Qrati ordinarji nazzjonali

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fis-Slovakkja.

Il-qrati ordinarji – introduzzjoni

Is-setgħa ġudizzjarja fir-Repubblika Slovakka hija eżerċitata minn qrati indipendenti u imparzjali. Fil-livelli kollha, il-kwistjonijiet ġudizzjarji huma separati minn dawk ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Il-bażi ta’ data tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk Slov-Lex

Il-proġett tal-“Ġabra Elettronika ta’ Atti Leġiżlattivi (Slov-Lex)” tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk huwa bbażat fuq żewġ sistemi ta’ informazzjoni interkonnessi:

  1. eZbierka (Ġabra elettronika) — sistema ta’ informazzjoni li tipprovdi testi elettroniċi konsolidati vinkolanti tal-leġiżlazzjoni u standards oħra għal dawk indirizzati mil-liġi
  2. eLegislatíva (Leġiżlazzjoni elettronika) — sistema ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-proċess għall-istadji kollha tal-proċess leġiżlattiv, mgħammra b’għodod ta’ editjar avvanzati għal-leġiżlaturi

Benefiċċji għall-gruppi fil-mira:

Il-prinċipju legali fundamentali li l-persuni kollha jkunu familjari mal-liġi kif valida u fis-seħħ u jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom huwa dejjem aktar diffiċli biex jiġi applikat fil-prattika minħabba ż-żieda fil-volum u fil-kumplessità tal-liġijiet. Il-proġett Slov-Lex se jgħin biex itejjeb l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju billi jiżgura aċċess effettiv għal kulħadd għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ:

  • iċ-ċittadini – it-taqsima eZbierka tal-proġett b’mod partikolari se ġġib benefiċċji fil-forma ta’ aċċess imtejjeb b’mod formali u sostantiv għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, bla ħlas, u għarfien akbar tal-leġiżlazzjoni ġdida
  • il-ġuristi — se jiksbu aċċess kontinwu għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-possibbiltà li jiġu notifikati dwar leġiżlazzjoni ġdida Slovakka jew tal-Unjoni Ewropea, kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod speċifiku f’termini tar-regolamenti li jirregolaw l-oqsma li jispeċjalizzaw fihom
  • l-imprendituri — se jiksbu wkoll aċċess kontinwu bla ħlas għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-possibbiltà li jiġu mgħarrfa dwar leġiżlazzjoni ġdida Slovakka jew tal-Unjoni Ewropea, kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod speċifiku f’termini tar-regolamenti li jirregolaw l-oqsma li joperaw fihom; ambjent regolatorju mtejjeb joħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-imprenditorija u jnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat man-negozju
  • l-awtoritajiet lokali u reġjonali — se jiksbu aċċess kontinwu bla ħlas għas-sorsi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, filwaqt li fl-istess ħin se jitnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom (l-obbligu amministrattivament impenjattiv u għali sabiex jipprovdu aċċess fil-ġranet tax-xogħol għall-Ġabra ta’ Atti Leġiżlattivi, marbut ma’ abbonament u l-arkivjar ta’ kopja stampata tal-Ġabra), billi jiġi sostitwit l-obbligu oneruż li jiżguraw aċċess assistit għall-Ġabra fil-jiem tax-xogħol
  • l-amministrazzjonijiet pubbliċi — il-proġett minn naħa se jipprovdi aċċess kontinwu bla ħlas għas-sorsi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, se jnaqqas il-piż amministrattiv u, għalhekk, l-ispiża finanzjarja tal-proċess leġiżlattiv, kif ukoll il-possibbiltà li jittejjeb it-twettiq tal-kompiti fl-oqsma tat-tfassil tal-liġijiet u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea
  • l-awtoritajiet ġudizzjarji — se jiksbu aċċess kontinwu u rapidu għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi kwalunkwe jum magħżul fl-istorja, u l-possibbiltà ta’ referenzi minn deċiżjonijiet ġudizzjarji għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi żmien partikolari, li jwassal għall-possibbiltà li tal-anqas jiġu eliminati parzjalment l-attivitajiet ta’ rutina u tiżdied l-effiċjenza tal-ħidma tal-imħallfin u tal-uffiċjali tal-qrati
  • il-korpi leġiżlattivi — se jkunu jistgħu jużaw għodda effiċjenti biex ifasslu l-leġiżlazzjoni u jamministraw il-proċess leġiżlattiv, li se teħlishom minn ftit burokrazija u tippermettilhom li jiffukaw aħjar fuq il-kontenut tal-proposti pendenti.

L-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji

Is-sistema tal-qrati tas-Slovakkja

Il-ġudikatura Slovakka tinkludi:

  • qrati distrettwali (54)
  • qrati reġjonali (8)
  • il-Qorti Kriminali Speċjalizzata
  • il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka

Ġuriżdizzjoni tal-qrati

Il-qrati distrettwali

Il-qrati distrettwali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza f’kawżi ċivili u kriminali, ħlief meta r-regoli li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti jistipulaw mod ieħor.

Huma jittrattaw ukoll kawżi elettorali, meta jkun stipulat mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

Il-qrati reġjonali

Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tat-tieni istanza f’kawżi ċivili u kriminali li jkunu nstemgħu fil-prim’istanza mill-qrati distrettwali.

Ir-regoli ta’ proċedura jispeċifikaw il-kawżi ċivili u kriminali li fihom il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza.

Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza f’kawżi amministrattivi, ħlief fejn ikun stipulat mod ieħor minn leġiżlazzjoni speċjali.

Huma jittrattaw ukoll kawżi oħra fejn stipulat minn leġiżlazzjoni speċjali (l-Att Nru 166/2003 dwar il-protezzjoni tal-privatezza kontra l-użu mhux awtorizzat tat-teknoloġija tal-informazzjoni u li jemenda ċerti atti oħra).

Il-Qorti Kriminali Speċjalizzata

Il-Qorti Kriminali Speċjalizzata tiddeċiedi dwar kwistjonijiet kriminali u kwistjonijiet oħra kif stipulat mir-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-qorti.

Il-Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema għandha ġuriżdizzjoni:

  • fl-appelli ordinarji kontra deċiżjonijiet mill-qrati reġjonali u l-Qorti Kriminali Speċjalizzata, fejn previst mir-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-qorti;
  • fl-appelli straordinarji kontra deċiżjonijiet mill-qrati distrettwali, il-qrati reġjonali, il-Qorti Kriminali Speċjalizzata u l-Qorti Suprema, meta jkun previst mir-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-qorti;
  • fil-kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni bejn il-qrati u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-gvern ċentrali;
  • fir-riassenjazzjoni ta’ kawża lil qorti li ma tkunx il-qorti kompetenti, meta jkun previst mir-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-qorti;
  • f’kawżi oħra, meta jkun previst minn Att jew trattat internazzjonali.

Il-Qorti Suprema tirrieżamina d-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati f’kawżi fejn tkun ingħatat is-sentenza finali.

Il-Qorti Suprema tissorvelja l-interpretazzjoni uniformi u l-applikazzjoni konsistenti tal-liġijiet u atti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali:

  • permezz tad-deċiżjonijiet proprji tagħha;
  • billi toħroġ opinjonijiet li jkollhom l-għan li jgħaqqdu l-interpretazzjoni tal-liġijiet u atti oħra ta’ interpretazzjoni ġenerali;
  • billi tippubblika deċiżjonijiet finali tal-qorti ta’ importanza ewlenija fir-Rapporti tal-Opinjonijiet tal-Qorti Suprema u d-Deċiżjonijiet tal-Qrati tar-Repubblika Slovakka.

Ħoloq relatati

Il-Ministeru tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 10/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.