Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Grieg ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Ċipru

Fir-Repubblika ta’ Ċipru (Κυπριακή Δημοκρατία) joperaw il-qrati speċjalizzati li ġejjin: Qorti tal-Familja (Οικογενειακά Δικαστήρια) Tribunal tat-Tilwim Industrijali (Δικαστήριο Εργατικών Διαφορών) Tribunal tal-Kontroll tal-Kera (Δικαστήριο Ελέγχου Ενοικιάσεων) u Qorti Militari (Στρατιωτικό Δικαστήριο).

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Qrati speċjalizzati

Qorti tal-Familja

Il-Qorti tal-Familja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ petizzjonijiet għal divorzju, kustodja tat-tfal, manteniment u tilwim dwar proprjetà bejn konjuġi li jkunu membri tal-Knisja Griega Ortodossa.

Jekk il-partijiet jappartjenu lil wieħed mill-gruppi reliġjużi l-oħra li hemm f’Ċipru, eż. l-Armeni, il-Maroniti jew il-Kattoliċi Rumani, il-ġurisdizzjoni għall-kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq hi tal-Qorti tal-Familja għall-Gruppi Reliġjużi.

Hemm tliet Qrati tal-Familja, waħda għal Nicosia u għal Kyrenia, waħda għal Limassol u għal Paphos u waħda għal Larnaca u Famagusta. Hemm ukoll Qorti waħda tal-Familja għall-Gruppi Reliġjużi għal Ċipru kollu, ibbażata f’Nicosia.

Il-kawżi li jidhru quddiem il-Qorti tal-Familja jinstemgħu minn imħallef wieħed, ħlief il-petizzjonijiet għal divorzju, li jinstemgħu minn bord ta’ tlitt imħallfin.

Tribunal tat-Tilwim Industrijali

It-Tribunal tat-Tilwim Industrijali għandu ġurisdizzjoni esklużiva biex jisma’ t-tilwim industrijali kollu li jinqala’ minħabba t-terminazzjoni ta’ impjieg, bħall-ħlas ta’ kumpens għal tkeċċija inġusta (ħlief fejn l-ammont mitlub jeċċedi l-ekwivalenti ta’ sentejn salarju, f’liema każ il-ġurisdizzjoni tkun tal-Qorti Distrettwali), il-ħlas minflok avviż għal tmiem l-impjieg, il-ħlasijiet ta’ sensja u l-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tal-impjieg, bħal pagi akkumulati, btajjel annwali, is-salarju tat-13-il xahar jew il-bonuses. Huwa għandu wkoll ġurisdizzjoni biex jisma’ kwalunkwe kawża ċivili bbażata fuq il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Ο περί Προστασίας της Μητρότητας Νόμος), kawżi ta’ trattament mhux indaqs u ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol u tilwim bejn il-Fondi tas-Sigurtà Soċjali (Ταμεία Πρόνοιας) u l-membri tagħhom.

It-Tribunal tat-Tilwim Industrijali huwa kompost minn President jew Imħallef, li jkun membru tas-Servizz Ġudizzjarju tar-Repubblika (Δικαστική Υπηρεσία της Δημοκρατίας), u minn żewġ membri popolari maħtura fuq ir-rakkomandazzjoni tal-unjins ta’ min iħaddem u tal-impjegati. Il-membri popolari għandhom rwol konsultattiv biss.

Bħalissa fir-Repubblika hemm tliet Tribunali tat-Tilwim Industrijali, ibbażati f’Nicosia, f’Limassol u f’Larnaca.

Tribunal tal-Kontroll tal-Kera

It-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera għandu ġurisdizzjoni biex jisma’ kwistjonijiet rigward l-irkupru tal-pussess ta’ proprjetà mikrija, id-determinazzjoni ta’ kirjiet ġusti u kwalunkwe kwistjoni inċidentali jew addizzjonali oħra.

Kull Tribunal tal-Kontroll tal-Kera (li minnhom bħalissa hemm tlieta) huwa kompost minn President, li jkun membru tal-ġudikatura, u minn żewġ membri popolari nnominati mill-assoċjazzjonijiet tal-kerrejja u tas-sidien tal-kera. Iż-żewġ membri popolari għandhom rwol konsultattiv biss.

Qorti Militari

Il-Qorti Militari għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ kawżi rigward reati mwettqa mill-persunal militari bi ksur tal-Kodiċi Kriminali Militari (Στρατιωτικός Ποινικός Κώδικας), tal-Liġi dwar il-Gwardja Nazzjonali (Ο περί Εθνικής Φρουράς Νόμος), tal-Kodiċi Kriminali(Ποινικός Κώδικας) jew kwalunkwe liġi oħra, irrispettivament mis-sentenza mogħtija. Quddiem il-Qorti Militari jitressqu wkoll individwi privati meta dan ikun ipprovdut fil-Kodiċi Kriminali Militari jew fi kwalunkwe liġi oħra.

Jekk l-akkużat ikollu l-grad ta’ kulunell jew grad ogħla, il-Qorti Militari tkun ikkostitwita bl-istess mod bħall-Qorti tal-Assiżi.

Il-President tal-Qorti jkun imħallef li jappartjeni lis-Servizz Ġudizzjarju tar-Repubblika. Żewġ uffiċjali tal-armata maħtura mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (Ανώτατο Δικαστικό Συμβούλιο) ukoll ikunu membri tal-Qorti, imma għandhom rwol konsultattiv biss.

Qrati amministrattivi

Il-petizzjonijiet għall-annullament ta’ atti amministrattivi jinstemgħu fl-ewwel istanza minn imħallef wieħed tal-Qorti Suprema u f’sede ta’ appell minn bord ta’ ħamest imħallfin.

Bażijiet tad-dejta legali

Għad m’hemm l-ebda bażi tad-dejta legali uffiċjali. Hemm għadd ta’ bażijiet tad-dejta legali privati, b’uħud minnhom jipprovdu servizzi lill-abbonati u oħrajn jipprovdu aċċess mingħajr ħlas.

Dawn jinkludu informazzjoni dwar sentenzi tal-qrati u leġiżlazzjoni primarja.

L-aħħar aġġornament: 23/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.