Qrati speċjalizzati nazzjonali

Portugall

Din il-paġna tagħti informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati fil-Portugall.

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Il-Qrati tal-ewwel istanza (Tribunais judiciais de 1.ª instância)

Il-qrati tal-ewwel istanza huma, bħala regola, il-qrati distrettwali (tribunais de comarca). Huma responsabbli li jisimgħu kawżi fil-kwistjonijiet kollha li ma jkunux koperti mill-ġuriżdizzjoni ta’ qrati oħra. Il-qrati distrettwali għandhom kemm kompetenza ġenerali kif ukoll kompetenza speċjalizzata.

Il-qrati distrettwali huma maqsuma f’awli ta’ kompetenza speċjalizzata jew ġenerali, kif ukoll f’awli lokali. L-awli huma msemmija skont il-kompetenza tagħhom u skont l-isem tal-muniċipalità li jinsabu fiha.

Jistgħu jinħolqu l-awli ta’ kompetenza speċjalizzata li ġejjin:

  1. Ċentrali ċivili (Central cível);
  2. Lokali ċivili (Local cível);
  3. Ċentrali kriminali (Central criminal);
  4. Lokali kriminali (Local criminal);
  5. Lokali kriminalità inqas gravi (Local de pequena criminalidade);
  6. Kumpilazzjoni (Instrução criminal);
  7. Il-familja u l-minuri (Família e menores);
  8. Industrijali (Trabalho);
  9. Kummerċjali (Comércio);
  10. Eżekuzzjoni (Execução).

Il-qrati speċjalizzati li ġejjin għandhom kompetenza territorjali usa’:

  1. Il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali (Tribunal da propriedade intelectual);
  2. Il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni (Tribunal da concorrência, regulação e supervisão);
  3. Il-Qorti Marittima (Tribunal Marítimo);
  4. Il-Qorti tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni (Tribunal de execução das penas);
  5. Il-Qorti Ċentrali tal-Kumpilazzjoni (tribunal central de instrução criminal).

Awli b'kompetenza speċifika

Minn dawn l-awli, dawn li ġejjin huma partikolarment rilevanti:

Ċentrali ċivili

Dawn l-awli huma kompetenti biex:

  • jisimgħu kawżi għal sentenzi dikjaratorji ċivili skont il-proċedura komuni għall-valuri ogħla minn EUR 50,000.00;
  • bħala parti mill-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ċivili għal valuri ogħla minn EUR 50,000.00, iwettqu d-dmirijiet previsti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili relatati maż-żoni ġeografiċi li m’hemmx awli jew qrati kompetenti għalihom;
  • jisimgħu proċeduri interim urġenti dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom;
  • iwettqu r-responsabbiltajiet l-oħrajn attribwiti lilhom bil-liġi.
  • Awli tal-familja u l-minuri

F’materji li għandhom x’jaqsmu mal-istat ċivili tal-persuni u l-familja, dawn l-awli jisimgħu:

  1. proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja bejn il-miżżewġin;
  2. proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja f’sitwazzjonijiet ta’ koabitazzjoni barra miż-żwieġ jew relatati ma’ persuni li jgħixu flimkien bħala unità domestika komuni;
  3. kawżi relatati mas-separazzjoni ta’ persuni u proprjetà, u mad-divorzju;
  4. kawżi li jiddikjaraw in-nullità jew l-annullament ta’ żwieġ ċivili;
  5. kawżi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 1647 u tal-Artikolu 1648(2) tal-Kodiċi Ċivili, approvati mid-Digriet Amministrattiv Nru 47344, tal-25 ta’ Novembru 1966;
  6. kawżi għall-ħlasijiet ta’ manteniment u għall-eżekuzzjoni tagħhom bejn miżżewġin u bejn eksmiżżewġin;
  7. kawżi oħrajn relatati mal-istat ċivili tal-persuni u l-familja.

Flimkien ma’ setgħat f’dan il-qasam, dawn l-awli jeżerċitaw ukoll setgħat li l-liġi tattribwixxi lill-qrati relatati mal-proċeduri tal-inventarju li jirriżultaw mis-separazzjoni ta’ persuni u proprjetà, mid-divorzju, jew mid-dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament ta’ żwieġ ċivili, kif ukoll relatati ma’ każijiet speċjali ta’ separazzjoni ta’ proprjetà koperti mil-liġijiet xierqa.

Fil-qasam tal-minuri u l-ulied maġġorenni, l-awli huma kompetenti biex:

  1. jistabbilixxu t-tutela u l-amministrazzjoni tal-beni;
  2. jaħtru persuna biex twettaq tranżazzjonijiet ġuridiċi f’isem il-minuri kif ukoll biex taħtar tutur ġenerali li jirrappreżenta, barra mill-qorti, il-minuri li suġġett tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
  3. japprovaw l-adozzjonijiet;
  4. jirregolaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri u jisimgħu kwistjonijiet relatati magħha;
  5. jistabbilixxu l-ħlasijiet tal-manteniment dovuti lill-minuri u lill-ulied maġġorenni jew emanċipati msemmija fl-Artikolu 1880 tal-Kodiċi Ċivili, approvati mid-Digriet Amministrattiv Nru 47344, tal-25 ta’ Novembru 1966, u li jisimgħu l-kawżi għall-eżekuzzjoni ta’ ħlasijiet ta’ manteniment;
  6. tordna l-pjazzament ġudizzjarju tal-minuri waqt li jkun qed jistenna l-adozzjoni;
  7. jiddekretaw il-miżura ta’ promozzjoni u protezzjoni tal-pjazzament mal-persuna magħżula għall-adozzjoni, jew ma’ istituzzjoni bil-ħsieb ta’ adozzjoni fil-futur;
  8. jistabbilixxu relazzjoni ta’ kustodja ċivili (apadrinhamento civil) jew jirrevokawha;
  9. jawtorizzaw lir-rappreżentant legali tal-minuri jwettaq ċerti atti, jivvalida atti li diġà twettqu mingħajr awtorizzazzjoni u jagħmel arranġamenti relatati mal-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet;
  10. jieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħlas tal-garanzija finanzjarja li jridu jagħtu l-ġenituri favur it-tfal minuri tagħhom;
  11. jistabbilixxu l-projbizzjoni totali jew parzjali tal-eżerċizzju tar-responsabbilità tal-ġenituri, u jistabbilixxu l-limiti għalih kif previst fl-Artikolu 1920 tal-Kodiċi Ċivili, approvat mid-Digriet Amministrattiv Nru 47344, tal-25 ta’ Novembru 1966;
  12. iwettqu d-determinazzjoni uffiċjali tal-maternità u l-paternità, u jisimgħu l-kontestazzjonijiet u l-investigazzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet ta’ maternità u paternità;
  13. jiddeċiedu, meta l-ġenituri ma jaqblux, dwar l-isem u l-kunjom tal-minuri.

Minbarra l-kompetenzi f’dan il-qasam, l-awli huma responsabbli wkoll biex:

  1. meta jkun hemm tutela jew l-amministrazzjoni tal-beni, jiddeterminaw ir-rimunerazzjoni tat-tutur jew l-amministratur; jisimgħu u jiddeterminaw ir-rilaxx, ir-riżenja jew it-tneħħija tat-tutur, l-amministratur jew il-membru tal-kunsill tal-familja; jitolbu u jevalwaw il-kontijiet, jawtorizzaw is-sostituzzjoni tal-ipoteka legali u jiddeterminaw ir-rinforz u s-sostituzzjoni tal-garanzija pprovduta; u jaħtru tutur speċjali biex jirrappreżenta lill-minuri barra l-qorti;
  2. jaħtru tutur speċjali li jirrappreżenta l-minuri fil-proċedimenti kollha tat-tutela;
  3. jibdlu, jirrevokaw u jirrevedu l-adozzjoni; jitolbu u jevalwaw il-kontijiet tal-adottant u jistipulaw l-ammont ta’ flus mid-dħul li jrid jintefaq fuq il-manteniment tal-persuna adottata;
  4. jiddeċiedu dwar iż-żieda u s-sostituzzjoni tal-garanzija mogħtija favur tfal minuri;
  5. jitolbu u jevalwaw il-kontijiet li jridu jipprovdu l-ġenituri;
  6. jiddeċiedu dwar kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-proċeduri msemmija fil-paragrafi preċedenti [a) sa m)].

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ tutela edukattiva u ta’ protezzjoni, il-qrati huma responsabbli biex:

  • jisimgħu proċedimenti dwar il-promozzjonijiet u l-protezzjoni;
  • japplikaw miżuri ta’ promozzjoni u protezzjoni u jimmonitorizzaw l-implimentazzjoni tagħhom meta jkun meħtieġ, kull meta minuri jew żagħżugħ ikun f’sitwazzjoni ta’ riskju u meta ma jkunx applikabbli l-intervent mill-kumitat ta’ protezzjoni;
  • iwettqu l-atti ġuriżdizzjonali meħtieġa għall-investigazzjoni ta’ tutela edukattiva;
  • jevalwaw il-fatti li jikkwalifikaw bħala reati skont il-liġi, imwettqa minn minuri bejn l-etajiet ta’ 12 u 16-il sena, bl-għan li jiġu applikati miżuri ta’ tutela;
  • jimplimentaw u jirrevedu miżuri ta’ tutela;
  • jiddikjaraw it-terminazzjoni jew it-tneħħija ta’ miżuri ta’ tutela;
  • jisimgħu appelli kontra deċiżjonijiet li japplikaw miżuri dixxiplinarji fuq minuri suġġetti għal ordnijiet ta’ kustodja.

Awli industrijali

Dawn jisimgħu, f’materji ċivili u oħrajn, il-kwistjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet bejn l-impjegatur u l-impjegat u mir-relazzjonijiet stabbiliti bil-ħsieb li jiġu ffirmati kuntratti ta’ impjieg, relatati ma’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u marda okkupazzjonali, kuntratti li huma komparabbli skont il-liġi għal kuntratti ta’ impjieg, u ta’ kuntratti ta’ apprendistat u ta’ traineeship, kif ukoll kwistjonijiet relatati ma’ materji ċivili relatati mal-istrajkijiet.

Awli kummerċjali

Dawn l-awli jisimgħu:

  1. proċedimenti ta’ insolvenza u miżuri ta’ ristrutturar speċjali;
  2. kawżi għad-dikjarazzjoni ta' ineżistenza, nullità u annullament ta' memoranda u statuti ta' assoċjazzjoni;
  3. kawżi relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kumpanija;
  4. kawżi għas-sospensjoni jew it-tħassir ta' riżoluzzjonijiet ta' kumpanija;
  5. kawżi għall-istralċ ġudizzjarju ta’ kumpaniji;
  6. kawżi għall-istralċ ta’ kumpaniji maħluqa skont l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (ECS);
  7. kawżi għall-istralċ ta’ kumpaniji azzjonarji;
  8. kawżi msemmija fil-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji;
  9. kawżi għall-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u kumpaniji finanzjarji.

Huma responsabbli wkoll biex jiġġudikaw l-kontestazzjonijiet għall-ordnijiet mogħtija mir-reġistraturi tal-uffiċċji tar-reġistru tal-kumpaniji, kif ukoll kontestazzjonijiet għad-deċiżjonijiet meħuda mir-reġistraturi bħala parti mill-proċeduri amministrattivi mwettqa għall-istralċ jew il-likwidazzjoni ta’ kumpaniji.

Awli tal-eżekuzzjoni

Dawn l-awli huma responsabbli għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ċivili kif stabbilit fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ħlief dawk il-każijiet attribwiti lill-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali, il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni, il-Qorti Marittima, l-awli tal-familja u l-minuri u l-awli industrijali u l-awli kummerċjali. L-awli tal-eżekuzzjoni jittrattaw ukoll l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi proċedimenti kriminali li, skont it-termini tal-liġi dwar il-proċedura kriminali, m’għandhomx jiġu ttrattati f’qorti ċivili.

Qrati b’kompetenza territorjali usa’

Il-Qrati tal-Proprjetà Intellettwali

jisimgħu kwistjonijiet relatati ma’:

  1. kawżi fejn is-suġġett tal-kawża jkun relatat mad-drittijiet tal-awtur u ma’ drittijiet konnessi;
  2. kawżi fejn is-suġġett tal-kawża kun relatat mal-proprjetà industrijali, fi kwalunkwe waħda mill-modalitajiet previsti mil-liġi;
  3. kawżi ta’ invalidazzjoni u annullament ta’ privattivi, ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni, mudelli ta’ utilità u topografiji ta’ prodotti semikundutturi previsti fil-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali (Código da Propriedade Industrial) u kull leġiżlazzjoni applikabbli oħra, kif ukoll talbiet għad-dikjarazzjoni tal-invalidazzjoni jew l-annullament ta’ reġistrazzjonijiet ta’ tpinġijiet jew mudelli, marki kummerċjali, logotipi, premjijiet, denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi li jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ kontrotalba;
  4. appelli kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial, I. P. - INPI, I. P.) li jagħti jew jiċħad kwalunkwe tip ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew deċiżjonijiet relatati ma’ trasferimenti, liċenzji jew dikjarazzjonijiet ta’ obsolexxenza, jew kwalunkwe att ieħor li jaffettwa, jimmodifika jew itemm drittijiet ta’ proprjetà industrijali;
  5. l-appell u r-rieżami tad-deċiżjonijiet, jew ta’ kwalunkwe miżura oħra li tista’ tiġi kkontestata legalment, meħuda mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali f’każijiet relatati ma’ infrazzjonijiet u multi;
  6. kawżi ta’ sentenza dikjaratorja fejn is-suġġett tal-kawża jkun relatat ma’ ismijiet tad-dominju tal-internet;
  7. appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Fondazzjoni għall-Analiżi Xjentifika Nazzjonali (Fundação para a Computação Científica Nacional), li hija l-awtorità kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni, iċ-ċaħda jew it-tiġdid ta’ ismijiet ta’ dominju .pt;
  8. kawżi fejn is-suġġett tal-kawża jkun relatat ma’ kumpaniji u ma’ ismijiet ta’ kumpaniji;
  9. appelli kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Istitut tar-Reġistri u n-Nutara (Instituto dos Registos e do Notariado, I. P. - IRN, I. P.) dwar l-ammissibbiltà ta’ kumpaniji u ismijiet kummerċjali skont il-qafas legali tar-Reġistru Nazzjonali tal-Entitajiet Ġuridiċi (Registo Nacional de Pessoas Coletivas);
  10. kawżi li fihom is-suġġett tal-kawża jkun relatat mal-prattika ta’ atti ta’ kompetizzjoni inġusta jew tal-ksur ta’ sigrieti kummerċjali relatati mal-proprjetà industrijali;
  11. miżuri għall-kisba u l-preservazzjoni ta’ provi u għall-għoti ta’ informazzjoni, meta jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-awtur.

Il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni

Fost materji oħra, din il-qorti tisma’ kwistjonijiet relatati mal-appell, ir-rieżami u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ordnijiet u miżuri oħrajn li joħorġu minn kawżi ta’ ksur li jistgħu jiġu kkontestati legalment, maħruġa minn bosta korpi regolatorji, jiġifieri l-Awtorità tal-Kompetizzjoni (Autoridade da Concorrência), l-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (Autoridade Nacional da Aviação Civil), il-Bank tal-Portugall (Banco de Portugal) u l-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli (Comissão do Mercado de Valores Mobiliários).

Il-Qrati Marittimi

jisimgħu kwistjonijiet relatati ma’:

  1. kumpens minħabba dannu kkawżat jew soffert minn vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw, jew li jirriżultaw mill-użu tagħhom fil-baħar skont it-termini ġenerali tal-liġi;
  2. kuntratti għall-kostruzzjoni, it-tiswija, ix-xiri u l-bejgħ ta' vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw, sakemm ikunu maħsuba għall-użu marittimu;
  3. kuntratti għat-trasport bil-baħar jew kuntratti ta' trasport kombinati jew multimodali;
  4. kuntratti għat-trasport fix-xmajjar jew fil-kanali, fil-limiti stabbiliti fit-Tabella Nru 1 mehmuża mar-regolamenti ġenerali għall-portijiet (Regulamento Geral das Capitanias), approvati mid-Digriet Amministrattiv Nru 265/72, tal-31 ta’ Lulju 1972;
  5. kuntratti għan-noleġġ jew il-lokazzjoni ta’ bastimenti tal-baħar, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw;
  6. kuntratti għall-assikurazzjoni ta' vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw maħsuba għall-użu marittimu, u t-tagħbija tagħhom;
  7. ipoteki u privileġġi fir-rigward ta’ vapuri jew dgħajjes, u kwalunkwe kollateral fir-rigward ta’ bastimenti li jiggalleġġaw u t-tagħbijiet tagħhom;
  8. proċedimenti speċjali marbuta ma' vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw u t-tagħbija tagħhom;
  9. proċedimenti interim urġenti relatati ma’ vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw, it-tagħbija rispettiva tagħhom u l-karburant tal-bastimenti, u beni oħra li jappartjenu lill-vapuri, dgħajjes u bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw, kif ukoll talbiet preliminari lill-kaptan tal-port biex isostni l-moviment ’il barra tal-affarijiet li jkunu l-oġġett ta’ dawn il-proċedimenti;
  10. materji ta’ medja ġenerali jew medja partikolari, inklużi dawk li jirreferu għal bastimenti oħrajn li jiggalleġġaw għall-użu marittimu;
  11. assistenza u salvataġġ marittimi;
  12. kuntratti għall-irmunkar u l-pilotaġġ;
  13. tneħħija tar-residwi;
  14. responsabilità ċivili fir-rigward ta' tniġġis tal-baħar u ilmijiet oħrajn fil-ġuriżdizzjoni tagħhom;
  15. l-użu, it-telf, is-sejba jew l-approprjazzjoni ta’ metodi jew tagħmir għas-sajd jew għall-ġbir ta’ frott tal-baħar, molluski u alka, ħadid, tagħmir, armi, provvisti u oġġetti oħrajn għall-użu tat-tbaħħir jew tas-sajd, kif ukoll ħsara kkawżata jew sofferta minn dan l-istess materjal;
  16. ħsara kkawżata lil beni li jappartjenu għad-dominju pubbliku marittimu;
  17. sjieda u pussess ta’ residwi minn bastimenti li jkunu telgħu l-art, u ta’ oġġetti jew kwalunkwe fdalijiet eżistenti li joriġinaw jew jiġu mill-oċean u li jinsabu mitluqa fuq il-ħamrija jew taħtha jew li jiġu minn ibħra interni jew jeżistu fihom, jekk ikun ta’ interess marittimu;
  18. arresti;
  19. il-kwistjonijiet kollha dwar materji tad-dritt marittimu kummerċjali;
  20. appelli kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-kaptan tal-port fil-każijiet ta’ infrazzjonijiet marittimi.

Il-Qorti tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni

Din il-qorti timmonitorizza u tissorvelja l-eżekuzzjoni, u tieħu deċiżjonijiet dwar il-modifika, is-sostituzzjoni u t-tmiem tal-piena jew miżura ta’ kustodja stabbilita fid-deċiżjoni ġudizzjarja wara li tkun ingħatat is-sentenza. Il-qorti hija kompetenti biex:

  • tiddetermina l-eżekuzzjoni tal-piena supplimentari ta’ deportazzjoni, filwaqt li tiddikjara li s-sentenza ta’ priġunerija tkun fi tmiemha, u tiddetermina l-implimentazzjoni bikrija tal-piena supplimentari ta’ deportazzjoni;
  • tiddikjara t-tmiem ta' sentenza ta' priġunerija, ta' sentenza relattivament indeterminata (pena relativamente indeterminada) jew ta' miżura ta' sigurtà ta’ internament;
  • toħroġ mandati għall-arrest, id-detenzjoni u r-rilaxx;
  • toħroġ dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità u tordna s-sekwestru ta’ beni relatati ma’ persuna kkundannata li tkun neħħiet intenzjonalment lilha nfisha, b’mod sħiħ jew parzjali, mill-implimentazzjoni ta’ terminu ta’ priġunerija jew miżura ta’ kustodja;
  • tiddeċiedi dwar il-kanċellament provviżorju ta’ fatti jew deċiżjonijiet li jkunu ddaħħlu f’fedina penali.

Il-Qorti Ċentrali tal-Kumpilazzjoni

Din il-qorti twettaq il-kumpilazzjonijiet, tieħu deċiżjonijiet ta’ sentenzjar u għandha ġuriżdizzjoni fuq l-investigazzjoni meta l-attività kriminali sseħħ f’distretti li jappartjenu lil Qrati tal-Appell (Tribunais da Relação) differenti u kull meta jkunu involuti d-delitti li ġejjin:

  1. delitti kontra l-paċi u l-umanità;
  2. delitti ta’ organizzazzjoni terroristika u ta’ terroriżmu;
  3. delitti li jipperikolaw is-sigurtà tal-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ delitti elettorali;
  4. traffikar ta’ narkotiċi, sustanzi psikotropiċi u prekursuri tad-droga, ħlief għal sitwazzjonijiet ta’ distribuzzjoni diretta lill-konsumatur, u assoċjazzjoni kriminali relatata mat-traffikar;
  5. ħasil ta’ flus;
  6. korruzzjoni, miżapproprjazzjoni, u tixħim u korruzzjoni;
  7. insolvenza malizzjuża;
  8. malamministrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku ekonomikament indipendenti;
  9. frodi dwar il-kisba jew il-miżapproprjazzjoni ta’ għotjiet, premjijiet jew self;
  10. reati ekonomiċi u finanzjarji mwettqa b’mod organizzat, b’mod partikolari li jinvolvu l-użu tat-teknoloġija tal-informatika;
  11. reati ekonomiċi u finanzjarji b’ambitu internazzjonali jew transnazzjonali.
L-aħħar aġġornament: 22/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna