Képzési módszertan

Ippjanar tajjeb huwa essenzjali għas-suċċess ta' kors ta' taħriġ. Is-segwenti (għalkemm mhux dejjem huma marbuta direttament mat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew) huma eżempji ta' prattiki tajbin ta' taħriġ u jistgħu jkunu utli għall-fornituri tat-taħriġ.

Tagħlim elettroniku

"Tagħlim imħallat"

"Logħob serju"

Tagħlim tal-lingwa legali

Taħriġ għall-ħarrieġa

Evalwazzjoni

Għodod

Tagħlim elettroniku

Portal Elearningeuropa.info

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet Open Education Europa fl-2002 biex tgħin tittrasforma l-edukazzjoni permezz tat-teknoloġija. Din saret forum ewlieni għall-esplorazzjoni tal-bidla u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni.

Open Education Europa tħaddan komunità attiva ta' studjużi, edukaturi, min ifassal il-politika, studenti u partijiet konċernati oħra li jużaw il-portal bħala post virtwali fejn jiltaqgħu u jaqsmu u jiddiskutu soluzzjonijiet għal firxa diversa ta' kwistjonijiet edukattivi. Il-portal u l-kontenut iġġenerat mill-utent tiegħu joffru approċċ kollaborattiv, kritiku u kreattiv li jħares lejn fejn l-edukazzjoni hija llum, u fejn sejra fil-ġejjieni.

Open Education Europa hija inizjattiva tal-Kummissjoni li tifforma parti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, ġestit mid-Direttorat-Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura.

PRAG - Gwida Prattika dwar proċeduri kontraenti (EuropeAid)

Il-PRAG huwa kors tat-tagħlim elettroniku li jispjega l-proċeduri kontraenti li japplikaw għall-kuntratti kollha ta' għajnuna esterna ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE u mill-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). Dan jispjega kif il-Kummissjoni tamministra l-fondi u jiddeskrivi l-proċeduri li japplikaw għall-kuntratti kollha (akkwist u għotjiet). Huwa jkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mal-għoti u l-implimentazzjoni ta' kuntratt u hu mmexxi b'mod interattiv.

Il-kors huwa maqsum f'kapitoli aċċessibbli b'mod indipendenti. Huwa eżempju ta' kors tat-tagħlim elettroniku, disponibbli bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Franċiż u bil-Portugiż.

Tagħlim imħallat

Titjib fil-kwalità tat-"tagħlim imħallat" - Proġett COMBLE: Komunità ta' Tagħlim Imħallat Integrat fl-Ewropa

L-objettiv tal-proġett COMBLE kien li jtejjeb il-kwalità tat-"tagħlim imħallat" fl-edukazzjoni għolja, ulterjuri u tan-negozju billi jipprovdi l-amministraturi, l-għalliema u l-istudenti b'għarfien, taħriġ u pariri dwar kwistjonijiet tekniċi, didattiċi, organizzattivi u personali li jistgħu jinfluwenzaw is-suċċess tas-soluzzjonijiet ta' tagħlim imħallat. COMBLE kien ko-finanzjat mill-Programm Tagħlim tul il-Ħajja (ICT).

Ir-riżultati ewlenin tal-proġett jinkludu Methopedia, komunità bbażata fuq il-wiki li fiha l-esperti jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza rigward l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' metodoloġiji tat-tagħlim imħallat. Is-sit huwa disponibbli bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Pollakk.

Riżultat ieħor huwa kors espert għall-ħarrieġa (bl-Ingliż) fuq kif tfassal it-tagħlim imħallat u kif tuża t-teknoloġiji ta' tagħlim imħallat.

Logħob serju

Language Trap: video game adattiva għat-tagħlim tal-lingwa

Language Trap hija video game innovattiva għat-tagħlim tal-lingwi għall-istudenti Ġermaniżi tas-sena finali. Dawn jintilfu f'dinja tal-logħob interattiva li tgħaqqad perfettament it-tagħlim tal-lingwa ma' logħba motivanti. Dan il-proġett, li ngħata Tikketta Ewropea għal-Lingwi, huwa eżempju sempliċi ta' "logħob serju", adattati għat-tagħlim tal-lingwi.

Tagħlim tal-lingwa legali

Linji gwida dwar it-taħriġ lingwistiku (in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju - EJTN)

In-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) abbozza linji gwida dwar it-taħriġ lingwistiku (bl-Ingliż u bil-Franċiż) biex jgħin liċ-ċentri ta' taħriġ nazzjonali jfasslu, jippjanaw u jorganizzaw attivitajiet ta' taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi. L-għan tal-linji gwida huwa li jistudjaw u joħolqu għodod immirati lejn it-titjib tal-ħiliet fil-lingwi barranin fost l-imħallfin u l-prosekuturi fl-UE fl-oqsma li ġejjin: taħriġ lingwistiku ġenerali u legali, metodoloġiji għat-taħriġ lingwistiku u l-istudju komparattiv tas-sistemi u l-istituzzjonijiet legali permezz tat-terminoloġija legali.

Korsijiet Irlandiżi dwar il-prattika legali

Il-korsijiet Irlandiżi dwar il-prattika legali kienu mfassla u mwassla fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni tas-Soċjetà Legali tal-Irlanda permezz ta' approċċ ta' "tagħlim imħallat" li jintegra t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), it-tagħlim tal-lingwi assistit mill-kompjuter (CALL), metodi tat-tagħlim tradizzjonali u t-tagħlim abbażi tal-problemi (PBL) biex jindirizza kwistjonijiet ġenerali tal-prattika legali fuq firxa ta' korsijiet, bl-użu ta' Moodle, ambjent ta' tagħlim virtwali b'sors miftuħ (VLE). Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar il-proġett, li ngħata Tikketta Ewropea għal-Lingwi.

It-tagħlim integrat tal-kontenut u l-lingwi (CLIL)

It-tagħlim integrat tal-kontenut u l-lingwi (CLIL) jinvolvi lingwa barranija biex jiġi mgħallem suġġett li jista' jkun kompletament mhux relatat mat-tagħlim tal-lingwi, pereżempju lezzjonijiet tal-Istorja jistgħu jiġu mgħallma bl-Ingliż fi skola fi Spanja. Is-CLIL intuża u nstab li hu effettiv fis-setturi kollha tal-edukazzjoni mill-primarja sal-adulti u l-edukazzjoni superjuri. Is-suċċess tiegħu kiber matul l-aħħar 10 snin u jkompli jikber.

L-għalliema li jaħdmu bis-CLIL huma speċjalisti fil-dixxiplina tagħhom stess, aktar milli għalliema tal-lingwi tradizzjonali, u huma ġeneralment kelliema fluwenti (bilingwi jew nattivi) tal-lingwa fil-mira. F'ħafna istituzzjonijiet, l-għalliema tal-lingwi jaħdmu flimkien mal-kollegi minn dipartimenti oħra sabiex joffru s-CLIL f'bosta suġġetti. Il-punt ewlieni huwa li l-istudent jikseb tagħrif ġdid dwar is-suġġett "mira" bl-użu u t-tagħlim tal-lingwa mezz.

Taħriġ għall-ħarrieġa

Linji gwida dwar it-taħriġ tal-ħarrieġa (EJTN)

In-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) żviluppa linji gwida ġenerali dwar it-taħriġ tal-ħarrieġa. L-għan huwa li jgħin lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ nazzjonali individwali jippjanaw l-attivitajiet tat-taħriġ tagħhom għall-ġudikatura billi jipprovdi indikazzjonijiet ġenerali dwar l-għażla tal-ħarrieġa, il-kontenut u l-metodi tat-taħriġ.

Gwida għall-ħarrieġa (Konsorzju ICON-ADETEF)

Il-"Gwida għall-ħarrieġa", żviluppata fil-qafas tal-Programm Ewropew ta' Taħriġ Statistiku, tipprovdi ħarsa ġenerali tajba, bl-Ingliż, tal-passi kollha involuti fl-ippjanar ta' attività ta' taħriġ.

Parir għat-taħriġ (UNICEF u Penal Reform International)

Il-UNICEF u Penal Reform International elaboraw pariri għat-taħriġ għall-ħarrieġa, bl-Ingliż, biex jikkomplementaw il-"manwal ta' taħriġ dwar il-ġustizzja tal-minorenni" tagħhom (ara t-taqsima dwar id-drittijiet tat-tfal).

Evalwazzjoni

Il-formola ta' evalwazzjoni tat-taħriġ rakkomandata mill-EJTN

Il-Grupp ta' Ħidma tal-Programmi tal-EJTN fassal mudell bażiku għall-apprendisti biex jevalwaw is-sessjonijiet ta' taħriġ li jkunu attendew. Il-formola rarament tintuża kif inhi, billi normalment jiżdiedu l-mistoqsijiet fuq l-attività speċifika li għandha tiġi evalwata.

Il-mudell huwa disponibbli bl-Ingliż  PDF (19 Kb) EN u bil-Franċiż  PDF (20 Kb) FR u jista' jintuża bħala bażi għall-fornituri tat-taħriġ biex ifasslu formoli ta' evalwazzjoni għall-avveniment ta' taħriġ tagħhom.

Għodod

Ir-riżorsi tal-Istitut Kwalifikat tal-Persunal u l-Iżvilupp (CIPD)

Il-fornituri tat-taħriġ u l-ħarrieġa se jsibu informazzjoni utli bl-Ingliż dwar it-tagħlim u l-iżvilupp, it-tfassil u t-twettiq tat-taħriġ, l-evalwazzjoni tat-taħriġ, it-tagħlim elettroniku, eċċ. fit-taqsima tar-riżorsi tas-sit web tal-Istitut Kwalifikat tal-Persunal u l-Iżvilupp (CIPD).

Glossarju ta' terminoloġija ta' tagħlim

Il-proġett "L-Istudju dwar it-Terminoloġija Ewropea fit-Tagħlim tal-Adulti għal lingwa komuni u fehim komuni u l-monitoraġġ tas-settur", ko-finanzjat mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, wassal għall-kumpilazzjoni ta' żewġ glossarji.

Il-glossarju livell 1 huwa maħsub bħala għodda ta' referenza prattika għal dawk li jfasslu l-politika u l-amministraturi, u jgħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u pajjiżi oħra Ewropej, u partijiet konċernati jissorveljaw u janalizzaw is-settur tat-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa billi jtejbu l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data. It-termini fil-glossarju huma dawk meqjusa essenzjali għal dak il-għan, b'mod partikolari dawk li għalihom għandhom jiġu miftiehma (safejn possibbli) u mifhuma definizzjonijiet fil-livell Ewropew sabiex id-diskussjonijiet ta' politika jipproċedu mingħajr xkiel. Il-glossarju jinkludi l-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, flimkien ma' dawk tal-Islanda, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, in-Norveġja u t-Turkija.

Il-glossarju ta' livell 2 fih konsiderevolment aktar termini u huwa maħsub għall-użu minn speċjalisti. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi bħala riżorsa għall-monitoraġġ tas-settur tat-tagħlim għall-adulti. Huwa disponibbli bl-Ingliż biss.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.