Qrati speċjalizzati nazzjonali

Lettland

Din it-taqsima tipprovdik b’deskrizzjoni fil-qosor tal-qrati speċjalizzati fil-Latvja.

Innehåll inlagt av
Lettland

Qrati speċjalizzati

Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

Skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, il-Latvja għandha Qorti Kostituzzjonali, li hija istituzzjoni ġudizzjarja indipendenti li teżamina jekk il-kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha humiex konformi mal-Kostituzzjoni, u tisma' wkoll każijiet oħra assenjati lilha mil-liġi. Il-Qorti Kostituzzjonali tista' tiddikjara nulli u bla effett liġijiet u atti ġuridiċi oħra jew partijiet minnhom.

Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tisma' kawżi li jikkonċernaw:

  1. il-kostituzzjonalità tal-liġijiet;
  2. il-kostituzzjonalità ta' ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (sakemm dawk il-ftehimiet ikunu ġew approvati mis-Saeima (il-Parlament));
  3. il-konformità tal-liġijiet u r-regolamenti jew partijiet tagħhom ma' regoli ogħla tal-liġi;
  4. il-konformità mal-liġi ta' atti oħra tal-Parlament, il-Kabinett, il-President, l-Ispeaker tal-Parlament jew tal-Prim Ministru (ħlief atti amministrattivi);
  5. il-konformità mal-liġi ta' ordnijiet li bihom Ministru bl-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ikun issospenda d-deċiżjonijiet ta' kunsill lokali;
  6. il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Latvjana ma' ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li ma jkunux inkompatibbli mal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali hija ffurmata minn seba' mħallfin li jkunu ġew approvati mill-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament (mill-inqas 51 vot). Tliet imħallfin huma approvati fuq proposta ta' mill-inqas għaxar Membri Parlamentari, tnejn fuq proposta tal-Kabinett, u tnejn oħra fuq proposta matul seduta tal-Qorti Suprema sħiħa. Il-kandidati proposti mill-Qorti Suprema jintgħażlu minn fost l-imħallfin ġewwa l-Latvja.

Il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tiftaħ proċedimenti ex officio; hija tisma' biss kawżi fuq rikors minn persuni awtorizzati mil-liġi. Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, rikors promotur għal proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jista' jiġi ppreżentat minn:

  • il-President tal-Latvja;
  • is-Saeima;
  • tal-inqas għoxrin Membru Parlamentari;
  • il-Kabinett;
  • il-Prosekutur Ġenerali;
  • il-Kunsill tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat;
  • kunsill lokali;
  • l-Ombudsman, jekk l-istituzzjoni jew l-uffiċjal li ppreżenta l-att kontestat ma jkunx ikkoreġa n-nuqqasijiet identifikati fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-Ombudsman;
  • qorti li tisma' kawża ċivili, kriminali jew amministrattiva;
  • imħallef f'uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet meta tiġi reġistrata propjetà immobbli u drittijiet relatati fir-reġistru tal-artijiet;
  • kull persuna fiżika jew ġuridika, jekk tkun seħħet vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Kostituzzjoni;
  • il-Kunsill Ġudizzjarju (Tieslietu padome), fi ħdan l-iskop stabbilit mil-liġi.

Il-kawżi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet, ir-regolamenti tal-Kabinett u atti tal-Kabinett oħra, il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Latvjana mal-ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li mhumiex kompatibbli mal-Kostituzzjoni, u l-kostituzzjonalità ta' ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (sakemm dawk il-ftehimiet ikunu approvati mis-Saeima) u l-liġijiet jew ir-regolamenti jew partijiet minnhom jiġu meqjusa mill-Qorti Kostituzzjonali f'seduta bil-membri kollha. Kawżi oħra jiġu eżaminati minn bord kompost minn tliet imħallfin, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor.

Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija finali u tidħol fis-seħħ dakinhar li tingħata mill-Qorti Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u l-interpretazzjoni li jkun fiha ta' dispożizzjoni kontestata hija vinkolanti fuq il-korpi kollha tal-Gvern ċentrali u lokali (inkluż il-qrati) u l-uffiċjali, u fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Dispożizzjoni li l-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara inkompatibbli ma regola ogħla tal-liġi hija meqjusa nulla mid-data li fiha tiġi ppubblikata s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tkun iddikjarat illi ftehim internazzjonali li ġie ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett irid jieħu passi immedjatament sabiex jemenda, jiċħad, jissospendi jew jirtira ruħu minn dak il-ftehim.

Bażijiet tad-dejta legali

Isem u URL tal-bażi tad-dejta

Kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (funzjoni ta' tfittxija)

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa minghajr ħlas.

Il-kontenut tal-bażi tad-dejta fil-qosor

Il-bażi tad-dejta fiha s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja.

Informazzjoni addizzjonali

Il-faċilità ta’ tfittxija tal-bażi tad-dejta u s-sentenzi huma disponibbli bil-Latvjan u bl-Ingliż.

Ħoloq

Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

L-aħħar aġġornament: 09/08/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Använd formuläret nedan för att skicka in dina synpunkter på vår nya webbplats