Qrati speċjalizzati nazzjonali

Irlanda

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizazzjoni ta’ qrati speċjalizzati fl-Irlanda b’referenza għall-organizzazzjoni tal-qrati b’mod ġenerali. Ara l-paġni dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġustizzja u l-Qrati ordinarji għal dettalji tal-qrati b’mod ġenerali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

Il-Qrati Speċjalizzati

Il-Qorti tat-Talbiet iż-Żgħar

Il-proċedura tat-Talbiet iż-Żgħar tipprovdi mezz irħis u informali biex tintlaħaq soluzzjoni għat-talbiet tal-konsumatur mingħajr ma jkun hemm bżonn li kwalunkwe waħda mill-partijiet tiġi rrappreżentata legalment. Il-Qorti tat-Talbiet iż-Żgħar topera fi ħdan il-Qorti tad-Distrett. Din il-proċedura tkun applikabbli għal talbiet li ma jaqbżux l-EUR 2,000 fil-valur, li jinvolvu l-konsumaturi u li jikkonċernaw ix-xiri ta' oġġetti jew servizzi, danni minuri kkawżati fuq proprjetà jew ir-rimborż ta' depożitu fuq kera. Ma tkun meħtieġa l-ebda dehra quddiem il-qorti jekk it-talba ma tiġix ikkontestata. Jekk it-talba tiġi kkontestata u ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim 'il barra mill-qorti, il-kawża titressaq quddiem imħallef tal-Qorti tad-Distrett (District Court) li l-ordni tagħha tista’ tiġi appellata quddiem is-Circuit Court.

Il-Qorti Kummerċjali

Il-Qorti tal-Kummerċ effettivament hija diviżjoni speċjalizzata tal-High Court. Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tagħha hija l-abbiltà li tittratta l-kawżi fil-pront. Sabiex tilħaq dan l-għan, hi għandha l-proċeduri tagħha stess, li huma mfassla apposta biex iħaffu l-kwistjonijiet li jkunu fuq il-lista. Dawn il-proċedimenti huma rregolati mill-Ordni 63A tar-Regoli tal-Qrati Superjuri.

Il-Qorti tisma' kwistjonijiet li huma kkategorizzati bħala "proċedimenti kummerċjali" fil-qafas tal-Ordni 63A, regola 1. Dawn jinkludu tilwimiet li jaffettwaw id-dritt soċjetarju, il-liġi tal-insolvenza, il-proprjetà intellettwali, il-kostruzzjoni, il-liġi amministrattiva u l-liġi kostituzzjonali. Sabiex tiġi milqugħa quddiem il-Qorti skont l-Ordni 63A, regola 1(a), it-talba jew il-kontrotalba tal-azzjoni jrid ikollha valur ta’ mill-inqas EUR 1,000,000. Ma hemm l-ebda limitu fir-rigward ta’ kawżi ammessi skont ir-regola 1(b), li tagħti d-diskrezzjoni lill-Imħallef tal-Qorti Kummerċjali.

Il-Qorti dwar it-Trattament tad-Droga

Il-Programm tal-Qorti dwar it-Trattament tad-Droga (DTC) jopera fil-Qorti tad-Distrett. Hu joffri lid-dipendenti tad-droga misjuba ħatja ta’ delitti li ma jinvolvux vjolenza, l-opportunità li joħorġu miċ-ċiklu vizzjuż tad-drogi, tal-kriminalità u tal-ħabs. Il-kandidati ammissibbli huma evalwati abbażi tal-motivazzjoni tagħhom li jimpenjaw ruħhom fil-programm.

Tribunali Oħra

Hemm għadd ta’ tribunali li jisimgħu l-appelli tat-taxxa fuq l-introjtu, tal-intitolamenti tal-benessri soċjali, ma' talbiet imressqa fil-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar l-Ugwaljanza, ma' applikazzjonijiet tal-immigrazzjoni, u ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ippjanar tal-ibliet u l-impjiegi. Dawn it-tribunali mhumiex ippreseduti minn imħallfin iżda minn speċjalisti kkwalifikati, u d-deċiżjonijiet tagħhom huma soġġetti għal appell jew għal rieżami mis-Circuit Court jew mill-High Court.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.