Qrati speċjalizzati nazzjonali

Din it-taqsima tagħtik ħarsa ġenerali tal-qrati speċjalizzati fil-Latvja.

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja (Satversmes tiesa)

Skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, il-Latvja għandha Qorti Kostituzzjonali li hija istituzzjoni ġudizzjarja indipendenti li teżamina jekk, il-każijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha humiex f’konformità mal-Kostituzzjoni, u tikkunsidra wkoll każijiet oħra assenjati lilha mil-liġi. Il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tiddikjara nulli u bla effett liġijiet u atti legali oħra jew partijiet minnhom.

Skont l-Artikolu 16 tal- Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Kostituzzjonali tikkunsidra każijiet li jikkonċernaw:

  1. il-kostituzzjonalità tal-liġijiet;
  2. il-kostituzzjonalità tal-ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (qabel jew wara l-approvazzjoni tagħhom mis- Saeima (Parlament));
  3. il-konformità tal-liġijiet u r-regolamenti jew partijiet minnhom ma regoli tal-liġi ta’ grad ogħla;
  4. il-konformità mal-liġi ta’ atti oħra tas-Saeima, tal-Kabinett, tal-President, tal-Ispeaker tal-Parlament jew tal-Prim Ministru (ħlief atti amministrattivi oħra);
  5. il-konformità mal-liġi ta’ ordnijiet li bihom Ministru mogħti s-setgħa mill-Kabinett issospenda d-deċiżjonijiet ta’ kunsill lokali;
  6. il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Latvjana ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li mhumiex inkompatibbli mal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti Kostituzzjonali tinkludi seba’ mħallfin li jiġu approvati minn maġġoranza tal-Membri tal-Parlament (tal-inqas 51 vot). Tlieta minn dawn l-imħallfin jiġu approvati fuq proposta ta’ mill-inqas għaxar Membri tal-Parlament, tnejn jiġu approvati fuq proposta tal-Kabinett, u tnejn oħra fuq proposta ta’ seduta tal-Qort Suprema kollha. Il-kandidati proposti mill-Qorti Suprema jridu jiġu magħżula minn fost l-imħallfin tal-Latvja.

Il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tibda proċedimenti ex officio; hija tikkunsidra l-kawża biss fuq rikors mill-persuni awtorizzati għal dan il-għan bil-liġi.

Dawn li ġejjon għandhom dritt iressqu rikors promotur biex jiftħu proċedimenti dwar il-kostituzzjonalità ta ftehimiet internazzjonali iffirmati jew konklużi mil-Latvja (qabel jew wara l-approvazzjoni ta’ dawk il-ftehimiet mis- Saeima), jew il-konformità tal-liġijiet u r-regolamenti jew partijiet minnhom ma regoli tal-liġi ta’ grad ogħla, jew il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali Latvjana ma’ ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li mhumiex inkompatibbli mal-Kostituzzjoni:

  1. il-President;
  2. is- Saeima;
  3. mhux inqas minn għoxrin membru tal-Parlament;
  4. il-Kabinett;
  5. il-Prosekutur-Ġenerali;
  6. il-Kunsill tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat (Valsts kontroles padome);
  7. kunsill lokali;
  8. l-Ombudsman (tiesībsargs), jekk l-istituzzjoni jew l-uffiċjal li ħarġu l-att ikkontestat ma kkoreġewx in-nuqqasijiet identifikati fiż-żmien stabbilit mill-Ombudsman;
  9. qorti li teżamina kawża ċivili, kriminali jew amministrattiva;
  10. Imħallef f’uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet meta tkun qed issir ir-reġistrazzjoni tal-propjetà immobbli u d-drittijet relatati fir-reġistru tal-artijietl
  11. kull persuna li ssofri ksur tad-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Kostituzzjoni;
  12. il-Kunsill għall-Ġudikatura (Tieslietu padome), fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni mogħti lilu.

Dawn li ġejjin għandhom dritt jippreżentaw rikors li jiftaħ proċedimenti dwar il-konformità mal-liġi ta’ atti oħra tas- Saeima, il-Kabinett, il-President, l-Ispeaker tal-Parlament jew il-Prim Ministru (għajr atti amministrattivi):

  1. il-President;
  2. is- Saeima;
  3. mhux inqas minn għoxrin membru tal-Parlament;
  4. il-Kabinett;
  5. il-Kunsill għall-Ġudikatura, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni mogħti lilu.

Il-juris standi biex jinfetħu proċedimenti dwar il-konformità mal-liġi ta’ ordnijiet li bihom Ministru li ngħata s-setgħa mill-Kabinett issospenda d-deċiżjonijiet ta’ kunsill lokali huwa ta’ dak il-kunsill lokali.

Il-kawżi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet, ir-regolamenti tal-Kabinett u atti tal-Kabinett oħra, il-konformità tad-dispożizzjonijeit tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Latvjana ma ftehimiet internazzjonali konklużi mil-Latvja li mhumiex inkompatibbli mal-Kostituzzjoni, u l-kostituzzjonalità tal-ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mil-Latvja (qabel jew wara li dawk il-ftehimiet jiġu approvati mis-Saeima) u l-liġijiet jew ir-regolamenti jew partijiet minnhom jiġu mismugħa mill-Qorti Kostituzzjonali f’seduta plenarja. Kawżi oħra jiġu mismugħa minn bord kompost minn tliet imħallfin, sakemm ma tiddeċidix mod ieħor il-Qorti Kostituzzjonali.

Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija finali u tidħol fis-seħħ mal-għotja tagħha. Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u l-interpretazzjoni li jkun fiha ta’ dispożizzjoni kontestata hija vinkolanti fuq il-korpi ċentrali u lokali tal-gvern kollha (inkluż il-qrati) u uffiċjali, u fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Dispożizzjoni iddikjarata inkumpatibbli ma liġi ta’ grad ogħla mill-Qorti Kostituzzjonali titqies nulla u bla effett mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li ftehim internazzjonali li ġie ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett għandu minnufih jieħu passi biex jemenda, jiddikjara li mhux konformi, jissospendi jew jiritira dak il-ftehim.

Bażijiet tad-data ġuridika

L-isem u l-URL tal-bażi tad-data

Kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (funzjoni ta’ tiftix)

L-aċċess għall-bażi d-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Kontenut tal-bażi tad-data fil-qosor

Il-bażi tad-data għandha sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

Informazzjoni addizzjonali

L-interfaċċa tat-tiftix tal-bażi tad-data u s-sentenzi huma disponibbli bil-Latvjan u l-Ingliż.

Ħoloq

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Latvja

L-aħħar aġġornament: 23/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.