Qrati speċjalizzati nazzjonali

Latvja

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn il-qrati speċjalizzati fil-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Qrati speċjalizzati

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

Skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas Republikas Satversme, minn hawn ’il quddiem “il-Kostituzzjoni”), il-Latvja għandha Qorti Kostituzzjonali (Satversmes tiesa), li hija istituzzjoni ġudizzjarja indipendenti li teżamina jekk, fil-kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha, il-liġijiet u r-regolamenti humiex konformi mal-Kostituzzjoni, u tikkunsidra wkoll kawżi oħra assenjati lilha mil-liġi. Il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tiddikjara nulli u bla effett liġijiet u atti legali oħra jew partijiet minnhom.

Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali (Satversmes tiesas likums), il-Qorti Kostituzzjonali tikkunsidra kawżi li jikkonċernaw:

  1. il-kostituzzjonalità tal-liġijiet;
  2. il-kostituzzjonalità ta’ ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (anke qabel ma dawk il-ftehimiet jiġu approvati mill-Parlament (Saeima));
  3. il-konformità tal-liġijiet u tar-regolamenti jew ta’ partijiet minnhom mar-regoli ta’ liġi ta’ grad ogħla;
  4. il-konformità mal-liġi ta’ atti oħra tal-Parlament, tal-Kabinett, tal-President, tal-Ispeaker tal-Parlament jew tal-Prim Ministru (minbarra atti amministrattivi);
  5. il-konformità mal-liġi ta’ ordnijiet li permezz tagħhom Ministru mogħti s-setgħa mill-Kabinett ikun issospenda d-deċiżjonijiet ta’ kunsill lokali;
  6. il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Latvjana ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li ma humiex inkompatibbli mal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali tikkonsisti f’seba’ mħallfin li jiġu approvati minn maġġoranza tal-Membri tal-Parlament (tal-inqas 51 vot). Tlieta mill-imħallfin jiġu approvati fuq proposta ta’ mill-inqas 10 Membri tal-Parlament, tnejn jiġu approvati fuq proposta tal-Kabinett, u tnejn oħra fuq proposta ta’ seduta tal-Qorti Suprema kollha. Il-kandidati proposti mill-Qorti Suprema jridu jintgħażlu minn fost l-imħallfin tal-Latvja.

Il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tibda proċedimenti ex officio; hija tikkunsidra l-kawżi biss fuq rikors mill-persuni awtorizzati jagħmlu dan bil-liġi.

Dawn li ġejjin għandhom dritt iressqu rikors promotur dwar il-kostituzzjonalità ta’ liġijiet u ftehimiet internazzjonali iffirmati jew konklużi mil-Latvja (anke qabel ma dawk il-ftehimiet jiġu approvati mill-Parlament), jew il-konformità tal-liġijiet u r-regolamenti jew ta’ partijiet minnhom ma’ regoli ta’ liġi ta’ grad ogħla, jew il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Latvjana ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li ma humiex inkompatibbli mal-Kostituzzjoni:

  1. il-President;
  2. il-Parlament;
  3. mhux inqas minn għoxrin Membru tal-Parlament;
  4. il-Kabinett;
  5. il-Prosekutur Ġenerali;
  6. il-Kunsill tal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Gvern (Valsts kontroles padome);
  7. kunsill lokali;
  8. l-Ombudsman (tiesībsargs), jekk l-istituzzjoni jew l-uffiċjal li jkun ħareġ l-att ikkontestat ma jkunx ikkoreġa in-nuqqasijiet identifikati sal-iskadenza stabbilita mill-Ombudsman;
  9. qorti li tkun qed teżamina kawża ċivili, kriminali jew amministrattiva;
  10. imħallef f’uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet meta tkun qed issir ir-reġistrazzjoni ta’ propjetà immobbli u d-drittijiet relatati fir-reġistru tal-artijiet;
  11. kull persuna li ssofri ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha skont il-Kostituzzjoni;
  12. il-Kunsill għall-Ġudikatura, fil-mandat mogħti lilu bil-liġi.

Dawn li ġejjin għandhom dritt iressqu rikors promotur dwar il-konformità mal-liġi ta’ atti oħra tal-Parlament, tal-Kabinett, tal-President, tal-Ispeaker tal-Parlament jew tal-Prim Ministru (minbarra atti amministrattivi):

  1. il-President;
  2. il-Parlament;
  3. mhux inqas minn għoxrin Membru tal-Parlament;
  4. il-Kabinett;
  5. il-Kunsill għall-Ġudikatura, fil-mandat mogħti lilu bil-liġi.

F’każ fejn Ministru mogħti s-setgħa mill-Kabinett ikun issospenda b’ordni d-deċiżjonijiet ta’ kunsill lokali, huwa dak il-kunsill lokali li għandu l-jedd li jressaq rikors promotur fir-rigward tal-konformità ta’ dik l-ordni mal-liġi.

Il-kawżi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet, ir-regolamenti tal-Kabinett u atti oħrajn tal-Kabinett, il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Latvjana ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li jkunu kompatibbli mal-Kostituzzjoni, u l-kostituzzjonalità ta’ ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (anke qabel ma dawk il-ftehimiet jiġu approvati mill-Parlament) u l-liġijiet jew ir-regolamenti jew partijiet minnhom jiġu kkunsidrati mill-Qorti Kostituzzjonali f’seduta plenarja. Kawżi oħrajn jinstemgħu minn bord kompost minn tliet imħallfin, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor.

Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija finali u tidħol fis-seħħ malli tinqata’. Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u l-interpretazzjoni mogħtija fiha ta’ dispożizzjoni kkontestata torbot lill-korpi ċentrali u lokali tal-gvern (inkluż il-qrati) u l-uffiċjali kollha, u lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Dispożizzjoni li l-Qorti Kostituzzjonali tkun iddikjarat inkompatibbli ma’ regola tal-liġi ta’ grad ogħla titqies nulla b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tqis li ftehim internazzjonali ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett huwa obbligat jieħu passi minnufih biex il-ftehim jiġi emendat u denunzjat, biex il-funzjonament tiegħu jiġi sospiż jew biex tiġi rtirata l-adeżjoni mal-ftehim.

Il-Qorti Ekonomika

Il-Qorti Ekonomika (Ekonomisko lietu tiesa) ġiet stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-setgħa ġudizzjarja (Likums par tiesu varu), biex tisma’ l-kawżi hekk imsemmija fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums) u fil-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali (Kriminālprocesa likums). Din tinsab f’Riga u għandha ġuriżdizzjoni fuq it-territorju kollu tal-Latvja.

Skont id-dritt ċivili, il-Qorti Ekonomika għandha ġuriżdizzjoni fuq:

  1. talbiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ riassigurazzjoni;
  2. talbiet li jirriżultaw minn servizzi ta’ investiment u minn kuntratti ta’ servizzi ta’ investiment anċillari;
  3. talbiet għall-protezzjoni tal-investiment minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea kontra l-awtoritajiet Latvjani;
  4. talbiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet legali ta’ gruppi korporattivi;
  5. talbiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet legali bejn il-membri (jew azzjonisti) ta’ kumpaniji b’ishma konġunti;
  6. talbiet li jirriżultaw minn arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju;
  7. talbiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet kapitali ma’ partijiet relatati skont it-tifsira tal-Liġi Kummerċjali (Komerclikums) u tal-Liġi dwar is-suq tal-istrumenti finanzjarji (Finanšu instrumentu tirgus likums);
  8. talbiet li jirriżultaw mit-trasferiment ta’ impriżi u mir-ristrutturar korporattiv, esklużi talbiet minn impjegati;
  9. talbiet li jirriżultaw minn obbligi kuntrattwali bejn il-ħaddiema tal-kostruzzjoni, inklużi s-sottokuntratturi, fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ kwalunkwe bini tal-klassi tnejn jew tlieta li għalih ikun meħtieġ permess għall-bini, minbarra bini residenzjali ta’ familja waħda jew tnejn u l-istrutturi funzjonali konnessi magħhom;
  10. talbiet li jirriżultaw minn ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni;
  11. talbiet li jirriżultaw minn deċiżjonijiet minn laqgħat ta’ membri (jew azzjonisti) fi strutturi kapitali; u
  12. rikorsi għall-istralċ u l-insolvenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Fl-istess ħin, skont id-dritt kriminali, il-Qorti Ekonomika għandha ġuriżdizzjoni fuq:

  1. il-finanzjament tal-produzzjoni, tal-ħżin, tal-moviment, tal-użu jew tad-distribuzzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 73.1(2) tal-Liġi Kriminali (Krimināllikums);
  2. it-terroriżmu, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 79.2(2) tal-Liġi Kriminali;
  3. il-ħasil tar-rikavat mill-kriminalità (l-Artikolu 195 tal-Liġi Kriminali);
  4. l-aċċettazzjoni mhux awtorizzata ta’ benefiċċji, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mit-tieni, it-tielet jew ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 198 tal-Liġi Kriminali;
  5. it-tixħim kummerċjali, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 199(2) tal-Liġi Kriminali;
  6. l-aċċettazzjoni ta’ tixħim, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mit-tielet jew ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 320 tal-Liġi Kriminali;
  7. l-aċċettazzjoni ta’ tixħim, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mit-tieni, it-tielet jew ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 321 tal-Liġi Kriminali;
  8. l-intermedjazzjoni fit-tixħim, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 322(2) tal-Liġi Kriminali;
  9. it-tixħim attiv, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mit-tieni jew it-tielet paragrafu tal-Artikolu 323 tal-Liġi Kriminali;
  10. l-abbuż mill-influwenza, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 326.1(2) tal-Liġi Kriminali;
  11. it-talba u l-aċċettazzjoni illegali ta’ benefiċċji, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 326.2(2) tal-Liġi Kriminali; u
  12. l-għoti illegali ta’ benefiċċji, meta r-responsabbiltà għal dan tirriżulta mill-Artikolu 326.3(2) tal-Liġi Kriminali.

L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ekonomika jinstemgħu mill-Qorti Reġjonali ta’ Riga (Rīgas apgabaltiesa).

Bażijiet tad-data legali

L-isem u l-URL tal-bażi tad-data

Kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (funzjoni ta’ tiftix)

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Il-kontenut tal-bażi tad-data fil-qosor

Il-bażi tad-data fiha sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja.

Sfond

L-interfaċċa tat-tiftix tal-bażi tad-data u s-sentenzi huma disponibbli bil-Latvjan u bl-Ingliż.

Links

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

L-aħħar aġġornament: 26/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.