Qrati speċjalizzati nazzjonali

Malta

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati f’Malta.

Contenuto fornito da
Malta

Qrati speċjalizzati

Il-Qorti Kostituzzjonali

It-tieni istanza

Appell

Din il-qorti tisma’ l-appelli rigward kawżi li jinvolvu allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni u invalidità tal-liġijiet. Hija għandha ukoll ġurisdizzjoni oriġinali biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti u dwar kwalunkwe rinviju li jsir għal quddiemha rigward il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Ippreseduta mill-Prim’Imħallef u minn żewġ imħallfin oħrajn

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili

L-ewwel istanza

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tittratta wkoll il-kawżi marbuta mal-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li huma protetti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertaijiet Fundamentali.

Ippreseduta minn imħallef

Tribunal Industrijali

L-ewwel istanza

Dan it-tribunal jisma’ l-kawżi marbuta ma’ tkeċċija inġusta u ma’ trattament diskriminatorju jew trattament illegali ieħor fil-post tax-xogħol.

Ippresedut minn chairperson

Bord li Jirregola l-Kera

L-ewwel istanza

Il-Bord li Jirregola l-Kera jisma’ l-kawżi marbuta ma’ bidliet fil-kundizzjonijiet tal-kirjiet, inklużi ż-żidiet fil-ħlas tal-kera u t-terminazzjoni tal-kuntratt tal-kera. Dawn il-kawżi għandhom ikunu relatati mal-ftehimiet tal-kiri li saru qabel l-1 ta’ Ġunju 1995.

Ippresedut minn maġistrat

Bord ta’ Arbitraġġ dwar Artijiet

L-ewwel istanza

Il-Bord ta’ Arbitraġġ dwar Artijiet jisma’ l-każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-klassifikazzjoni tal-art esproprjata, l-iskop pubbliku ta’ esproprjazzjoni u mal-ammont ta’ kumpens dovut lis-sid.

Ippresedut minn maġistrat

Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’

L-ewwel istanza

Dan il-Bord jisma’ l-każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kirjiet tar-raba’ u mat-talbiet li jagħmlu s-sidien rigward it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-qbiela.

Ippresedut minn maġistrat

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva

L-ewwel istanza

Dan it-tribunal għandu s-setgħa li jistħarreġ l-atti amministrattivi.

Ippresedut minn imħallef jew minn maġistrat

Tribunal ta’ Arbitraġġ dwar il-Qsim ta’ Wirt

L-ewwel istanza

Dan it-Tribunal jisma’ u jiddeċiedi kawżi marbuta mal-qsim ta’ proprjeta miżmuma in komun bejn l-eredi ta’ persuna mejta.

Ippresjedut minn arbitru

It-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur

Appell

Dan it-Tribunal jisma’ u jaqta’ appelli minn deċiżjonijiet, ordnijiet jew miżuri tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) u d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur). Id-deċiżjonijiet tat-Tribunal huma finali ħlief għal xi eċċezzjonijiet fejn appell minn deċiżjoni tat-Tribunal hu permess imma limitatament għal punt ta’ liġi.

Ippresedut minn Imħallef u żewg membri

Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili

L-ewwel istanza

Din hi qorti speċjali li tissorvelja fuq in-Nutara kollha, l-Arkivji Nutarili u r-Reġistru Pubbliku. Għandha l-awtorita li żżur u tispezzjona l-Arkivji Nutarili, r-Reġistru Pubbliku u uffiċċji tan-nutara kif ukoll li tapplika pieni dixxiplinari. Din il-Qorti għandha ukoll is-setgħa li tordna korrezzjonijiet ta’ indikazzjonijiet żbaljati f’reġistrazzjonijiet fir-Reġistru Pubbliku.

Komposta minn membri msejjħa Viżitaturi

 

Qrati amministrattivi

L-istħarriġ ġudizzjarju huwa l-proċess li permezz tiegħu deċiżjoni ta’ dipartiment, awtorità jew aġenzija tal-gvern tista’ tiġi mistħarrġa u fl-aħħar mill-aħħar irrevokata mill-qrati jekk jinsab li tkun illegali.

L-azzjoni hija disponibbli għal kull min ikollu xi lment rigward deċiżjoni jew azzjoni tal-gvern li tikkonċernah. L-Artikolu 469A tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta huwa l-artikolu operattiv tal-Liġijiet ta’ Malta li jagħti tali setgħa lill-qrati. Madankollu anki fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni leġislattiva, l-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jitqies bħala setgħa inerenti tal-qrati fuq il-bażi tad-duttrina tas-separazzjoni tal-poteri li ġeneralment jadottaw l-Istati demokratiċi.

Il-qrati ordinarji – jiġifieri l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – għandhom ġurisdizzjoni f’dawn il-kwistjonijiet, bid-dritt li jappellaw quddiem il-Qorti tal-Appell.

L-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 u jipprovdi għat-twaqqif tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva. Dan it-tribunal indipendenti u imparzjali jirrivedi l-atti amministrattivi rinvjiati għal quddiemu minn kwalunkwe persuna li jkollha lment u jagħti wkoll deċiżjonijiet dwar it-tilwim li jiġi rinvijat quddiemu. Huwa ppresedut minn persuna li hija, jew kienet, imħallef jew maġistrat f’Malta. L-appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal jista’ jsir lill-Qorti tal-Appell.

Qrati speċjali oħra

It-tribunali lokali

It-tribunali lokali huma parti integrali mis-sistema ġudizzjali f’Malta. Dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala estensjoni tal-qrati, u jittrattaw ir-reati li, għalkemm ikunu trivjali, jistgħu jagħtu fastidju kbir lill-pubbliku ġenerali. It-tribunali lokali huma ppreseduti minn Kummissarju għall-Ġustizzja li jinħatar għal sentejn u jitneħħa mill-kariga bl-istess mod u għall-istess raġunijiet kif maġistrat  jista’ jitneħħa mill-kariga.  Dan jiggarantixxi li kull ċittadin jingħata l-possibiltà li jsemma’ l-ilmenti speċifiċi li jkollu filwaqt li jkun żgurat li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali ta’ smigħ xieraq. Hemm disa’ tribunali lokali li jiggruppaw diversi kunsilli lokali flimkien.

Bażijiet tad-dejta legali

Jekk jogħġbok irreferi għall-paġna Maltija “Organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri – Malta” fejn għandek issib informazzjoni dettaljata dwar u links għall-bażijiet tad-dejta rilevanti.

Links relatati

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

Servizzi tal-Qorti

Servizzi tal-Qorti - Sentenzi Online

Servizzi tal-Qorti - Proċeduri tal-Qorti

Servizzi tal-Qorti - Użu tal-Awli

Servizzi tal-Qorti - Statistika

Servizzi tal-Qorti - Bejgħ b’subbasti

Servizzi tal-Qorti - Formoli Ċivili (bil-Malti)

Servizzi Legali (Liġijiet ta’ Malta)

L-aħħar aġġornament: 04/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.