Izvorna jezična inačica ove stranice njemački nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Qrati speċjalizzati nazzjonali

Njemačka

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati fil-Ġermanja.

Sadržaj omogućio
Njemačka
Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Qrati Speċjalizzati

Qrati tax-xogħol

Il-qrati tax-xogħol jittrattaw essenzjalment tilwim dwar il-liġi tax-xogħol li jirriżulta fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-impjegati u l-impjegaturi (liġi tax-xogħol individwali). Dawn il-qrati jittrattaw ukoll tilwim bejn il-partijiet għal ftehim kollettiv, bħat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi (il-liġi tax-xogħol kollettiv), kif ukoll it-tilwim bejn impjegatur u kumitat ta' ħidma.

Il-qrati tax-xogħol (bħala ġurisdizzjonijiet tal-Istati Federali) huma Qrati Ġenerali. Il-kulleġġ ġudikanti tal-qorti tax-xogħol huwa t-Tribunal. Dan jiddeċiedi essenzjalment permezz ta’ mħallef wieħed professjonali li jippresjedi u żewġ imħallfin lajċi, wieħed mill-qasam tal-impjegat u l-ieħor mill-qasam tal-impjegatur. Ċerti deċiżjonijiet li mhumiex parti mill-proċedimenti orali jittieħdu mill-imħallef li jippresjedi mingħajr l-intervent tal-imħallef lajk.

Il-Qrati Superjuri tax-xogħol (Landesarbeitsgerichte) huma responsabbli għat-trattament tal-appelli u t-tilwim kontra s-sentenzi tal-qrati tax-xogħol. It-Tribunal huwa ugwalment magħmul minn imħallef wieħed professjonali u żewġ imħallfin lajċi (wieħed li jirrappreżenta l-impegat u l-ieħor l-impjegatur).

Id-deċiżjonijiet fl-Aħħar Istanza jittieħdu mill-Qorti Federali tax-Xogħol (Bundesarbeitsgericht). Is-Senat ta’ din il-Qorti huwa magħmul minn imħallef li jippresjedi, żewġ imħallfin professjonali addizzjonali u żewġ imħallfin lajċi (wieħed li jirrappreżenta l-impjegat u l-ieħor l-impjegatur).

Qrati Amministrattivi

Tliet fergħat differenti tas-sistema tal-qorti huma responsabbli biex jeżaminaw id-deċiżjonijiet amministrattivi: il-qrati amministrattivi ġenerali, il-qrati soċjali u l-qrati finanzjarji. Il-qrati amministrattivi, soċjali u finanzjarji huma kkaretterizzati mill-fatt li huma obbligati li japplikaw il-prinċipju ex officio (bid-dritt tal-kariga). Għaldaqstant, il-qrati jridu jinvestigaw il-fatti tal-kawża fuq l-inizjattiva tagħhom stess (jiġifieri mhux wara talba minn waħda mill-partijiet, u mingħajr ma jintrabtu mal-evidenza li titressaq), u dan minħabba li l-eżattezza materjali tas-sentenza tal-kawża taffettwa l-interess pubbliku.

Qrati Amministrattivi Ġenerali

Il-Qrati Amministrattivi Ġenerali għandhom tliet livelli ta’ Istanzi.

  1. Fil-Qorti Ġenerali jinsabu l-Qrati Amministrattivi Reġjonali (Verwaltungsgerichte).
  2. Fit-Tieni Istanza jinsabu l-Qrati Amministrattivi Superjuri għal kull Stat Federali, li jissejħu Oberverwaltungsgerichte (jew Verwaltungsgerichtshof).
  3. Fl-Aħħar Istanza hemm il-Qorti Federali Amministrattiva (Bundesverwaltungsgericht).

Il-qrati amministrattivi reġjonali ġeneralment ikunu Qrati Ġenerali. Il-Qrati Amministrattivi Superjuri huma primarjament tribunali tal-appell, li jeżaminaw id-deċiżjonijiet tal-Qrati Ġenerali minn perspettiva legali u fattwali. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-Qorti Amministrattiva Federali hija qorti tal-appell li teżamina l-punti ta’ liġi biss (Revisionsgericht).

Fil-prinċipju, il-ġurisdizzjoni amministrattiva ġenerali hija responsabbli mit-tilwim kollu bejn l-amministrazzjonijiet u l-persuni privati dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġijiet u tar-regolamenti amministrattivi. Madankollu minflok il-qrati amministrattivi, meta l-kawża tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni fl-ekonomija skont il-liġi ċivili (li taġixxi bħala negozju privat) u għat-tilwim kollu li jirriżulta minn attivitajiet bħal dawn ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn il-qrati ordinarji. Barra minn hekk, it-tilwim li jiġi assenjat bil-liġi lill-qrati ordinarji, lill-qrati soċjali jew lill-ġurisdizzjoni finanzjarja jkun eżentat mill-ġurisdizzjoni amministrattiva ġenerali.

Fil-prinċipju, id-deċiżjonijiet fil-ġurisdizzjoni amministrattiva jittieħdu mit-tribunali. Il-qrati amministrattivi reġjonali huma magħmula minn tlitt imħallfin professjonali u minn żewġt imħallfin lajċi. Il-qorti amministrattiva superjuri ġeneralment tkun magħmula minn tlitt imħallfin professjonali. Il-Qorti Federali Amministrattiva tikkonsisti f’ħamest imħallfin professjonali. Madankollu, fil-qrati amministrattivi reġjonali, il-kawżi jistgħu jiġu rrinvijati quddiem imħallef individwali.

Qrati Soċjali

Il-ġurisdizzjoni soċjali, bħal dik amministrattiva, għandha tliet istanzi li jkopru diviżjoni xierqa tal-kompiti. Minbarra l-qorti soċjali reġjonali (Sozialgericht) (bħala Qorti Ġenerali), hemm qorti soċjali tal-Istat (Landessozialgericht) għal-Land f’kull Stat federali, qorti tal-appell u Qorti Federali Soċjali (Bundessozialgericht), li tagħmilha ta’ qorti suprema tal-appell fuq punti ta’ liġi (reviżjoni).

Il-qrati soċjali huma responsabbli prinċipalment biex jisimgħu tilwim fi kwistjonijiet tas-sigurtà soċjali (pensjonijiet, assigurazzjonijiet f’każijiet ta’ inċidenti u ta’ mard, u assigurazzjoni għal kura waqt il-konvalexxenza), tal-assigurazzjoni tal-qgħad u tal-għajnuna soċjali. Fil-ġurisdizzjoni soċjali wkoll, id-deċiżjonijiet jittieħdu, fil-prinċipju, mit-tribunali. Tribunal tal-qorti soċjali jkun magħmul minn imħallef professjonali wieħed u minn żewġt imħallfin lajċi. Il-qorti soċjali tal-Istat u l-qorti federali soċjali jikkonsistu fi tlitt imħallfin professjonali u f’żewġt imħallfin lajċi.

Qrati Finanzjarji

Il-ġurisdizzjoni fiskali tikkonsisti fil-qrati finanzjarji ġenerali u fil-Qorti Federali tal-Finanzi (Bundesfinanzhof), li tagħmilha ta’ qorti suprema tal-appell biss rigward punti ta’ liġi. Il-kompetenza tal-ġurisdizzjoni fiskali tkopri prinċipalment tilwim dwar imposti pubbliċi, taxxi u d-dwana. It-tribunali tal-qrati tal-finanzi huma magħmula minn tlitt imħallfin professjonali u minn żewġt imħallfin lajċi. Dawk tal-Qorti Federali tal-Finanzi huma magħmula minn ħamest imħallfin professjonali. Il-kawżi jistgħu jiġu rrinvijati quddiem imħallef individwali fil-qrati finanzjarji.

Qrati Speċjalizzati Oħra

Il-Qorti Federali Kostituzzjonali

Il-Qorti Federali Kostituzzjonali teżerċita ġurisdizzjoni rigward kwistjonijiet kostituzzjonali fuq il-livell federali. Id-deċiżjonijiet tagħha huma bbażati fuq il-liġi kostituzzjonali (Grundgesetz). L-ikbar numru ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti Federali Kostituzzjonali huma l-ilmenti kostituzzjonali. Dawn jiġu ppreżentati minn ċittadini li jsostnu li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom b’relazzjoni għal sentenzi, azzjonijiet tal-gvern jew atti leġiżlattivi. Ilment kostituzzjonali huwa ġeneralment validu biss jekk il-proċedimenti fil-qrati kompetenti l-oħra kollha jkunu sfaxxaw (jiġifieri d-deċiżjonijiet ittieħdu fl-Aħħar Istanza, jew eċċezzjonalment kien possibbli li jitressaq ilment kostituzzjonali direttament kontra att leġiżlattiv).

Hemm diversi tipi oħrajn ta’ proċedimenti. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-istħarriġ ġudizzjarju astratt u konkret tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, u proċeduri biex ikun ivverifikat jekk l-istituzzjonijiet kostituzzjonali federali rrispettawx il-limiti tal-kompetenza tagħhom. Ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Federali Kostituzzjonali jistgħu jakkwistaw forza legali. Il-qorti tikkonsisti f’żewġ senati, magħmula f’kull każ minn tmint imħallfin. Il-qorti tiddeċiedi fl-uffiċċji tal-imħallfin, b’kull wieħed ikun magħmul minn tlitt imħallfin, jew minn senat; fil-parti l-kbira mingħajr seduti orali.

Qrati Kostituzzjonali tal-Istat (Landesverfassungsgerichte)/Qrati Superjuri tal-Istat (Staatsgerichtshof)

Il-qrati kostituzzjonali tal-Istat jew il-qrati superjuri tal-Istat huma qrati kostituzzjonali tal-Istati Federali rispettivi (Länder). Huma jiddeċiedu prinċipalment dwar it-tilwim kostituzzjonali taħt il-liġi tal-Istat (Landesrecht), b’din tal-aħħar tirregola anki l-istabbiliment, l-amministrazzjoni u l-kompetenza tagħhom.

Ħoloq Relatati mas-Suġġett

Qorti Federali tax-Xogħol

Qorti Federali Amministrattiva

Qorti Federali Soċjali

Qorti Federali Finanzjarja

Qorti Federali Kostituzzjonali

L-aħħar aġġornament: 29/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.