Izvorna jezična inačica ove stranice španjolski nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Španjolska

L-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġurisdizzjonali bbażata fuq l-organizzazzjoni u l-operat tal-Qrati. Taħt is-sistema legali Spanjola, il-ġurisdizzjoni ordinarja hija maqsuma f’ħames oqsma tal-liġi: ċivili, kriminali, amministrattiv, soċjali u militari. Fi Spanja ma teżistix sistema ta’ qrati straordinarji; madankollu, nistgħu nissottolinjaw li, minn fost is-sistemi ġurisdizzjonali msemmija, inħolqu Qrati speċjali bbażati fuq is-suġġett. Pereżempju, qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa, qrati bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti ta’ sentenzi kriminali u qrati tal-minorenni. Dawn il-qrati jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ordinarja iżda għandhom speċjalizzazzjoni bbażata fuq is-suġġett.

Sadržaj omogućio
Španjolska
Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Qrati speċjalizzati

Il-Ley orgánica del Poder Judicial [Liġi Organika dwar il-Ġudikatura] tipprovdi għall-eżistenza tal-qrati speċjalizzati li ġejjin:

IL-QRATI KUMMERĊJALI

Il-Qrati Kummerċjali, li ilhom jaħdmu mill-1 ta’ Settembru 2004, huma organi legali speċjalizzati. Huma jagħmlu parti mis-sistema legali ċivili.

FIRXA TERRITORJALI

B’mod ġenerali, f’kull provinċja, b’ġurisdizzjoni madwar il-provinċja u l-bażi tagħha fil-kapitali tal-provinċja, se jkun hemm qorti kummerċjali waħda jew aktar.

Huma jistgħu jiġu stabbiliti wkoll fi bliet oħra li ma jkunux il-kapitali tal-provinċja meta l-ħtiġijiet tan-nies, l-eżistenza ta’ ċentri industrijali jew kummerċjali u l-attività ekonomika jitolbu dan, bil-firxa tal-ġurisdizzjoni tagħhom tiġi stabbilita f’kull każ.

Jistgħu jitwaqqfu qrati kummerċjali li jestendu l-ġurisdizzjoni tagħhom f’żewġ provinċji jew aktar fl-istess komunità awtonoma.

OQSMA TA’ ĠURISDIZZJONI

Il-qrati kummerċjali jisimgħu każijiet li jinqalgħu b’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, fil-kundizzjonijiet speċifikati fil-liġi li tirregolahom.

Il-qrati kummerċjali jisimgħu wkoll kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni tas-sistema ġurisdizzjonali ċivili, fost l-oħrajn fir-rigward ta’ talbiet li fihom id-drittijiet ta’ azzjoni jiġu eżerċitati fir-rigward ta’ kompetizzjoni mhix ġusta, proprjetà industrijali, proprjetà intellettwali u reklamar, kif ukoll dawk il-kwistjonijiet kollha li, f’din is-sistema ġurisdizzjonali, jippromwovu l-ambitu tar-regoli regolatorji tal-kumpaniji u l-kooperattivi kummerċjali.

Il-qrati kummerċjali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenzi barranin u deċiżjonijiet oħra legali u tal-arbitraġġ, meta dawn ikunu jirrigwardaw kwistjonijiet fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tagħhom, sakemm ma jkunux iridu jinstemgħu minn qorti oħra f’konformità ma’ trattati internazzjonali u regoli oħra.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli li l-liġi tistabbilixxi kontra sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza mill-qrati kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk maħruġa f’każijiet ta’ insolvenza li jsolvu kwistjonijiet relatati max-xogħol, li għalihom waħda jew aktar mis-Sezzjonijiet tagħha trid tkun speċjalizzata, skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 98 tal-Ley Orgánica del Poder Judicial [Liġi Organika dwar il-Ġudikatura].

Jistgħu jitressqu appelli oħra kif stabbilit mil-LOPJ (Liġi Organika dwar il-Ġudikatura] f’dawk il-każijiet speċifikati fiha.

IL-QRATI TAT-TRADEMARK KOMUNITARJA

Il-Juzgados de Marca Comunitaria [Qrati tat-Trademark Komunitarja] huma l-Qrati Kummerċjali għaż-żona ta’ Alicante sakemm huma jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jisimgħu esklussivament u fl-ewwel istanza dawk il-każijiet kollha li jinġiebu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill nru. 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trademark komunitarja, u r-Regolament tal-Kunsill nru. 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji komunitarji.

Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, il-qrati msemmija jestendu l-ġurisdizzjoni tagħhom għat-territorju nazzjonali kollu.

Huma jagħmlu parti mis-sistema ġurisdizzjonali ċivili.

Barra minn hekk, is-Sezzjoni jew Sezzjonijiet speċjalizzati tal-Qorti Nazzjonali Ogħla ta’ Alicante tisma’ wkoll, b’mod esklussiv u fit-tieni istanza, dawk l-appelli kollha li hemm referenza għalihom fl-artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) numru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trademark Komunitarja, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-Disinji Komunitarji. Fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, huma jestendu l-ġurisdizzjoni tagħhom għat-territorju nazzjonali kollu u għal dawk il-finijiet biss jissejħu Qrati tat-Trademark Komunitarja.

QRATI BI DMIRIJIET SPEĊJALI FIL-KWISTJONI TAL-GĦOTI TA’ SENTENZI KRIMINALI:

Il-Juzgados de Vigilancia Penitenciaria [qrati bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti ta’ sentenzi kriminali] għandhom ir-rwoli ġurisdizzjonali stipulati fil-Ley General Penitenciaria [liġi ġenerali dwar l-għoti ta’ sentenzi kriminali] fil-kwistjoni tal-infurzar ta’ sentenzi ta’ kustodja u miżuri tas-sigurtà, il-kontroll ġurisdizzjonali fuq il-poter dixxiplinarju tal-awtoritajiet li jagħtu sentenzi kriminali, li tkopri d-drittijiet u l-benefiċċji tal-ħabsin u kwistjonijiet oħra kif speċifikati mil-Liġi. Huma jagħmlu parti mis-sistema ġurisdizzjonali kriminali.

LIMITI TERRITORJALI

F’kull provinċja, u fi ħdan is-sistema ġurisdizzjonali kriminali, hemm qorti waħda jew aktar bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti ta’ sentenzi kriminali.

Fil-belt ta’ Madrid, b’ġurisdizzjoni għal Spanja kollha, hemm Juzgados Centrales de Vigilancia Penitenciaria [qorti ċentrali bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti tas-sentenzi kriminali] waħda jew aktar.

OQSMA TA’ ĠURISDIZZJONI

Il-qrati bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti ta’ sentenzi kriminali għandhom ir-rwoli ġurisdizzjonali tagħhom stipulati fil-liġi ġenerali dwar l-għoti ta’ sentenzi kriminali fil-kwistjoni tal-infurzar ta’ sentenzi ta’ kustodja u miżuri ta’ sigurtà, il-kontroll ġurisdizzjonali fuq il-poter dixxiplinarju tal-awtoritajiet li jagħtu s-sentenzi, li tkopri d-drittijiet u l-benefiċċji tal-ħabsin u kwistjonijiet oħra kif speċifikati mil-Liġi.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli stabbiliti bil-Liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati provinċjali bi dmirijiet speċjali fil-kwistjoni tal-għoti ta’ sentenzi kriminali.

L-appelli l-oħra previsti fil-LOPJ jistgħu jitressqu f’dawk il-każijiet stabbiliti fil-LOPJ.

IL-JUZGADOS DE MENORES [QRATI TAL-MINORENNI]

LIMITI TERRITORJALI

F’kull provinċja, b’ġurisdizzjoni madwar il-provinċja kollha u l-bażi tagħha fil-kapitali tal-provinċja, hemm Qorti waħda jew aktar tal-Minorenni.

Fil-belt ta’ Madrid, b’ġurisdizzjoni għal Spanja kollha, hemm Juzgado Central de Menores [Qorti Ċentrali tal-Minorenni], li tisma’ dawk il-każijiet assenjati lilha mil-leġislazzjoni li tirregola r-responsabbiltà kriminali tal-minorenni.

OQSMA TA’ ĠURISDIZZJONI

Il-Qrati tal-Minorenni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu reati u offiżi żgħar imwettqa minn persuni ta’ bejn 14 u 18-il sena.

L-Imħallfin fil-Qrati tal-Minorenni jridu jwettqu r-rwoli stipulati fil-liġijiet dwar minorenni li jkunu wettqu azzjonijiet klassifikati mil-liġi bħala reat jew offiża żgħira u tali azzjonijiet oħra li, bħal fir-rigward tal-minuri, huma assenjati lilhom mil-liġi.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli stabbiliti bil-Liġi kontra deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati provinċjali tal-Minorenni.

L-appelli l-oħra previsti fil-LOPJ jistgħu jitressqu f’dawk il-każijiet stabbiliti fil-LOPJ.

 

QRATI LI JITTRATTAW IL-VJOLENZA KONTRA N-NISA

LIMITI TERRITORJALI

F’kull distrett hemm Juzgados de Violencia sobre la Mujer [Qorti li tittratta l-Vjolenza kontra n-Nisa] waħda jew aktar, ibbażati fil-kapitali tad-distrett u b’ġurisdizzjoni madwar it-territorju kollu. Huma jieħdu isimhom mill-isem tal-muniċipalità fejn ikunu bbażati.

Fid-distretti legali fejn ikun hemm biss Juzgado de Primera Instancia e Instrucción [Qorti tal-Prim Istanza u Investigazzjoni Preliminari], se tkun din il-qorti li tisma’ l-kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa.

Huma jagħmlu parti mis-sistema ġurisdizzjonali kriminali.

OQSMA TA’ ĠURISDIZZJONI

Taħt is-sistema kriminali, il-Qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa jisimgħu, f’kull każ skont il-proċeduri u l-appelli previsti fil-Ley de Enjuiciamiento Criminal [Kodiċi tal-Proċedura Kriminali], il-kwistjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • L-investigazzjoni ta’ klejms ta’ responsabbiltà kriminali li jirriżultaw minn reati kontenuti fit-titoli tal-Kodiċi Kriminali b’rabta mal-omiċidju, abort, korriment, korriment lil fetu, tiċħid tal-libertà, reati kontra l-integrità morali, reati sesswali jew kwalunkwe reat ieħor imwettaq bi vjolenza jew intimidazzjoni, fejn dawn ikunu twettqu kontra persuna li tkun jew li kienet il-mara tagħhom, jew mara li tkun jew li kienet marbuta mat-trasgressur b’relazzjoni emozzjonali komparabbli, anki mingħajr ma kienu jgħixu flimkien, kif ukoll dawk imwettqa fuq id-dixxendenti, tat-trasgressur jew tal-mara jew tas-sieħba li tikkoabita, jew fuq il-minorenni jew id-diżabbli li jgħixu mat-trasgressur jew soġġetti għas-setgħa, protezzjoni, tutela, kura jew ħarsien de facto tal-mara jew tas-sieħba li tikkoabita, inkluż fejn ikun seħħ att ta’ vjolenza bbażat fuq is-sess tal-persuna.
  • L-investigazzjoni ta’ klejms ta’ responsabbiltà kriminali li jirriżultaw minn kwalunkwe offiża kontra d-drittijiet u d-dmirijiet tal-familja, meta l-vittma tkun xi waħda mill-persuni indikati bħala tali fil-paragrafu preċedenti.
  • Il-ħruġ tal-ordnijiet rilevanti ta’ protezzjoni lill-vittmi, mingħajr preġudizzju għall-oqsma ta’ ġurisdizzjoni attribwiti lill-Qorti tad-Dmir.

Il-qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa jistgħu jisimgħu taħt is-sistema ċivili, f’kull każ skont il-proċeduri u l-appelli previsti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-kwistjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • Il-parentela, il-maternità u l-paternità.
  • L-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni u d-divorzju.
  • Dawk li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn il-missier u t-tfal.
  • Dawk li jirrigwardaw il-ħtieġa għall-approvazzjoni tal-adozzjonijiet.

Il-qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa għandhom ġurisdizzjoni esklużiva u esklużjonarja taħt is-sistema ċivili meta l-kundizzjonijiet li ġejjin iseħħu fl-istess ħin:

  • Fil-każ ta’ proċess ċivili li jirrigwarda xi wieħed mis-suġġetti speċifikati fil-paragrafu preċedenti.
  • Meta xi waħda mill-partijiet fil-proċeduri ċivili tkun il-vittma ta’ atti ta’ vjolenza abbażi tas-sess tal-persuna.
  • Meta xi waħda mill-partijiet fil-proċeduri ċivili tkun mixlija li hija l-perpetratur, l-instigatur jew il-kompliċi neċessarju għat-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza bbażati fuq is-sess tal-persuna.
  • Meta quddiem il-Qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa jkunu tressqu azzjonijiet kriminali fir-rigward ta’ reati jew offiżi żgħar li jirriżultaw minn att ta’ vjolenza kontra n-nisa, jew tkun inħarġet ordni ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ vittma ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna.

Meta l-Imħallef jiddeċiedi li l-azzjonijiet li jkun ġie infurmat bihom, fil-pubbliku, ma jikkostitwux espressjoni ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna, huwa jista’ jiċħad it-talba, billi jirreferiha lill-organu legali rilevanti.

F’dawn il-każijiet mhijiex permessa medjazzjoni.

APPELLI

Il-Qrati Provinċjali jisimgħu l-appelli previsti mil-Liġi kontra sentenzi mogħtija minn Qrati Provinċjali li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa.

Appelli oħra jistgħu jitressqu kif ipprovdut mil-LOPJ f’dawk il-każijiet speċifikati fiha.

KORPI SPEĊJALIZZATI BI QBIL TAL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA

Fi Spanja, mingħajr ebda effett fuq il-prinċipju tal-unità ġurisdizzjonali billi jkunu parti mill-ħames sistemi ġurisdizzjonali, jistgħu jitwaqqfu qrati speċjalizzati mhux biss billi jkunu maħluqa speċifikament bil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, bħalma huwa l-każ tal-Qrati Kummerċjali, il-Qrati tal-Minorenni jew il-Qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, iżda jistgħu jkunu wkoll ir-riżultat tal-ispeċjalizzazzjoni magħmula mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura skont l-artikolu 98 tiegħu, bħal fil-każ tal-Juzgados de Familia [qrati tal-familja], il-Juzgados de Ejecución Hipotecaria [qrati għall-infurzar tal-ipoteki] jew il-Juzgados de Ejecutorias [qrati tal-infurzar].

Qrati speċjali oħra

L-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġurisdizzjonali li hija l-bażi għall-organizzazzjoni u l-operat tal-Qrati.

Dan il-prinċipju huwa espress fl-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni waħda, magħmula minn korp waħdieni ta’ mħallfin u maġistrati li jiffurmaw il-Qrati Ordinarji.

Madankollu, il-Kostituzzjoni nnifisha tipprovdi għall-eżistenza ta’ sensiela ta’ Qrati speċjali. Dawn huma korpi li jgawdu indipendenza u imparzjalità sħiħa u huma suġġetti kompletament għar-regoli tal-liġi.

Dawn il-Qrati huma:

IL-QORTI KOSTITUZZJONALI

Il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola hija deskritta bħala organu li jinsab barra l-Ġudikatura ordinarja, iżda dotata b’karatteristiċi ġurisdizzjonali (artikolu 159 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978).

Hija l-interpretu suprem tal-Kostituzzjoni, indipendenti, unika fis-sistema tagħha u l-ġurisdizzjoni tagħha testendi għat-territorju nazzjonali kollu.

KOMPOŻIZZJONI

Hija magħmula minn tnax-il maġistrat maħtura mir-Re, li erbgħa minnhom huma proposti mill-Kungress, b’maġġoranza ta’ 3/5 tal-membri tiegħu; erbgħa huma proposti mis-Senat, bl-istess maġġoranza; tnejn huma proposti mill-Gvern u tnejn mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura, u huma jeleġġu president u viċi president minn fosthom.

OQSMA TA’ ĠURISDIZZJONI

Il-Qorti Kostituzzjonali tisma’ każijiet bil-manjiera u kif determinat mil-liġi, fosthom:

  • Appelli fuq kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità kontra Liġijiet, dispożizzjonijiet jew atti regolatorji bis-saħħa tal-Liġi.
  • Appelli li jirrigwardaw il-vjolazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili kif elenkati fl-artikolu 53.2 tal-Kostituzzjoni.
  • Tilwimiet kostituzzjonali dwar kompetizzjoni bejn l-Istat u l-Komunitajiet Awtonomi jew tilwimiet bejn il-Komunitajiet Awtonomi nfushom.
  • Tilwimiet bejn il-korpi kostituzzjonali tal-Istat.
  • Dikjarazzjonijiet dwar il-kostituzzjonalità tat-Trattati Internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni: Il-Qorti Kostituzzjonali

IL-QORTI TAL-VERIFIKA

It-Tribunal de Cuentas [Qorti tal-Verifika] huwa l-organu fiskali suprem għall-kontijiet u l-ġestjoni ekonomika tal-Istat u s-Settur Pubbliku.

Mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tagħha stess, il-Qorti tal-Verifika taqa’ fl-isfera tal-Poter Leġislattiv u taqa’ direttament taħt il-Cortes Generales.

KOMPOŻIZZJONI

Hija magħmula minn tnax-il membru, Consejeros de Cuentas [awdituri], li sitta minnhom huma maħtura mill-Kungress tad-Deputati u sitta huma maħtura mis-Senat, u huma jgawdu l-prinċipji tal-indipendenza, il-permanenza tal-mandat u l-inkompatibilitajiet, bl-istess mod bħall-imħallfin.

FUNZJONIJIET

Il-Qorti tal-Verifika hija assenjata żewġ funzjonijiet:

  • Il-funzjoni fiskali, ikkaratterizzata mill-fatt illi hija esterna, permanenti u konsumatriċi, tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk l-attività ekonomika-finanzjarja tas-settur pubbliku tissodisfax il-kriterji tal-legalità, l-effiċjenza u l-ekonomija.
  • Il-funzjoni ġurisdizzjonali mhi xejn għajr il-proċess ta’ responsabbiltà fiskali li jassumi min huwa responsabbli għall-immaniġġjar ta’ proprjetà, ġid jew effetti pubbliċi, u hija maħsuba sabiex tikkumpensa fondi pubbliċi li tkun saritilhom ħsara bi tbagħbis, azzjonijiet inkorretti, inkompleti jew mhux ġustifikati, jew b’kawżi jew azzjonijiet oħra.

Għal aktar informazzjoni: Qorti tal-Verifika.

QRATI TAL-LIĠI MSEJSA FUQ ID-DRAWWA

L-Artikolu 125 tal-Kostituzzjoni jirrikonoxxi lil dawn bħala wieħed mill-mezzi ta’ parteċipazzjoni pubblika fl-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

L-Artikolu 19 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura jirrikonoxxi bħala Qrati tal-Liġi msejsa fuq id-Drawwa lit-Tribunal de las Aguas de la Vega Valencia [qorti li tirregola l-ilma fiż-żona tal-pjanura ta’ Valencia] u l-Consejo de Hombres Buenos de Murcia [kunsill tal-irġiel tajba ta’ Murcia].

IL-QORTI LI TIRREGOLA L-ILMA FIŻ-ŻONA TAL-PJANURA TA’ VALENCIA

Taġixxi fil-limiti territorjali ta’ Valencia.

Hija tikkonsisti fi tmien sindakati ta’ ħaddiema fil-biedja eletti demokratikament mill-ġesturi tal-Huerta Valenciana [reġjun fertili ta’ Valencia] u l-oqsma ta’ ġurisdizzjoni tagħha huma t-tqassim ekwu tal-ilma bejn id-diversi sidien tal-artijiet agrikoli, is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet fattwali bejn il-ġesturi nfushom u l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet rilevanti għall-ksur tar-Regolamenti dwar l-Irrigazzjoni.

IL-KUNSILL TAL-IRĠIEL TAJBA TA’ MURCIA

Il-Kunsill tal-Irġiel Tajba ġie istituzzjonalizzat u rregolat mill-1849 bħala l-organu suprem għall-Ġustizzja fiż-żona fertili ta’ Murcia. Il-Kunsill huwa ffurmat minn President, Segretarju u ħames Membri.

Il-Kunsill tal-Irġiel Tajba ta’ Murcia jagħmel is-seduti ta’ smigħ tiegħu kull nhar ta’ Ħamis fis-sala tal-laqgħat fil-Muniċipju u jsolvi kull każ fis-sessjoni ta’ dik il-ġurnata jew mhux aktar tard mis-seduta ta’ smigħ li jmiss. Id-deċiżjonijiet jinħarġu b’mod sħiħ u fuq bażi ta’ vot maġġoritarju, għalkemm fil-każ ta’ voti ndaqs, il-president għandu l-vot deċiżiv. Is-sanzjonijiet li jirriżultaw mill-ġustizzja fil-Kunsill tal-Irġiel Tajba ta’ Murcia huma esklussivament ta’ natura monetarja. Id-deċiżjonijiet li jinħarġu minn din il-qorti huma finali, fissi u infurzabbli.

Għal aktar informazzjoni: Il-Kunsill tal-Irġiel Tajba.     

Links relatati

KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA FI SPANJA

QORTI KOSTITUZZJONALI SPANJOLA

QORTI SPANJOLA TAL-VERIFIKA

QRATI TAL-LIĠI MSEJSA FUQ ID-DRAWWA

L-aħħar aġġornament: 12/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Povratne informacije

Koristite se obrascem u nastavku kako biste podijelili svoje komentare i povratne informacije o našoj novoj internetskoj stranici