Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Qrati ordinarji nazzjonali

Skozja

Din il-paġna tagħtik introduzzjoni tal-qrati ordinarji fil-ġuriżdizzjoni Skoċċiża tar-Renju Unit.

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

Il-Qorti tas-Sessjoni (Court of Session), il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (High Court of Justiciary), il-Qrati tax-Sheriff (Sheriff Courts) u l-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja (Justice of the Peace Courts) huma amministrati mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service (SCTS)), li huwa korp indipendenti presedut mil-Lord President, l-iktar imħallef anzjan fl-Iskozja.

Il-Qrati Supremi tal-Iskozja

Fl-Iskozja, dawn jikkonsistu fil-Qorti tas-Sessjoni u l-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tas-Sessjoni

Il-Qorti tas-Sessjoni hija l-qorti ċivili suprema fl-Iskozja u tinsab f'Parliament House f'Edinburgu. Hija għandha kompetenza ta' qorti tal-appell kif ukoll ta' qorti ċivili li tittratta tilwim fosthom kawżi relatati mal-irkupru tad-dejn, mad-danni, mal-azzjonijiet tal-familja u mal-kummerċ.

Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja

Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tittratta l-appelli kriminali li jiġu minn kwistjonijiet ta’ ċerta gravità u l-kawżi kriminali gravi. Il-kawżi jinstemgħu quddiem imħallef u ġurija.

Meta tkun qed tisma' l-kawżi tal-appell, is-seduta ssir f'Edinburgu.  Għal kwistjonijiet oħrajn il-qorti għandha bażi permanenti f'Edinburgu, Glasgow u Aberdeen imma jinstemgħu kawżi fi bliet oħrajn madwar l-Iskozja wkoll.

Il-Qrati tax-Sheriff

Għal finijiet ġuridiċi, l-Iskozja hija maqsuma f'sitt reġjuni msejħa "Sheriffdoms". Kull Sheriffdom għandu Sheriff Prinċipali li, minbarra li jisma' l-appelli fi kwistjonijiet ċivili waqt li jkun f’seduta ta’ appell, għandu r-responsabbiltà li l-kwistjonijiet kollha quddiem il-Qrati tax-Sheriff jiġu solvuti b'mod effiċjenti.

F’dawn ix-Sheriffdoms, hemm b’kollox 39 Qorti tax-Sheriff li jvarjaw fl-għamla u fid-daqs, iżda kollha bl-istess għan.

Il-kawżi jinstemgħu quddiem imħallef imsejjaħ Sheriff. Xogħol il-Qrati tax-Sheriff jistgħu jitqassmu fi tliet kategoriji ewlenin ta' xogħol ċivili, kriminali u tal-kummissarjat, u huwa amministrat mill-iskrivana tax-sheriff lokali u l-persunal tagħhom.

Ix-Sheriffs tal-Proċeduri Sommarji (Summary Sheriffs) għandhom l-awtorità biex iwettqu xi wħud mid-dmirijiet ta’ Sheriff kemm fil-proċedimenti kriminali kif ukoll f’dawk ċivili.

Barra minn hekk, hemm Qorti ġdida għad-Danni Personali għall-Iskozja kollha li tinsab f’Edinburgu.

Il-Qorti tal-Appell tax-Sheriff tista’ tkun magħmula minn imħallef Sheriff wieħed jew tlieta li jippresjedu fuq appelli ċivili li jirriżultaw mill-kawżi tal-Qrati tax-Sheriff.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali tax-Sheriff tisma’ l-appelli fir-rigward ta’ materji kriminali kontra d-deċiżjonijiet tax-Sheriffs u tal-Kummissarji tal-Ġustizzja.  Hija tisma’ wkoll l-appelli kollha kontra d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-ħelsien mill-arrest meħuda fil-Qrati tax-Sheriff u fil-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja.

Kawżi ċivili

Il-parti l-kbira tal-kawżi ċivili jinvolvu tilwim bejn persuni jew organizzazzjonijiet. Il-Qrati tax-Sheriff jisimgħu tliet tipi differenti ta’ kawżi:

  • Kawżi ordinarji, li jittrattaw l-aktar dwar kawżi li jinvolvu d-divorzju, it-tfal, tilwim dwar proprjetà, u kawżi dwar djun/danni akbar minn £5,000.  Bl-eċċezzjoni ta’ kawżi tal-familja (sakemm ma jkunx qed jintalab biss il-manteniment) kawżi ta’ £100,000 jew inqas jistgħu jitressqu biss fil-Qorti tax-Sheriff.
  • Kawżi bi proċedura sommarja, li jużaw proċedura simplifikata li tittratta prinċipalment tilwimiet li jinvolvu arretrati tal-kera fir-rigward tal-akkomodazzjoni soċjali, u danni li jirriżultaw minn korrimenti personali b’valur monetarju ta’ £5000 jew inqas.
  • Proċedura sempliċi, li tittratta pretensjonijiet b’valur monetarju ta’ £5000 jew inqas li jitolbu l-ħlas, il-konsenja jew l-irkupru tal-pussess ta’ proprjetà mobbli, jew ordni biex xi ħadd biex jagħmel xi ħaġa speċifika.

Barra minn hekk, il-Qorti tax-Sheriff tittratta ħafna rikorsi u proċeduri ċivili oħrajn inklużi:

  • L-adozzjoni tat-tfal
  • Il-likwidazzjoni tal-kumpaniji
  • L-inkjesti ta' inċidenti fatali
  • Il-fallimenti

Il-kawżi kriminali

Il-kawżi kriminali tal-Qorti tax-Sheriff jistgħu jitressqu bi proċedura solenni jew sommarja. Hija r-responsabbiltà tal-Prosekutur (Procurator Fiscal) li jiddeċiedi liema proċedura għandha tiġi segwita għal kawża partikolari.

Il-proċedura solenni tintuża f'kawżi gravi fejn l-akkuża tista' twassal għal sentenza ta' iktar minn tnax-il xahar priġunerija jew multa illimitata. Il-kawżi jinstemgħu quddiem Sheriff li jippresedi flimkien ma' ġurija.

Proċedura sommarja tintuża l-aktar għal kawżi inqas gravi u fiha x-Sheriff jisma’ l-kawża mingħajr ġurija. Għalkemm is-setgħat ta' sentenzjar tax-Sheriff huma limitati għal tnax-il xahar priġunerija, hemm drabi fejn dawn ikunu jistgħu jiżdiedu.

Xogħol tal-kummissarjat

Ix-xogħol tal-kummissarjat jittratta l-aktar it-tqassim tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Is-setgħa mogħtija mill-qorti biex tippermetti li eżekutur jiġbor u jqassam il-patrimonju tissejjaħ "konferma” (confirmation). Din tingħata biss wara li jkun ġie ppreżentat il-qorti inventarju tal-patrimonju tal-persuna deċeduta.

Jekk il-patrimonju jkollu valur gross ta’ mhux aktar minn £36,000, jiġi kklassifikat bħala "patrimonju żgħir" u l-persuna li tkun qed titlob konferma tkun assistita biex timla l-formola xierqa mill-impjegati tal-uffiċċju tad-deputat tax-sheriff lokali. Jekk il-valur tal-patrimonju jkun aktar minn £36,000, huwa rakkomandat li l-persuna li tkun qed titlob konferma tikkonsulta avukat (solicitor).

Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Kummissarju tal-Ġustizzja hija qorti mhux professjonali fejn kummissarju tal-ġustizzja li ma jkunx ikkwalifikat fil-liġi jippresedi flimkien ma' skrivan li jkun ikkwalifikat fil-liġi. L-iskrivan jipprovdi pariri lill-ġudikant dwar materji ta' liġi u proċedura. Il-Qorti tittratta prinċipalment kawżi kriminali inqas serji bi proċeduri sommarji. Is-sentenza massima li jista' jimponi kummissarju tal-ġustizzja hija ta' 60 jum priġunerija jew multa ta' mhux iktar minn £2,500.

L-iskrivan tax-sheriff huwa responsabbli għax-xogħol amministrattiv kollu fil-Qorti tax-Sheriff u fil-Qorti tal-Kummissarju tal-Ġustizzja inkluż:

  • Il-ġbir tal-multi u l-ordnijiet ta' kumpens
  • Il-ħruġ ta' kopji tal-ordnijiet tal-qorti, bħal dawk relatati mal-ħelsien mill-arrest, ordnijiet ta' servizz lill-komunità jew ordnijiet ta’ restrizzjoni tal-libertà.
  • Iċ-ċitazzjoni u l-ġestjoni tal-ġurati.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar il-qrati fl-Iskozja tinsab fis-sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi.

Ħoloq relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi

L-aħħar aġġornament: 28/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.