtieġa mill-iskadenza iqsar (it-Taqsima 129 ZPO).

Skandenza tista' tiġi estiża jekk mitlub, jekk il-Parti li tibbenefika mill-estensjoni ikollha raġunijiet inevitabbli jew serji ħafna għalfejn ma tkunx tista' tieħdu azzjoni proċedurali fil-ħin u, b’mod partikolari, jekk hija ssofri ħsara irreparabbli mingħajr estensjoni (it-Taqsima 128(2) ZPO). Skadenza ma tistax tiġi estiża permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet (it-Taqsima 128 (1) ZPO).

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Le, għax dak li huwa importanti hawnhekk huwa li l-passi proċedurali fir-rigward ta’ qorti Awstrijaka jittieħdu fil-ħin.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Bħala regola ġenerali, parti li tonqos milli tieħu pass proċedurali fil-ħin ma tkunx tista' tieħu dak il-pass (il-preklużjonijiet, it-Taqsima 144 ZPO). Jeżistu eċċezzjonijiet, bħat-Taqsima 289(2) ZPO (li tirregola l-konsegwenzi ta' nuqqas ta' preżenza għall-ġbir ta’ evidenza) u t-Taqsima 491 ZPO (li tirregola l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta' preżenza fi smigħ ta’ appell).

Passi proċedurali meħuda tard huma ġeneralment miċħuda b’operat tal-liġi, iżda f’xi każijiet hija meħtieġa applikazzjoni.

Xi drabi n-nuqqas li tittieħed azzjoni għandu konsegwenzi speċifiċi barra mir-riżultati tas-soltu. Dawn ivarjaw b’mod konsiderevoli. Il-konsegwenza speċifika l-aktar importanti ta’ nuqqas ta’ azzjoni hija li, meta parti waħda tonqos milli taġixxi, il-Parti l-oħra tista’ tapplika għal sentenza mogħtija in kontumaċja (it-Taqsimiet 396 u 442 ZPO). Eżempji oħra huma: jekk iż-żewġ partijiet ma jaslux biex jidhru quddiem il-qorti, il-proċedimenti jiġu sospiżi għal mill-inqas tliet xhur (it-Taqsima 170 ZPO) u, jekk il-petizzjonant jonqos milli jidher fi proċedimenti matrimonjali, il-petizzjoni tista’ tinżamm biex tiġi rtirata, iżda mhux tiġi abbandunata, wara talba mingħand l-intimat (it-Taqsima 460 Nru 5 ZPO).

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Ir-rimedji disponibbli biex jitreġġgħu lura l-konsegwenzi legali ta’ nuqqas milli wieħed jidher quddiem il-qorti jew milli wieħed jieħu azzjoni proċedurali huma kif ġej:

Ir-restawr tal-pożizzjoni preċedenti (t-Taqsima 146 et seq. ZPO):

Ir-restawr tal-pożizzjoni preċedenti jista' jintuża biex ireġġa' lura l-konsegwenzi tan-nuqqas milli wieħed jidher quddiem il-qorti jew in-nuqqas ta’ konformità mal-limitu ta’ żmien għal att proċedurali meta n-nuqqas mill-parti jew mir-rappreżentant tagħhom kien dovut għal avveniment mhux previst jew inevitabbli u l-parti jew ir-rappreżentant tagħha ma kienx jaħti jew il-ħtija kienet minima (negliġenza ħafifa). Applikazzjoni għal dan ir-rimedju għandha tiġi ppreżentata fi żmien 14-il jum mit-tneħħija tal-ostakolu.

Oġġezzjoni (it-Taqsimiet 397A u 442a ZPO):

L-oġġezzjoni hija rimedju legali bl-għan li treġġa' lura sentenza mogħtija in kontumaċja taħt it-Taqsima 396 jew it-Taqsima 442 ZPO. Bħala regola, l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-qorti aġġudikanti, fil-forma ta’ noti ta’ tħejjija, fi żmien 14-il jum ta' servizz mis-sentenza mogħtija in kontumaċja (il-limitu ta’ żmien ma jistax jiġi estiż).

Appell (it-Taqsima 461 et seq. SPO):

Appell jista’ jiġi ppreżentat kontra sentenza mogħtija in kontumaċja prinċipalment għar-raġuni li ma kienx hemm nuqqas ta’ konformità, billi tapplika waħda mir-raġunijiet ta’ invalidità elenkati fit-Taqsima 477(1) Nru 4 u Nru 5 ZPO (servizz mhux korrett jew in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni tal-parti fil-proċedimenti).

L-aħħar aġġornament: 16/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna