- Is-sit web HELP (il-Kunsill tal-Ewropa)
- Manwali tad-drittijiet tal-bniedem għall-ġuristi (il-Kunsill tal-Ewropa)
- Gwida prattika għall-avukati li jidhru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-Kunsill tal-Ghaqdiet Ewropej tal-Avukati - CCBE)
- Linji gwida għat-taħriġ fil-liġi amministrattiva tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN)
- Il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili
Is-sit web HELP (il-Kunsill tal-Ewropa)
Is-sit web HELP (Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Professjonisti Legali) ġiet żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa biex tappoġġa t-taħriġ tal-professjonisti legali kollha fil-liġi tad-drittijiet umani. Is-sit web ġiet iddissinjata mill-ġdid f'Novembru 2011 u l-għan tagħha hu li ssir punt primarju ta' referenza fuq dan is-suġġett. Il-partijiet ikkonċernati kollha jistgħu jidħlu fuq is-sit web u jiksbu aċċess għal numru kbir ta' sorsi ta' informazzjoni dwar it-taħriġ prodott mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-informazzjoni hija disponibbli f'numru ta' lingwi (inklużi l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż) u tinkludi manwali tat-taħriġ fuq kunċetti ewlenin, kwistjonijiet speċifiċi, preżentazzjonijiet u taħriġ online li jkopru diversi artikli u temi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
L-utenti jridu jirreġistraw sabiex jiksbu aċċess għar-riżorsi tas-sit web. Dokument ta' spjega huwa disponibbli bl-Ingliż biex jagħmilha aktar faċli għall-utenti l-ġodda biex isibu triqthom madwar is-sit.
Il-HELP fit-28 jappoġġa lill-professjonisti legali mill-UE biex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet dwar kif għandhom jirreferu għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Karta Soċjali Ewropea (ESC). Il-moduli ta’ taħriġ li ġejjin huma disponibbli:
- Il-ġlieda kontra r-Razziżmu, il-Ksenofobija, l-Omofobija u t-Transfobija
- Il-protezzjoni tad-data
- Id-drittijiet tax-xogħol
- Id-dritt għall-integrità ta’ persuna
Manwali tad-drittijiet tal-bniedem għall-ġuristi (il-Kunsill tal-Ewropa)
Diversi manwali ġew żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li jgħinu lill-ġuristi jiksbu fehim aħjar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Drittijiet tal-Bniedem.
Dawn il-gwidi prattiċi jkopru s-suġġetti li ġejjin: id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt għal-libertà personali u s-sigurtà, il-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon; il-libertà tal-espressjoni, id-dritt għall-proprjetà, il-projbizzjoni tat-tortura, id-dritt għall-ħajja u l-protezzjoni tal-migranti.
Il-manwali huma kollha disponibbli bl-Ingliż u wkoll bil-Franċiż.
Gwida prattika għall-avukati li jidhru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-Kunsill tal-Ghaqdiet Ewropej tal-Avukati - CCBE)
Il-gwida prattika għall-avukati li jidhru quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB jew il-"Qorti") hija diretta lejn avukati li beħsiebhom iressqu każ quddiem il-QEDB. Il-gwida, li hija lista ta' mistoqsijiet u tweġibiet, fiha informazzjoni u pariri prattiċi għall-proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali qabel applikazzjoni quddiem il-QEDB, quddiem il-Qorti nnifisha, u matul l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti.
Għadd ta’ mistoqsijiet huma koperti fil-manwal, inkluż: f'liema stadju tal-proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali għandhom jiġu invokati vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; kif tippreżenta rikors fil-Qorti; l-aspetti tekniċi tal-proċedimenti; u r-rwol ta' avukat ladarba tkun ingħatat sentenza. Huma inklużi wkoll referenzi għal għodod u r-riżorsi disponibbli għall-partijiet u l-avukati tagħhom.
Prodotta fi sħubija mal-QEDB, il-gwida hija disponibbli fuq il-websajt tal-Kunsill tal-Ghaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) bl-Ingliż u bil-Franċiż.
Linji gwida għat-taħriġ fil-liġi amministrattiva tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN)
Il-linji gwida għat-taħriġ fil-liġi amministrattiva huma intiżi bħala indiċi awtorevoli aġġornat tal-aktar leġiżlazzjoni, ġurisprudenza u dokumentazzjoni rilevanti importanti fid-diversi sub-oqsma tal-liġi amministrattiva Ewropea. Dawn jimmiraw biex jipprovdu sors siewi ta' informazzjoni għall-iżvilupp ta' taħriġ ta' kwalità għolja fil-qasam tal-liġi amministrattiva madwar l-Ewropa u biex iservu bħala manwal għall-ħarrieġa ġudizzjarji u l-prattikanti ġudizzjarji dwar l-aktar żviluppi riċenti fl-oqsma ewlenin tal-liġi amministrattiva tal-UE.
Dawn jinkludu sotto-taqsima dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk fundamentali.
Il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili
"Magħqudin biex intemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili" (UEFGM) għodda tat-tagħlim elettroniku
Il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u forma ta' abbuż tat-tfal. Bħal kull forma oħra ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, din tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għall-ħajja, il-libertà, is-sigurtà, id-dinjità, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, in-nondiskriminazzjoni u l-integrità fiżika u mentali, kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Il-kors ta' tagħlim elettroniku "Magħqudin biex intemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili" (UEFGM) jindirizza l-kwistjoni tal-MĠF fil-kuntest tas-servizzi tas-saħħa u l-ażil. Il-ġuristi jistgħu jkunu interessati fl-ewwel żewġ moduli ta' fondazzjoni, li jipprovdu introduzzjoni għall-fehim tal-MĠF bħala kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem u bħala forma speċifika ta' vjolenza bbażata fuq is-sess. Il-ġuristi li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-ażil jistgħu jkunu interessati fiż-żewġ moduli speċjalizzati fil-qasam tal-ażil.
Il-kors huwa disponibbli bl-Ingliż, it-Taljan, il-Portugiż, il-Grieg, il-Franċiż, l-Iżvediż, in-Netherlandiż u l-Ġermaniż.
Ħolqa relatata
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.