Qrati ordinarji nazzjonali

Spanja

L-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 jistabbilixxi l-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali bbażata fuq l-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Tribunali. Dan il-prinċipju jimmanifesta ruħu fl-eżistenza ta’ ġuriżdizzjoni unika, magħmula minn korp uniku ta’ mħallfin u maġistrati li jiffurmaw il-Ġuriżdizzjoni Ordinarja. Jeżistu diversi qrati u tribunali li jqassmu xogħolhom skont il-kriterji għat-tqassim skont il-kompetenza: is-suġġett, l-ammont, il-persuna, il-funzjoni jew it-territorju, billi l-Għaqda Ġuriżdizzjonali ma teskludix l-eżistenza ta’ organi differenti b’kompetenzi differenti.

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 tipproklama li Spanja hija Stat Soċjali u Demokratiku bbażat fuq l-Istat tad-Dritt li bħala valuri superjuri tal-ordni ġuridiku tiegħu għandu l-libertà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-pluraliżmu politiku.It-Titolu VI tal-Kostituzzjoni huwa ddedikat lill-Ġudikatura u l-Artikolu 117 tiegħu jistabbilixxi li l-prinċipju tal-għaqda ġuriżdizzjonali huwa l-bażi għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Tribunali.

Dawn il-prinċipji jsostnu l-Organizzazzjoni tal-Qrati u t-Tribunali fi Spanja u jirriżultaw fl-eżistenza ta’ korp wieħed ta’ mħallfin u maġistrati li huma indipendenti, li ma jistgħux jitneħħew, li huma responsabbli u li huma suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-istat tad-dritt.

Il-qrati u t-tribunali ddeterminati mil-liġi u mit-trattati internazzjonali huma responsabbli esklussivament għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja billi jaqtgħu u jeżegwixxu s-sentenzi.

It-Tribunali ordinarji - introduzzjoni

Jeżistu diversi qrati u tribunali li jqassmu xogħolhom skont kriterji differenti għat-tqassim skont il-kompetenza stabbilita mil-liġi: is-suġġett, l-ammont, il-persuna, il-funzjoni jew it-territorju, billi l-Għaqda Ġuriżdizzjonali ma teskludix l-eżistenza ta’ organi differenti b’kompetenzi differenti. Il-qrati u t-tribunali jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom biss fil-każijiet fejn il-liġi tagħtihielhom.

Il-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, prevista mill-Artikolu 122 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978, hija dik li tiddetermina l-kostituzzjoni, il-funzjonament u t-tmexxija tal-qrati u t-tribunali.

Trid issir distinzjoni bejn tliet aspetti fundamentali;

  • l-aspett territorjali.
  • in-natura individwali jew kolleġjali tal-organi.
  • l-aspett kompetenzjali.

L-aspett territorjali

Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Liġi Organika 6/1985 tal-1 ta’ Lulju dwar il-Ġudikatura, l-Istat jinqasam territorjalment, għall-finijiet tal-ġudikatura, f’muniċipalitajiet, distretti, provinċji u komunitajiet awtonomi.

L-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja jingħata lill-qrati u t-tribunali li ġejjin: il-Kummissarji tal-Ġustizzja (Juzgados de Paz), il-Qrati tal-Ewwel Istanza u tal-Kumpilazzjoni (Juzgados de Primera Instancia e Instrucción), il-Qrati Kummerċjali (Juzgados de lo Mercantil), il-Qrati tal-Vjolenza kontra n-Nisa (Juzgados de Violencia sobre la Mujer), il-Qrati Kriminali (Juzgados de lo Penal), il-Qrati Amministrattivi (Juzgados de lo Contencioso-Administrativo), il-Qrati Industrijali (Juzgados de lo Social), il-Qrati tal-Minuri (Juzgado de Menores), il-Qrati ta’ Viġilanza Penitenzjarja (Juzgados de Vigilancia Penitenciaria), il-Qrati Provinċjali (Audiencias Provinciales), it-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja (Tribunales Superiores de Justicia), il-Qorti Nazzjonali (Audiencia Nacional) u t-Tribunal Suprem (Tribunal Supremo).

Il-Qorti Nazzjonali, it-Tribunal Suprem, i l-Qrati Ċentrali tal-Kumpilazzjoni (Juzgados Centrales de Instrucción) u l-Qrati Amministrattivi Ċentrali (Juzgados Centrales de lo Contencioso‑administrativo) għandhom awtorità ġuriżdizzjonali fit-territorju nazzjonali kollu.

Organi ġudizzjarji bi mħallef wieħed u b’kulleġġ ta’ mħallfin

L-organi kollha huma bi mħallef wieħed bl-eċċezzjoni tat-Tribunal Suprem, il-Qorti Nazzjonali, it-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Provinċjali.

It-Tribunal Suprem ibbażat f’Madrid huwa l-organu ġudizzjarju superjuri għall-ordnijiet kollha, soġġett għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-garanziji kostituzzjonali. Il-Qorti Suprema hija ffurmata mill-President tagħha, il-Presidenti tal-Awla u l-Maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-Awli u t-Taqsimiet tagħhom.

It-Tribunal Suprem huwa magħmul mill-awli li ġejjin:

  • L-ewwel: l-Awla Ċivili.
  • It-tieni: l-Awla Kriminali.
  • It-tielet: l-Awla Amministrattiva.
  • Ir-raba’: l-Awla Industrijali.
  • Il-ħames: l-Awla Militari, li hija rregolata mil-leġiżlazzjoni speċifika tagħha u,fuq bażi supplimentari mil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (LOPJ) u mir-regolamenti komuni tal-Awli tat-Tribunal Suprem.

Il-Qorti Nazzjonali ibbażata f’Madrid għandha ġuriżdizzjoni fi Spanja kollha. Hija magħmula mill-President tagħha, il-Presidenti tal-Awla u l-Maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-Awli u t-Taqsimiet tagħhom (tal-Appelli, Kriminali, Amministrattiva u Industrijali).

Hemm Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja f’kull Komunità Awtonoma li tkun huma l-ogħla tribunali fl-organizzazzjoni ġudizzjarja fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal Suprem. It-Tribunal Superjuri tal-Ġustizzja jieħu isem il-Komunità Awtonoma kkonċernata u jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għat-territorju tagħha.

Huwa magħmul minn tliet awli: dik Ċivili u Kriminali, dik Amministrattiva u dik Industrijali.

Huma ffurmati minn President, li jkun ukoll il-President tal-Awli Ċivili u Kriminali; il-Presidenti tal-Awla u l-Maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull Sala tagħhom u, meta japplika, tat-Taqsimiet li jistgħu jinħolqu fi ħdanhom.

Il-Qrati Provinċjali jkunu bbażati fil-kapitali tal-provinċja li jieħdu isimha u li l-ġuriżdizzjoni tagħhom, bħala regola ġenerali, tkopri l-provinċja kollha. Huma magħmula minn President u żewġ Maġistrati jew aktar. Huma jistgħu wkoll ikunu komposti minn żewġ taqsimiet jew iktar tal-istess kompożizzjoni, u f’dak il-każ il-President tal-Qorti jippresjedi waħda mit-Taqsimiet.

Huma jisimgħu kawżi ċivili u kriminali.

L-Uffiċċju Ġudizzjarju

Il-Liġi Organika tal-Ġudikatura tiddefinixxi l-Uffiċċju Ġudizzjarju bħala "l-organizzazzjoni ta' natura strumentali li toffri sostenn u appoġġ għall-attività ġuriżdizzjonali tal-qrati u t-tribunali."

Dan kien imfassal biex itejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-organi ġudizzjarji u t-trasparenza tal-proċessi ġudizzjarji, iħaffef il-qtugħ tal-kawżi, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn id-diversi servizzi u unitajiet li jiffurmaw l-Uffiċċju Ġudizzjarju. Għaldaqstant, it-tnedija tiegħu hija reazzjoni għall-impenn lejn servizz pubbliku eqreb taċ-ċittadin u ta' kwalità, b'konformità mal-valuri kostituzzjonali u adattat għall-bżonnijiet reali taċ-ċittadini.

Dan huwa mudell organizzattiv ġdid li jintroduċi tekniki moderni ta' ġestjoni, ibbażati fuq il-kumbinazzjoni ta' unitajiet amministrattivi differenti; Unitajiet Proċedurali ta' Appoġġ dirett, li huma ekwivalenti għall-qrati l-antiki, li jappoġġaw lill-Imħallef jew Maġistrat fil-funzjoni ġuriżdizzjonali tiegħu u Servizzi proċedurali komuni, immexxija minn uffiċjali ġudizzjarji (Letrados de la Administración de Justicia) li jwettqu u jiddeċiedu l-funzjonijiet kollha li ma jkunux strettament ġuriżdizzjonali, fosthom: jirċievu dokumenti, jieħdu ħsieb in-notifiki, jeżegwixxu d-deċiżjonijiet, jittrattaw proċedimenti mhux ġudizzjarji, jilqgħu rikorsi għall-ftuħ ta' kawża, jinnotifikaw il-partijiet, jirrimedjaw nuqqasijiet proċedurali.

Hemm tliet tipi ta' Servizzi komuni proċedurali:

  • Is-Servizz Komuni Ġenerali
  • Is-Servizz Komuni tal-Ġestjoni tal-Kawża
  • Is-Servizz Komuni tal-Eżekuzzjoni

L-aspett kompetenzjali

Flimkien mal-element territorjali, is-suġġetti u l-kwistjonijiet li jistgħu jisimgħu l-qrati u t-tribunali jinqasmu f'erba’ oqsma ġuriżdizzjonali:

Ċivili: It-tribunali u l-qrati ċivili, minbarra l-kawżi fil-kompetenza tagħhom, jisimgħu wkoll il-kawżi li ma jkunux koperti mill-kompetenzi tal-qrati l-oħrajn. Għalhekk jistgħu jiġi kklassifikati bħala qrati ordinarji jew komuni.

Kriminali: Kawżi u proċessi kriminali jridu jinstemgħu fis-sistema kriminali, ħlief dawk koperti mill-ġuriżdizzjoni militari.Hija karatteristika tal-liġi Spanjola li l-kawża ċivili li tirriżulta minn reat kriminali tista’ titressaq fl-istess ħin ma' azzjoni kriminali. F’każ bħal dan, il-qorti kriminali tiddeċiedi d-danni xierqa sabiex tagħmel tajjeb għat-telf ikkawżat mid-delitt.

Amministrattiv: Il-Kostituzzjoni tiddikjara li l-qrati jikkontrollaw l-awtorità regolatorja u l-legalità tal-azzjoni amministrattiva, kif ukoll il-konformità ta’ din l-azzjoni amministrattiva mal-għanijiet li jiġġustifikawha. Il-Qrati Amministrattivi eżaminaw il-legalità tal-atti mwettqa mill-awtoritajiet, inklużi t-talbiet finanzjarji kontrihom. Dan minħabba li skont it-termini stabbiliti mil-liġi, l-individwi għandhom il-jedd li jkunu kkumpensati għal kull telf li jistgħu jsofru fir-rigward tal-beni u l-jeddijiet tagħhom, ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, bil-kundizzjoni li t-telf ikun ikkawżat mill-funzjonament tas-servizzi pubbliċi.

Industrijali: tisma’ l-pretensjonijiet fil-qasam tad-dritt industrijali, kemm f’kunflitti individwali u kemm f’kunflitti kollettivi, kif ukoll talbiet fil-materja tas-Sigurtà Soċjali jew kontra l-Istat meta jkollu responsabbiltà skont il-leġiżlazzjoni industrijali.

Minbarra l-erba’ oqsma ġuriżdizzjonali, fi Spanja hemm ukoll il-Ġuriżdizzjoni Militari.

Il-Ġuriżdizzjoni Militari hija eċċezzjoni għall-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali.

Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-attività ġudizzjarja u tistabbilixxi l-unità tal-Ġudikatura tal-Istat. L-organi tal-ġuriżdizzjoni militari, li jifformaw parti mill-Ġudikatura tal-Istat, jibbażaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħhom fuq il-prinċipju tal-unità ġudizzjarja. Huma jamministraw il-ġustizzja fil-qasam strettament militari u, meta japplika, fuq materji li jistabbilixxu d-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ assedju skont il-Kostituzzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet kriminali, proċedurali u dixxiplinari militari.

Il-kompetenza tal-ġuriżdizzjoni militari fi żmien ta’ paċi hija limitata għall-ambitu strettament militari, jiġifieri li tisma’ kawżi ta’ kondotta kklassifikata bħala reat fil-kodiċi kriminali militari, bil-kompetenza tagħha tiġi estiża għal kwalunkwe tip ta’ reat fil-każ ta’ truppi stazzjonati barra mit-territorju nazzjonali. Fi żmien ta’ gwerra, il-Liġi Organika 4/1987 dwar il-Kompetenza u l-Organizzazzjoni tal-Ġuriżdizzjoni Militari tipprevedi tibdil f’dan l-ambitu, għalkemm huwa l-Parlament li jrid jieħu dik id-deċiżjoni u, f’każ li jkun ġie awtorizzat, il-Gvern.

Fis-sistema ċivili, il-qrati militari huma kompetenti li jipprevjenu l-proċedimenti tas-suċċessjoni testamentarja jew intestata tal-membri tal-forzi armati li, fi żminijiet ta’ gwerra, imutu fil-ġlied jew fil-baħar, u jillimitawhom għall-assistenza essenzjali biex isir id-dfin tad-deċedut u l-ħolqien tal-inventarju fiżiku u l-iżgurar tal-beni tiegħu, filwaqt li tinżamm infurmata l-awtorità ġudizzjarja ċivili kompetenti.

L-organi ġuridizzjarji militari huma ffurmati minn persunal militari professjonali, membri tal-Forzi Armati u impjegati tal-Ministeru tad-Difiża.

Dawn kollha jiffurmaw it-tribunali militari: il-Qrati Militari Territorjali (Juzgados Togados Territoriales), il-Qrati Militari Ċentrali (Juzgados Togados Centrales), it-Tribunali Militari Territorjali (Tribunales Militares Territoriales), u t-Tribunal Militari Ċentrali (Tribunal Militar Central). Madankollu, fil-quċċata tal-ġuriżdizzjoni militari hemm il-Ħames Awlaª tat-Tribunal Suprem.

It-Tribunal Militari Ċentrali bbażat f’Madrid għandu l-ġuriżdizzjoni tat-territorju nazzjonali kollu u jikkostitwixxi tribunal ċentralizzat li jisma’ l-kawżi assenjati lilu mil-Liġi Organika 4/1987 tal-15 ta’ Lulju, dwar il-Kompetizzjoni u l-Organizzazzjoni tal-Ġuriżdizzjoni Militari.

Il-Qrati Militari Reġjonali (Juzgados Togados Militares) huma responsabbli għall-investigazzjoni ta’ proċedimenti kriminali militari bbażati fuq atti li seħħew fiż-żona tal-ġuriżdizzjoni tagħhom u li s-smigħ ta’ dawn il-proċedimenti huwa tat-Tribunal Militari Territorjali rispettiv u tal-qorti tal-viġilanza penitenzjarja fir-rigward tal-istabbilimenti penitenzjarji militari u tal-ħabsin tagħha, fost funzjonijiet oħrajn.

Il-ħolqien ta’ Awla Militari fi ħdan it-Tribunal Suprem, soġġetta f’termini tas-sistema tagħha u l-istatus tal-membri tagħha għall-istess regoli bħall-awli l-oħra, tirrappreżenta l-unità fil-quċċata, taż-żewġ ġuriżdizzjonijiet li jiffurmaw il-ġudikatura.

Il-kompożizzjoni ta’ din l-awla ta’ maġistrati kemm mill-ġuriżdizzjoni ordinarja kif ukoll minn dik militari hija garanzija tal-piż tal-ħidma ġuriżdizzjonali tal-ogħla livell, li normalment tissejjaħ biex taġixxi fl-evalwazzjoni ta’ appelli fuq punti tal-liġi u rieżami, anki jekk, loġikament, jintuża fond ta’ persunal estern li jkollu pożizzjoni militari għolja b’responsabbiltà għall-persunal militari li jkun se jiġi ġġudikat minn din l-awla.

Ma jeżisti l-ebda qasam ġuriżdizzjonali straordinarju fi Spanja, madankollu nistgħu nirrimarkaw li fl-oqsma ġuriżdizzjonali li diġà ssemmew, ġew stabbiliti Qrati speċjalizzati fuq is-suġġett. Bħal, pereżempju, il-qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, il-qrati ta' viġilanza penitenzjarja u qrati tal-minuri. Dawn il-qrati għandhom ġuriżdizzjoni ordinarja bi speċjalizzazzjoni minħabba s-suġġett li jittrattaw. Għal aktar informazzjoni, ara “qrati u tribunali speċjalizzati fi Spanja.”

Billi nanalizzaw l-erba’ oqsma ġuriżdizzjonali li jeżistu, se neżaminaw il-kompetenza tad-diversi qrati u tribunali f’dawn is-suġġetti.

Il-qasam ġudizzjarju ċivili

L-Ewwel Awla tat-Tribunal Suprem, l-Awla Ċivili u Kriminali tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja, it-Taqsimiet Ċivili tal-Qrati Provinċjali, il-Qrati tal-Ewwel Istanza u l-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja flimkien ma' ċerti qrati speċjalizzati (Qrati tal-Familja, Qrati Kummerċjali, Qrati tat-Trademark Komunitarja, Qrati tal-Vjolenza kontra n-Nisa) għandhom il-kompetenza fil-qasam ġuridizzjarju ċivili.

Il-Qrati Kummerċjali, tat-Trademark Komunitarja, tal-Vjolenza kontra n-Nisa huma analizzati fid-dettall fil-paġna dwar il-Ġuriżdizzjoni Speċjalizzata fi Spanja.

Il-qasam ġudizzjarju kriminali

It-Tieni Awla tat-Tribunal Suprem, l-Awla Kriminali tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Ċivili u Kriminali tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja, it-Taqsimiet Kriminali tal-Qrati Provinċjali, il-Qrati Kriminali, il-Qrati tal-Kumpilazzjoni, il-Qrati tal-Minuri, il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja, il-Qrati tal-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja għandhom il-kompetenza fil-qasam ġudizzjarju kriminali.

Il-Qrati tal-Minuri, il-Qrati ta' Viġilanza Penitenzjarja u l-Qrati tal-Vjolenza kontra n-Nisa huma analizzati fid-dettall fil-paġna dwar il-Ġuriżdizzjoni Speċjalizzata fi Spanja.

Il-qasam ġudizzjarju amministrattiv

L-organi ġuriżdizzjonali fil-qasam amministrattiv huma t-Tielet Awla tat-Tribunal Suprem, l-Awla Amministrattiva tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Amministrattiva tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja, il-Qrati Amministrattivi Ċentrali u l-Qrati Amministrattivi.

Il-qasam ġudizzjarju industrijali

Il-qasam industrijali huwa magħmul mir-Raba’ Awla tat-Tribunal Suprem, l-Awla Industrijali tal-Qorti Nazzjonali, l-Awla Industrijali tat-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Industrijali.

Il-kompetenzi tal-organi kollha msemmija fuq huma stabbiliti fil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura.

Ħoloq relatati

Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura fi Spanja

Il-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura

L-aħħar aġġornament: 10/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna