Qrati speċjalizzati nazzjonali

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

L-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali li hija l-bażi għall-organizzazzjoni u l-operat tal-qrati tal-pajjiż.

Fis-sistema legali Spanjola, il-ġuriżdizzjoni ordinarja hija maqsuma f’erba’ oqsma tad-dritt: ċivili, kriminali, amministrattiva u soċjali kuntenzjuża jew industrijali.

Minbarra l-erba’ oqsma tad-dritt tal-ġuriżdizzjoni ordinarja, l-ordinament ġuridiku Spanjol jirrikonoxxi l-ġuriżdizzjoni militari, li hija parti integrali mis-Sistema Ġudizzjarja tal-Istat (Poder Judicial del Estado) u hija vestita esklussivament fil-qrati militari stabbiliti mil-liġi.

Il-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni bejn il-qrati ta’ kwalunkwe qasam tad-dritt tal-ġuriżdizzjoni ordinarja u l-qrati militari jiġu riżolti minn awla speċjali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo) — l-Awla tal-Kunflitti tal-Ġuriżdizzjoni (Sala de Conflictos de Jurisdicción) — li tinkludi l-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema, żewġ maġistrati mill-awla tal-Qorti Suprema għall-qasam tad-dritt fejn iseħħ il-konflitt u żewġ maġistrati mill-Awla għall-Kwistjonijiet Militari (Sala de lo Militar). Dawn jinħatru mill-Plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial).

Fl-oqsma tad-dritt tal-ġuriżdizzjoni ordinarja, xi qrati jistgħu jispeċjalizzaw f’suġġett partikolari. Xi eżempji huma l-qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa, il-qrati kummerċjali, il-qrati ta' viġilanza penitenzjarja, u l-qrati tal-minorenni.

Il-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (Ley Orgánica del Poder Judicial — LOPJ) tipprevedi l-eżistenza tal-qrati speċjalizzati li ġejjin:

IL-QRATI KUMMERĊJALI

Il-Qrati Kummerċjali (Juzgados de lo Mercantil), li ilhom joperaw mill-1 ta’ Settembru 2004, huma qrati speċjalizzati. Huma jagħmlu parti mis-sistema ġuriżdizzjonali ċivili.

ĠURIŻDIZZJONI TERRITORJALI

B’mod ġenerali, kull provinċja għandha mill-inqas qorti kummerċjali waħda — ibbażata fil-belt kapitali provinċjali — b’ġuriżdizzjoni fil-provinċja kollha.

Il-qrati kummerċjali jistgħu wkoll jiġu stabbiliti fi bliet oħrajn li ma jkunux il-belt kapitali provinċjali fejn id-daqs tal-popolazzjoni, l-eżistenza ta’ ċentri industrijali jew kummerċjali jew l-attività ekonomika jiġġustifikawhom. Il-firxa tal-ġuriżdizzjoni ta’ dawn il-qrati tiġi stabbilita skont ir-rekwiżiti ta’ kull każ partikolari.

Il-qrati kummerċjali jistgħu jiġu stabbiliti b’ġuriżdizzjoni li testendi għal żewġ provinċji jew aktar fl-istess komunità awtonoma.

KOMPETENZI

Il-qrati kummerċjali jisimgħu kawżi b’rabta mal-insolvenza, skont it-termini speċifikati fil-liġi regolatorja tagħhom.

Il-qrati kummerċjali jisimgħu wkoll kwistjonijiet li jaqgħu fis-sistema ġuriżdizzjonali ċivili, inklużi talbiet fejn jiġu eżerċitati drittijiet ta’ azzjoni relatati ma’ kompetizzjoni inġusta, ma’ proprjetà industrijali, ma’ proprjetà intellettwali u ma’ reklamar, kif ukoll dawk l-azzjonijiet kollha li, f’din is-sistema ġuriżdizzjonali, jiġu ppreżentati skont ir-regolamenti li jirregolaw il-kumpaniji kummerċjali u l-kooperattivi.

Il-qrati kummerċjali għandhom ġuriżdizzjoni biex jirrikonoxxu u jeżegwixxu sentenzi barranin u deċiżjonijiet legali u ta’ arbitraġġ oħrajn meta dawn ikunu relatati ma’ kwistjonijiet koperti mill-ġuriżdizzjoni tagħhom, sakemm ma jkunux suppost jinstemgħu minn qorti oħra skont trattati internazzjonali u regoli oħrajn.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli previsti mil-liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza mill-qrati kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk mogħtija f’kawżi ta’ insolvenza li jsolvu kwistjonijiet industrijali, li fihom waħda jew aktar mit-Taqsimiet tagħhom tkun trid tkun speċjalizzata, skont id-dispożizzjonijiet tal-LOPJ.

L-LOPJ jipprevedi li jistgħu jiġu ppreżentati iktar appelli fil-każijiet li jsemmi.

IL-QRATI TAT-TRADE MARKS KOMUNITARJI

Il-Qrati tat-Trademarks Komunitarji (Juzgados de Marca Comunitaria) huma l-Qrati Kummerċjali ta’ Alicante peress li jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom li jisimgħu esklussivament u fl-ewwel istanza dawk il-kawżi kollha li jiġu ppreżentati fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji.

Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġuriżdizzjoni, il-ġuriżdizzjoni ta’ dawn il-qrati testendi għat-territorju nazzjonali ta’ Spanja kollu u għal dawn l-iskopijiet biss jissejħu Qrati tat-Trade Marks Komunitarji.

Huma jagħmlu parti mis-sistema ġuriżdizzjonali ċivili.

Barra minn hekk, it-Taqsima Speċjalizzata jew it-Taqsimiet Speċjalizzati tal-Qorti Provinċjali ta’ Alicante jisimgħu wkoll, esklussivament u fit-tieni istanza, dawk l-appelli kollha msemmija fl-Artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji. Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġuriżdizzjoni, il-ġuriżdizzjoni ta’ dawn il-qrati testendi għat-territorju nazzjonali ta’ Spanja kollu u għal dawn l-iskopijiet biss jissejħu Qrati tat-Trade Marks Komunitarji.

IL-QRATI TA' VIĠILANZA PENITENZJARJA

Il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja (Juzgados de Vigilancia Penitenciaria) iwettqu l-funzjonijiet ġuriżdizzjonali stabbiliti fil-Liġi Penitenzjarja Ġenerali (Ley General Penitenciaria) fil-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja u miżuri ta’ sigurtà, bl-eżerċizzju ta’ kontroll ġuriżdizzjonali fuq is-setgħa dixxiplinarja tal-awtoritajiet penitenzjarji, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-benefiċċji tad-detenuti fil-ħabsijiet u fi kwistjonijiet oħrajn kif speċifikat mil-liġi. Huma jagħmlu parti mis-sistema ġuriżdizzjonali kriminali.

ĠURIŻDIZZJONI TERRITORJALI

Fis-sistema ġuriżdizzjonali kriminali, kull provinċja għandha Qorti ta' Viġilanza Penitenzjarja waħda jew iktar.

Il-belt ta’ Madrid għandha Qorti ta' Viġilanza Penitenzjarja Ċentrali waħda jew aktar bil-ġuriżdizzjoni għal Spanja kollha.

KOMPETENZI

Il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja jwettqu l-funzjonijiet ġuriżdizzjonali stabbiliti fil-Liġi Penitenzjarja Ġenerali fil-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja u miżuri ta’ sigurtà, bl-eżerċizzju ta’ kontroll ġuriżdizzjonali fuq is-setgħa dixxiplinarja tal-awtoritajiet penitenzjarji, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-benefiċċji tad-detenuti fil-ħabsijiet u fi kwistjonijiet oħrajn kif speċifikat mil-liġi.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli previsti mil-liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja.

L-LOPJ jipprevedi li jistgħu jiġu ppreżentati iktar appelli fil-każijiet li jsemmi.

Il-Qrati tal-Minorenni

ĠURIŻDIZZJONI TERRITORJALI

Kull provinċja għandha mill-inqas Qorti tal-Minorenni waħda (Juzgado de Menores) — ibbażata fil-belt kapitali provinċjali — b’ġuriżdizzjoni fil-provinċja kollha.

Il-belt ta’ Madrid għandha Qorti tal-Minorenni Ċentrali b’ġuriżdizzjoni għal Spanja kollha li tisma’ dawk il-każijiet li ġew allokati lilha bil-leġiżlazzjoni li tirregola r-responsabbiltà kriminali tal-minorenni.

KOMPETENZI

Il-qrati tal-minorenni huma kompetenti li jisimgħu kawżi li jinvolvu reati allegati mwettqa minn persuni li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena.

L-imħallfin fil-Qrati tal-Minorenni jwettqu l-funzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet relatati ma’ minorenni li jkunu wettqu azzjonijiet ikklassifikati bħala delitti, kif ukoll iwettqu dawk il-funzjonijiet li, fir-rigward tal-minorenni, jiġu allokati lilhom bil-liġi.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli previsti mil-liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati tal-Minorenni provinċjali.

L-LOPJ jipprevedi li jistgħu jiġu ppreżentati iktar appelli fil-każijiet li jsemmi.

IL-QRATI LI JITTRATTAW IL-VJOLENZA KONTRA N-NISA

ĠURIŻDIZZJONI TERRITORJALI

Kull distrett għandu tal-inqas Qorti waħda li Tittratta l-Vjolenza kontra n-Nisa (Juzgado de Violencia sobre la Mujer) — ibbażata fil-belt kapitali distrettwali — b’ġuriżdizzjoni fuq il-provinċja kollha. Huma jieħdu isimhom mill-muniċipalità fejn ikunu bbażati.

Il-Gvern, wara proposta tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura u, meta jkun applikabbli, soġġett għal rapport mill-gvern tal-komunità awtonoma fil-każijiet fejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tkun ġiet devoluta lil dik il-komunità awtonoma, permezz ta’ Digriet Irjali jista’ jestendi l-ġuriżdizzjoni ta’ Qrati speċifiċi li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa għal żewġ distretti jew aktar fl-istess provinċja.

Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura jista’ jaqbel, soġġett għal rapport mill-Awli tal-Gvern (Salas de Gobierno), li f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet fejn ikun meħtieġ u skont l-għadd ta’ kawżi pendenti, kawżi ttrattati minn dawn il-Qrati jistgħu jinstemgħu minn Qorti tal-Ewwel Istanza u tal-Investigazzjonijiet Preliminari (Juzgado de Primera Instancia e Instrucción) jew Qorti Kriminali Lokali (Juzgado de Instrucción), kif ikun applikabbli.

F’distretti fejn ikun hemm biss Qorti tal-Ewwel Istanza u tal-Investigazzjonijiet Preliminari, il-qorti li tisma’ kawżi koperti mill-ġuriżdizzjoni tal-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza fuq in-Nisa tkun hi.

Huma jagħmlu parti mis-sistema ġuriżdizzjonali kriminali.

KOMPETENZI

Fis-sistema kriminali u f’konformità f’kull każ mal-proċeduri u l-appelli previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (Ley de Enjuiciamiento Criminal), il-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, fost l-oħrajn, jisimgħu l-materji li ġejjin:

  • Investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ responsabilità penali li jirriżultaw mir-reati elenkati fit-titoli tal-Kodiċi Kriminali (Código Penal) relatati mal-omiċidji, l-abort, l-offiża fuq il-persuna, l-offiża fuq il-persuna tal-fetu, iċ-ċaħda tal-libertà, reati kontra l-integrità morali, kontra l-libertà sesswali, kontra d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tal-immaġni u r-reputazzjoni personali jew kwalunkwe reat ieħor imwettaq bi vjolenza jew intimidazzjoni, meta dawn ir-reati jkunu twettqu kontra mart l-aggressur jew dik li kienet martu qabel, jew mara li qiegħda jew kienet f’relazzjoni sentimentali komparabbli mal-aggressur, kemm jekk tgħix miegħu u kemm jekk le, kif ukoll dawk imwettqa kontra d-dixxendenti tal-aggressur, ta’ martu jew tas-sieħba konviventi tiegħu, jew kontra minorenni jew persuni b’diżabilità rikonoxxuti legalment li jgħixu mal-aggressur jew taħt l-awtorità de facto, il-protezzjoni, it-tutela, il-kura jew il-kustodja tal-mara jew tas-sieħba konviventi, inkluż meta jkun seħħ att ta’ vjolenza sessista.
  • Investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali li jirriżultaw minn kwalunkwe reat kontra d-drittijiet u d-dmirijiet tal-familja, meta l-vittma tkun kwalunkwe waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti.
  • Il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni korrispondenti lill-vittmi, mingħajr preġudizzju għall-awtorità ta’ l-Imħallef tal-Għassa (Juez de Guardia).
  • Is-smigħ u t-teħid ta’ deċiżjoni dwar ir-reati minuri li għandhom il-ġuriżdizzjoni fuqhom skont il-liġi, meta l-vittma tkun waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu ta’ iktar ’il fuq.
  • Il-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku relatati ma’ deċiżjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea li jkollhom ġuriżdizzjoni fuqhom.
  • Investigazzjoni ta’ allegazzjonijiet għal responsabbiltà kriminali li jirriżultaw minn infrazzjoni prevista u kkastigata skont l-Artikolu 468 tal-Kodiċi Kriminali meta l-vittma tar-reat li l-piena, il-miżura ta’ prekawzjoni jew il-miżura ta’ sigurtà marbuta magħha tkun ġiet infrazzjonata tkun mart l-aggressur jew dik li kienet martu qabel, jew mara li qiegħda jew kienet f’relazzjoni sentimentali komparabbli mal-aggressur, kemm jekk tgħix miegħu u kemm jekk le, kif ukoll dak imwettaq kontra d-dixxendenti tal-aggressur, ta’ martu jew tas-sieħba konviventi tiegħu, jew kontra minorenni jew persuni b’diżabilità rikonoxxuti legalment li jgħixu mal-aggressur jew taħt l-awtorità, il-protezzjoni, it-tutela jew il-kura tal-mara jew tas-sieħba konviventi.

Fis-sistema ċivili u f’konformità f’kull każ mal-proċeduri u l-appelli previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), il-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, fost l-oħrajn, jisimgħu l-materji li ġejjin:

  • Dawk relatati mal-filjazzjoni, il-maternità u l-paternità.
  • Dawk relatati mal-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni u d-divorzju.
  • Dawk relatati mar-relazzjonijiet bejn il-missier u wliedu.
  • Dawk maħsuba biex jadottaw jew jimmodifikaw miżuri relatati ma’ kwistjonijiet tal-familja.
  • Dawk relatati esklużivament mal-kustodja tat-tfal jew ma’ ħlasijiet ta’ manteniment mitluba minn proġenitur wieħed kontra l-ieħor f’isem it-tfal.
  • Dawk relatati mal-ħtieġa għall-approvazzjoni tal-adozzjoni.
  • Dawk maħsuba biex jikkontestaw deċiżjonijiet amministrattivi dwar il-protezzjoni tal-minuri.

Fis-sistema ċivili, il-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa għandhom ġuriżdizzjoni esklussiva u eskludenti meta l-kundizzjonijiet li ġejjin jikkoinċidu:

  • Fil-każ ta’ proċedimenti ċivili relatati ma’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet speċifikati fil-paragrafu preċedenti.
  • Meta waħda mill-partijiet fil-proċedimenti ċivili tkun il-vittma ta’ atti ta’ vjolenza sessista.
  • Meta waħda mill-partijiet fil-proċedimenti ċivili tkun akkużata li tkun l-awtur, l-istigatur jew kompliċi neċessarju biex jitwettqu atti ta’ vjolenza sessista.
  • Meta jkunu ttieħdu passi kriminali quddiem il-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa fir-rigward ta’ delitti jew kontravvenzjonijiet li jirriżultaw minn att ta’ vjolenza kontra n-nisa, jew tkun inħarġet ordni ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ vittma ta’ vjolenza sessista.

Meta l-imħallef isostni li l-azzjonijiet li l-qorti ġiet infurmata bihom ma jikkostitwux inkontestabbilment espressjoni ta’ vjolenza sessista, l-imħallef jista’ jiċħad it-talba, billi jirrinvijaha lill-qorti rilevanti.

F’dawn il-każijiet kollha mhix permessa l-medjazzjoni.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli previsti mil-liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati provinċjali li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa.

L-LOPJ jipprevedi li jistgħu jiġu ppreżentati iktar appelli fil-każijiet li jsemmi.

QRATI SPEĊJALIZZATI MAĦLUQA B’RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA

Fi Spanja, u mingħajr ma jiġi affettwat il-prinċipju ta’ unità ġuriżdizzjonali sa fejn dawn jiffurmaw parti mill-ħames sistemi ġuriżdizzjonali, il-qrati speċjalizzati jistgħu jiġu stabbiliti bil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, bħalma huwa l-każ tal-Qrati Kummerċjali, il-Qrati tal-Minorenni u l-Qrati li Jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, iżda mhux biss. Huma jistgħu jiġu stabbiliti wkoll mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura skont l-Artikolu 98 tal-istess liġi, bħal fil-każ tal-Qrati tal-Familja (Juzgados de Familia), il-Qrati tal-Eżekuzzjoni Ipotekarja (Juzgados de Ejecución Hipotecaria) u l-Qrati tal-Eżekuzzjoni (Juzgados de Ejecutorias).

Qrati speċjalizzati oħrajn

L-Artikolu 117 tat-Titolu VI dwar il-ġudikatura, tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali li hija l-bażi għall-organizzazzjoni u l-operat tal-qrati tal-pajjiż.

Dan il-prinċipju huwa rifless fl-eżistenza ta’ ġuriżdizzjoni unika magħmula minn korp wieħed ta’ mħallfin u maġistrati li jikkostitwixxu l-ġuriżdizzjoni ordinarja.

Il-Kostituzzjoni Spanjola tistabbilixxi li l-ġustizzja ġejja mill-poplu u hija amministrata f’isem ir-Re mill-imħallfin u l-maġistrati membri tal-ġudikatura li għandhom ikunu indipendenti, għandu jkollhom garanzija li jżommu l-kariga tagħhom, għandhom ikunu responsabbli għall-atti tagħhom u soġġetti biss għall-istat tad-dritt.

L-imħallfin u l-maġistrati jistgħu jitkeċċew, jiġu sospiżi, jiġu ttrasferiti jew jiġu rtirati biss għar-raġunijiet previsti mil-liġi u soġġetti għas-salvagwardji tagħha.

L-eżerċizzju ta’ awtorità ġudizzjarja f’kull tip ta’ proċess, kemm fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi, hija vestita esklussivament fil-qrati stabbiliti mil-liġi, skont ir-regoli tal-kompetenza u l-proċedura li stabbiliti minnhom.

Il-qrati ma għandhom jeżerċitaw l-ebda setgħa oħra għajr dawk indikati fis-subartikolu preċedenti u dawk li huma espressament allokati lilhom mil-liġi bħala garanzija ta’ kull dritt.

Barra l-ġudikatura, il-Kostituzzjoni nnifisha tipprevedi, taħt Titoli differenti, l-eżistenza ta’ żewġ qrati kostituzzjonali. Dawn igawdu indipendenza u imparzjalità sħaħ u huma suġġetti biss għall-istat tad-dritt.

Dawn huma l-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional) u l-Qorti tal-Awdituri (Tribunal de Cuentas).

IL-QORTI KOSTITUZZJONALI

Il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola mhijiex parti mill-ġudikatura.

Hija l-interpretu suprem tal-Kostituzzjoni, indipendenti mill-korpi kostituzzjonali l-oħrajn u hija soġġetta biss għall-Kostituzzjoni u l-Liġi Organika korrispondenti.

Hija unika fil-ġurisdizzjoni tagħha, li testendi għat-territorju Spanjol kollu.

KOMPOŻIZZJONI

Hija magħmula minn tnax-il maġistrat maħtura mir-Re. Erbgħa minn dawk il-maġistrati jiġu proposti mill-Kungress tad-Deputati (Congreso de los Diputados), li jeħtieġu maġġoranza ta’ tliet kwinti tal-membri tagħha; erbgħa jiġu proposti mis-Senat (Senado), u jeħtieġu l-istess maġġoranza; tnejn jiġu proposti mill-Gvern u tnejn jiġu proposti mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura. Il-maġistrati maħtura jeleġġu Prim Imħallef u Viċi Prim Imħallef minn fosthom.

KOMPETENZI

Il-Qorti Kostituzzjonali tisma’ l-kawżi fil-każijiet u fil-forma stabbiliti mil-liġi, inklużi:

  • Appelli fuq kwistjonijiet ta’ antikostituzzjonalità kontra liġijiet, dispożizzjonijiet regolatorji jew atti bis-saħħa tal-liġi.
  • Appelli relatati mal-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili kif elenkati fl-Artikolu 53(2) tal-Kostituzzjoni.
  • Kunflitti kostituzzjonali ta’ ġuriżdizzjoni bejn l-Istat u l-komunitajiet awtonomi jew bejn il-komunitajiet awtonomi.
  • Kunflitti bejn il-korpi kostituzzjonali tal-Istat.
  • Dikjarazzjonijiet dwar il-kostituzzjonalità ta’ trattati internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni, ara: Il-Qorti Kostituzzjonali

IL-QORTI TAL-AWDITURI

Il-Qorti tal-Awdituri hija l-korp ta’ awditjar suprema għall-kontijiet u l-ġestjoni ekonomika tal-Istat u tas-settur pubbliku.

Bla ħsara għall-ġuriżdizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tifforma parti mil-Leġiżlatura u tirrapporta direttament lill-Parlament Spanjol (Cortes Generales).

KOMPOŻIZZJONI

Hija magħmula minn tnax-il membru, magħrufa bħala Awdituri (Consejeros de Cuentas), li sitta minnhom jinħatru mill-Kungress tad-Deputati u sitta mis-Senat. Huma jgawdu l-istess indipendenza u garanzija li jżommu l-kariga tagħhom, u huma soġġetti għall-istess regoli dwar l-inkompatibbiltà tal-uffiċċju, bħall-imħallfin.

FUNZJONIJIET

Il-Qorti tal-Awdituri hija assenjata żewġ funzjonijiet:

  • Il-funzjoni ta’ awditjar, li hija kkaratterizzata mill-fatt li hija esterna, permanenti u konsumattiva, tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk l-attività ekonomika u finanzjarja tas-settur pubbliku tikkonformax mal-prinċipji ta’ legalità, ta’ effiċjenza u ta’ ekonomija.
  • Il-funzjoni ġuriżdizzjonali hija dik tas-smigħ ta’ kawżi ta’ responsabbiltà fiskali kontra persuni inkarigati minn beni, introjti jew effetti pubbliċi, u hija maħsuba biex tikkumpensa l-fondi pubbliċi li jkunu sofrew danni minħabba miżapproprjazzjoni, ġustifikazzjoni inkorretta, mhux kompluta jew nulla jew għal raġunijiet jew azzjonijiet oħrajn.

Għal aktar informazzjoni, ara: Il-Qorti tal-Awdituri.

IL-QRATI TAL-KONSWETUDNI

L-Artikolu 125 tal-Kostituzzjoni jirrikonoxxi dawn il-qrati bħala wieħed mill-mezzi ta’ parteċipazzjoni pubblika fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

L-Artikolu 19 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura jirrikonoxxi bħala qrati tal-konswetudni (tribunales consuetudinarios) it-Tribunal tal-Ilmijiet tal-Pjanura ta’ Valenzja (Tribunal de las Aguas de la Vega Valencia) u l-Kunsill tal-Għorrief ta’ Murcia (Consejo de Hombres Buenos de Murcia). It-tnejn li huma huma istituzzjonijiet tad-dritt konswetudinarju li jittrattaw kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-ilma.

Mill-2009 ’l hawn, dawn iż-żewġ qrati Spanjoli tal-konswetudni ġew inklużi fil-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità u jikkostitwixxu prova ħajja tal-kapaċità tal-gruppi umani biex jistabbilixxu demokratikament istituzzjonijiet kumplessi b’bażi soċjali.

IT-TRIBUNAL TAL-ILMIJIET TAL-PJANURA TA’ VALENZJA

Din hija l-eqdem istituzzjoni ġudizzjarja fl-Ewropa.

Hija taġixxi fit-territorju ta’ Valenzja.

Hija magħmula minn tmien membri eletti demokratikament mill-bdiewa tal-Huerta Valenciana (reġjun fertili ta’ Valenzja). L-oqsma ta’ ġuriżdizzjoni tagħha huma d-distribuzzjoni ekwa tal-ilma bejn id-diversi sidien tal-art, ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinqala’ bejn il-bdiewa u l-impożizzjoni ta’ pieni għall-ksur tar-Regolamenti tal-Irrigazzjoni.

IL-KUNSILL TAL-GĦORRIEF TA’ MURCIA

Il-Kunsill tal-Għorrief ta’ Murcia jmur lura għaż-żminijiet medjevali. Mill-1849 dan ġie istituzzjonalizzat u rregolat bħala l-qorti suprema tal-ġustizzja għall-Huerta de Murcia (reġjun fertili ta’ Murcia). Il-Kunsill jikkonsisti minn president, segretarju u ħames membri.

Il-Kunsill tal-Għorrief ta’ Murcia jorganizza s-seduti tiegħu pubblikament kull nhar ta’ Ħamis fl-awli tal-awtorità lokali u jsolvi kull każ f’dik is-sessjoni ta’ dik il-ġurnata jew sa mhux aktar tard mis-smigħ li jsegwi. Id-deċiżjonijiet jinħarġu direttament u fuq bażi ta’ votazzjoni b’maġġoranza, għalkemm fil-każ ta’ parità, il-President ikollu l-vot deċiżiv. Il-pieni li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Għorrief ta’ Murcia huma esklussivament ta’ natura monetarja. Id-deċiżjonijiet mogħtija minn din il-qorti huma finali, sodi u eżekutorji.

Għal aktar informazzjoni, ara: Il-Kunsill tal-Għorrief.

Ħoloq relatati

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA SPANJOL

IL-QORTI KOSTITUZZJONALI SPANJOLA

IL-QORTI TAL-AWDITURI SPANJOLA

IL-QRATI TAL-KONSWETUDNI SPANJOLI

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.