Qrati ordinarji nazzjonali

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Qrati ordinarji - daħla

Il-qrati ċivili

It-tilwim privat jitressaq quddiem il-qrati ċivili, inklużi l-każijiet ta' ġurisdizzjoni volontarja assenjati lil dawn il-qrati bil-liġi.

Il-qrati ċivili jinkludu:

  1. il-Qorti Suprema (Άρειος Πάγος);
  2. il-qrati tal-appell (εφετεία);
  3. il-qrati tal-prim'istanza b'numru ta' mħallfin (πολυμελή πρωτοδικεία);
  4. il-qrati tal-prim'istanza b'membru wieħed (μονομελή πρωτοδικεία);
  5. il-qrati ċivili tad-distrett (ειρηνοδικεία).

Qrati kriminali

Il-Qrati Kriminali jisimgħu l-kawżi kriminali.

Il-qrati kriminali jinkludu:

  1. il-Qorti Suprema;
  2. il-qrati tal-appell b'ħames membri (πενταμελή εφετεία);
  3. il-qrati b'ġurija mħallta (μεικτά ορκωτά δικαστήρια);
  4. il-qrati tal-appell b'ġurija mħallta (μεικτά ορκωτά εφετεία);
  5. il-qrati tal-appell bi tliet membri (τριμελή εφετεία);
  6. il-qrati tal-maġistrati bi tliet membri (τριμελή πλημμελειοδικεία);
  7. il-qrati tal-maġistrati b'membru wieħed (μονομελή πλημμελειοδικεία);
  8. il-qrati kriminali tad-distrett (πταισματοδικεία);
  9. il-qrati tal-minuri (δικαστήρια ανηλίκων).

Permezz ta' liġijiet speċjali, għandhom ġurisdizzjoni kriminali wkoll:

  • il-qrati marzjali (στρατοδικεία);
  • il-qrati navali (ναυτοδικεία).
  • il-qrati tal-qawwa tal-ajru (αεροδικεία).

Dawn il-qrati jisimgħu kawżi bħala qrati kriminali speċjali.

Dawn il-qrati jisimgħu kawżi li jinvolvu reati kommessi minn persunal militari fl-armata, fil-qawwa navali jew fil-qawwa tal-ajru.

Il-qrati amministrattivi

Il-qrati amministrattivi huma responsabbli biex isolvu tilwim ta' natura amministrattiva bejn l-amministrazzjoni tal-gvern u ċ-ċittadini.

Il-qrati amministrattivi ordinarji jinkludu l-qrati amministrattivi tal-prim'istanza (διοικητικά πρωτοδικεία) u l-qrati amministrattivi tal-appell (διοικητικά εφετεία).

  • Il-qrati amministrattivi tal-prim'istanza huma ppreseduti minn membru wieħed jew bord ta' tliet persuni, skont il-valur monetarju tat-tilwima. Dawn il-qrati jisimgħu kawżi dwar it-taxxa, tilwim bejn individwi u s-sigurtà soċjali jew organizzazzjonijiet tal-politika soċjali u tilwim ta' natura amministrattiva bejn iċ-ċittadini u l-gvern nazzjonali jew lokali.

Il-qrati amministrattivi tal-prim'istanza b'bord ta' tliet persuni jisimgħu wkoll l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi tal-prim'istanza b'membru wieħed.

  • Il-qrati amministrattivi tal-appell jisimgħu l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi tal-prim'istanza b'membru wieħed. Dawn il-qrati jisimgħu wkoll fil-prim'istanza t-talbiet għall-annullament ta' atti amministrattivi dwar l-impjiegi tal-ħaddiema tal-gvern (tkeċċijiet, nuqqas ta' ħatra jew għoti ta' promozzjoni, eċċ.).
  • L-Ispettur Ġenerali tal-Amministrazzjoni Pubblika huwa istituzzjoni li tifforma parti mill-qrati amministrattivi ordinarji. L-Ispettur huwa responsabbli biex jispezzjona l-amministrazzjoni tal-qrati amministrattivi u jressaq appelli kontra d-deċiżjonijiet tagħhom.
  • Il-Kunsill tal-Istat (Συμβούλιο της Επικρατείας) jisma' kawżi li jinkludu:

talbiet għall-annullament ta' atti amministrattivi minħabba ksur ta' liġi, abbuż ta' poter, nuqqas ta' kompetenza jew ommissjoni formali;

appelli tal-impjegati, tal-persunal militari, governattiv u oħrajn mid-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-persunal (υπηρεσιακά συμβούλια) dwar il-promozzjoni, tkeċċija, regressjoni fil-karriera, eċċ.;

talbiet għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi.

Bażijiet tad-dejta ġuridiċi

  1. Is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema Griega. L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.
  2. Bażi tad-dejta tal-kondotta għall-Griegi mingħajr post tat-twelid jew post tat-twelid barrani u persuni b'ċittadinanza barranija.

Ħoloq relatati

Qorti Suprema

Qorti tal-Prim'Istanza ta' Ateni

Qorti tal-Prim'Istanza ta' Salonika

Qorti tal-Prim'Istanza ta' Piraeus

Kunsill tal-Istat

Qorti tal-Awditjar

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Imħallfin tal-Qorti tad-Distrett

Qorti Amministrattiva tal-Prim'Istanza ta' Ateni

L-aħħar aġġornament: 07/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.