Qrati speċjalizzati nazzjonali

Italja

Din it-taqsima fiha informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati fl-Italja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Qrati speċjalizzati — introduzzjoni

Il-ġustizzja Taljana hija amministrata f’isem il-poplu Taljan u l-imħallfin, skont il-Kostituzzjoni, huma soġġetti biss għal-liġi. Skont l-Artikolu 102 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-funzjoni ġudizzjarja hija eżerċitata minn maġistrati ordinarji stabbiliti u rregolati min-normi dwar l-ordinament ġudizzjarju: dan ifisser li ma jistgħux jiġu stabbiliti mħallfin straordinarji jew imħallfin speċjali (għajr dawk previsti espressament). Jistgħu jiġu stabbiliti biss awli speċjalizzati fil-qrati ordinarji għal ċerti kwistjonijiet, inkluż bil-parteċipazzjoni ta’ ċittadini xierqa li mhumiex parti mill-maġistratura. Madankollu, il-Kostituzzjoni stess tipprevedi l-possibbiltà li jkun hemm korpi ġudizzjarji li ma jkunux parti mill-ordinament ġudizzjarju (il-maġistratura ordinarja).

Qrati speċjalizzati

F’materji tad-dritt ċivili (fis-sens wiesa’), il-qrati Taljani jinqasmu fi qrati “ordinarji” u fi qrati “amministrattivi”. Il-qrati amministrattivi għandhom ġuriżdizzjoni biex jipproteġu l-interessi leġittimi u, b’mod partikolari materji speċifikati mil-liġi, kif ukoll drittijiet individwali fil-konfront tal-amministrazzjoni pubblika: il-qrati amministrattivi huma t-Tribunal Amministrattiva Reġjonali (Tribunale Amministrativo Regionale - TAR) li hija qorti tal-ewwel istanza, u l-Kunsill tal-Istat (Consiglio di Stato) li huwa qorti tal-appell. Il-qrati ordinarji huma kompetenti fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ “drittijiet soġġettivi”; il-ġuriżdizzjoni amministrattiva hija kompetenti fi kwistjonijiet relatati ma’ “interessi leġittimi”. Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva (codice di giustizia amministrativa CGA) li jinkludi wkoll it-tipi ta’ kompetenza jinsab fid-Digriet Leġiżlattiv (decreto legislativo) Nru 104 tal-2010. Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva huwa disponibbli (mingħajr ħlas) bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż.

Qasam ġudizzjarju ieħor huwa dik tal-ġuriżdizzjoni tal-kontabilità: il-Qorti tal-Awdituri (Corte dei conti) għandha ġuriżdizzjoni f’materji ta’ kontabilità pubblika u f’materji oħrajn speċifikati mil-liġi. Il-Kodiċi tal-Ġustizzja tal-Kontabilità (codice di giustizia contabile) jinsab fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 174 tal-2016.

Fl-Italja, hemm ukoll ġuriżdizzjoni tat-taxxi, li r-regoli proċedurali tagħha huma stabbiliti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 546 tal-1992. Il-ġuriżdizzjoni tat-taxxi tiġi eżerċitata mill-Kummissjonijiet Provinċjali tat-Taxxi (commissioni tributarie provinciali) li huma qrati tal-ewwel istanza u mill-Kummissjonijiet Reġjonali tat-Taxxi (commissioni tributarie regionali) li huma qrati tal-appell. Il-ġuriżdizzjoni tat-taxxi tinkludi t-tilwim kollu dwar it-taxxi ta’ kull tip u ta’ kull ġeneru, imsejħa xi jkunu msejħa, inklużi dawk reġjonali, provinċjali u muniċipali u l-kontribuzzjoni għas-Servizz Nazzjonali tas-Sanità, is-soprataxxi u t-taxxi addizzjonali, is-sanzjonijiet relatati, u l-imgħax kull ħlas anċillari ieħor.

Dejjem jista’ jsir appell fil-Kassazzjoni (ricorso in Cassazione) kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati speċjalizzati minħabba ksur tal-liġi (l-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni).

L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.