Qrati speċjalizzati nazzjonali

Belġju

F’din is-sezzjoni tingħata ħarsa ġenerali lejn il-qrati speċjalizzati fil-Belġju.

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Il-qrati speċjalizzati

Għal dak kollu li jirrigwarda l-qrati speċjalizzati f’suġġett (d-dritt industrijali, id-dritt kummerċjali), għandek issib informazzjoni fil-parti “Qrati ordinarji”.

Il-Qorti Kostituzzjonali

Il-Cour constitutionnelle (Qorti Kostituzzjonali) tissorvelja l-konformità tal-liġijiet, digrieti u ordinanzi mal-Kostituzzjoni. Din tissorvelja wkoll it-tqassim xieraq tal-kompetenzi bejn l-entitajiet federati u l-Istat federali.

Din hija qorti ta’ 12-il imħallef li jiżguraw il-ħarsien tal-Kostituzzjoni mil-leġiżlaturi Belġjani. Tista’ tikkanċella u tissospendi liġijiet, digrieti u ordinanzi. Il-Cour constitutionnelle ġiet stabbilita bħala qorti speċjalizzata. Minħabba l-kompitu partikolari tagħha, hija indipendenti kemm mill-poter leġiżlattiv kif ukoll mill-poteri eżekuttiv u ġudizzjarju.

Din issuċċediet il-“Cour d’arbitrage” (Qorti ta’ arbitraġġ), li kienet inħolqot fl-1980 matul il-bidla gradwali tal-Belġju fi Stat Federali. L-ewwel isem tagħha kien ingħatalha mill-Kostitwent minħabba l-kompitu oriġinali tagħha ta’ arbitru bejn il-leġiżlaturi differenti, dak tal-Istat Federali u dawk tal-komunitajiet u tar-reġjuni. Għalqdaqstant il-kompitu tagħha dak iż-żmien kien limitat għall-kontroll tal-konformità tal-liġijiet, digrieti u ordinanzi mar-regoli ta’ tqassim tal-kompetenzi inklużi fil-Kostituzzjoni u fil-liġijet ta’ riformi istituzzjonali.

L-isem “Cour constitutionnelle” li ingħatalha mis-7 ta’ Mejju 2007 huwa aktar konsistenti mal-kompiti tagħha, li twessgħu sabiex jinkludu l-kontroll tal-liġijiet, id-digrieti u l-ordinanzi taħt it-titolu II tal-Kostituzzjoni (Artikoli 8 sa 32 rigward id-drittijiet u l-libertajiet tal-Belġjani) kif ukoll tal-Artikolu 170 u 172 (legalità u ugwaljanza tat-taxxi) u 191 (protezzjoni tal-barranin).

6 imħallfin jappartjenu għall-grupp lingwistiku Franċiż, 6 għall-grupp lingwistiku Olandiż. Wieħed mill-imħallfin għandu jkollu għarfien biżżejjed tal-Ġermaniż. F’kull grupp lingwistiku, 3 imħallfin għandhom esperjenza ta’ mill-inqas 5 snin bħala membri ta’ assemblea parlamentari u 3 imħallfin għandhom ikunu ħadmu fil-qasam tal-liġi (għalliem tal-liġi f’università Belġjana, maġistat fil-Cour de cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) jew fil-Conseil d’Etat (Kunsill tal-Istat), referendarju fil-Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle). 

Sors: sit elettroniku tal-Cour constitutionnelle.

Il-Qrati amministrattivi

Conseil d'Etat (Kunsill tal-Istat)

Il-Conseil d'État, li huwa istituzzjoni kemm konsultattiva kif ukoll ġudizzjarja, għandu poteri kemm leġiżlattivi, eżekuttivi kif ukoll ġudizzjarji, u jeżisti prinċipalment minħabba r-rieda tal-leġiżlatur li jagħmel disponibbli għall-persuni fiżiċi u l-korporazzjonijiet kollha rikors effiċjenti kontra atti amministrattivi irregolari li jkunu kkawżawlhom xi dannu.

Il-kompetenzi ewlenin tal-Kunsill tal-Istat huma s-sospensjoni u l-annullament ta’ atti amministrattivi (atti individwali u regolamenti) kuntrarji għar-regoli tal-liġi fis-seħħ.

Il-protezzjoni kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi mhijiex l-uniku kompitu tal-Conseil d'État. Huwa għandu wkoll funzjoni ta’ korp konsultattiv fl-oqsma leġiżlattivi u regolatorji.

Il-Conseil d'État huwa wkoll qorti tal-kassazzjoni li jisma’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi inferjuri.

Il-Conseil d'État jaġixxi permezz ta’ sentenzi u ordinanzi fuq it-talbiet imressqa. 

Il- Conseil huwa magħmul minn 44 membru maħtura b’mod permanenti, jiġifieri president kap, president, 14-il president tal-kamra u 28 kunsilliera tal-Istat.

Il-membri jservu fl-assemblea ġenerali tal-Kunsill tal-Istat u f’waħda mill-awli tas-sezzjoni tad-dipartiment amministrattiv jew tas-sezzjoni leġiżlattiva.

Sors: Sit elettroniku tal-Internet tal-Conseil d'État tal-Belġju.

Id-databases ġuridiċi dwar dawn is-suġġetti

Sit elettroniku tal-Conseil d'État.

Sit elettroniku tal-internet tal-Cour constitutionnelle.

L-aċċess għad-database huwa bla ħlas?

Iva l-aċċess huwa bla ħlas.

Links relatati

Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja

 

L-aħħar aġġornament: 06/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.