Qrati ordinarji nazzjonali

Ġermanja

Din it-taqsima tipprovdilek informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji fil-Ġermanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Qrati ordinarji - introduzzjoni

Ġurisdizzjoni f'materji kriminali

Il-qrati distrettwali (Amtsgerichte) bħala qrati tal-ewwel istanza jittrattaw kawżi ċivili - l-aktar dawk fejn il-valur tat-talba jkun sa € 5 000. Huma jittrattaw ukoll xi kawżi, bħal tilwim fuq kiri u kwistjonijiet familjali u ta’ manteniment, irrispettivament mill-valur tat-talba.

Il-kawżi fil-qrati distrettwali jiġu mismugħa minn imħallef uniku.

Il-qrati reġjonali (Landgerichte) bħala qrati tal-ewwel istanza jittrattaw il-kawżi ċivili kollha li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati distrettwali. Normalment dawn ikunu tilwim fejn il-valur tat-talba jkun ta' aktar minn € 5 000.

Fil-prinċipju, il-kawżi quddiem il-qrati reġjonali jiġu mismugħa wkoll minn imħallef uniku. Madankollu, kawżi kumplessi u kawżi ta' importanza fundamentali jiġu deċiżi minn awla magħmula minn tliet imħallfin professjonali.

Il-qrati reġjonali bħala qrati tat-tieni istanza jittrattaw appelli kontra deċiżjonijiet dwar materji ċivili minn qrati distrettwali. L-appelli jinstemgħu minn awla li normalment tkun magħmula minn tliet imħallfin.

Barra minn hekk, jistgħu jitwaqqfu awli li jittrattaw materji kummerċjali fil-qrati reġjonali. Dawn jeżaminaw tilwim kummerċjali fl-ewwel u fit-tieni istanza. Dawn l-awli huma komposti minn imħallef li jippresjedi u żewġ persuni tan-negozju li jaġixxu bħala assessuri mhux esperti.

Il-qrati reġjonali superjuri (Oberlandesgerichte) normalment huma qrati tat-tieni istanza. F'kawżi ċivili, huma jiddeċiedu fuq appelli kontra sentenzi minn qrati reġjonali u minn qrati distrettwali f'materji familjari.

Is-senati (Senate) tal-qrati reġjonali superjuri huma normalment magħmula minn tliet imħallfin professjonali. Madankollu, kawżi ċivili li ma jippreżentaw l-ebda diffikultà partikolari u li mhumiex ta' importanza fundamentali jistgħu wkoll jiġu ttrasferiti lil imħallef uniku.

L-ogħla qorti ordinarja hija l-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof), li hija l-qorti tal-aħħar istanza u li tittratta l-appelli fuq punti ta' liġi biss. Is-senati tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja huma magħmula minn ħames imħallfin professjonali.

Ġurisdizzjoni f'materji kriminali

Il-qrati tal-ewwel istanza

L-Att dwar il-Ġudikatura (Gerichtsverfassungsgesetz – GVG) jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati f'materji kriminali. Il-qorti distrettwali hija l-qorti tal-ewwel istanza f'materji kriminali, sakemm ma tkunx stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti reġjonali jew il-qorti reġjonali superjuri (punt 24(1)(1) sa (3) tal-GVG). Imħallef tal-qorti kriminali jiddeċiedi dwar reat (punt 25 tal-GVG) jekk:

  • il-prosekuzzjoni tal-każ tkun waħda privata
  • jew mhix mistennija piena ta' aktar minn sentejn priġunerija.

Fil-każijiet l-oħra kollha, titwaqqaf qorti b'evalwaturi mhux esperti (Schöffengericht) (punt 28 tal-GVG); din hija magħmula minn imħallef professjonali wieħed u żewġ evalwaturi mhux esperti.

Din il-qorti tittratta reati ta' serjetà medja li l-qorti distrettwali għandha ġurisdizzjoni fuqhom (punt 24(1) tal-GVG), sakemm ma jkunux ġew ittrasferiti lil imħallef tal-qorti kriminali (punt 25 tal-GVG). Dawn huma kawżi fejn il-piena mistennija tkun sentenza ta' ħabs ta' bejn sentejn u erba' snin. Il-qorti tista' tiġi estiża fuq talba tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (punt 29(2) tal-GVG) jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-qorti jikkunsidraw li hemm bżonn li jkun involut imħallef ieħor minħabba n-natura tal-każ.

Il-ġurisdizzjoni tal-qorti reġjonali hija rregolata mill-punt 74(1) tal-GVG. Dan jiddikjara li l-qorti reġjonali tittratta r-reati kollha li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali jew tal-qorti reġjonali superjuri, jiġifieri fejn tkun mistennija sentenza itwal ta' ħabs.

Il-Kodiċi Kriminali Ġermaniż (Strafgesetzbuch) jiddistingwi bejn reat (Vergehen) u delitt (Verbrechen). Delitt huwa att li għalih il-liġi tistipula piena minima ta’ sena ħabs. Id-delitti għalhekk huma aktar serji minn reat.

Il-qorti reġjonali tittratta l-atti kriminali kollha fejn il-piena mistennija taqbeż l-erba' snin ħabs (l-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-punt 74(1), tal-GVG). Hija għandha wkoll ġurisdizzjoni jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jiftaħ kawża fil-qorti reġjonali minħabba l-importanza partikolari tal-kawża, anki jekk il-qorti distrettwali normalment ikollha ġurisdizzjoni.

Il-kawżi kriminali fil-qorti reġjonali jinstemgħu fl-ewwel istanza minn qorti kriminali kbira ( Große Strafkammer), li hija ġeneralment magħmula minn tliet imħallfin u żewġ evalwaturi mhux esperti. Skont il-punt 76(2) tal-GVG, qorti kriminali kbira tista' tiddeċiedi fil-ftuħ ta' proċess jew meta tiġi ffissata d-data ta' proċess li l-kawża tinstema' minn żewġ imħallfin u żewġ evalwaturi mhux esperti biss.

Il-qorti reġjonali superjuri għandha ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza għall-atti kriminali elenkati fil-punt 120(1) u (2) tal-GVG, li ħafna minnhom jinvolvu theddida għas-sigurtà jew għall-eżistenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Is-senat kriminali (Strafsenat) tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja jista' jkun magħmul minn ħames imħallfin, inkluż l-imħallef li jippresjedi. Madankollu, meta jibda l-proċess, tista' tiddeċiedi li l-kawża tinstema' minn tliet imħallfin, inkluż l-imħallef li jippresjedi, sakemm in-natura jew il-kumplessità tal-każ ma jagħmlux neċessarju l-involviment ta' żewġ imħallfin oħra (l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 122(2) tal-GVG).

Appelli

Il-qorti reġjonali tisma’ appelli kontra s-sentenzi tal-qorti distrettwali (punt 312 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali [Strafprozessordnung, StPO]), fejn l-appell jinstema' mid-"diviżjoni kriminali żgħira" (Kleine Strafkammer) (punt 76(1) tal-GVG), magħmul minn imħallef professjonali u żewġ evalwaturi mhux esperti. Fil-każ ta' appelli kontra sentenza minn qorti akbar b'evalwaturi mhux esperti, jissejjaħ it-tieni imħallef professjonali (punt 76(6) tal-GVG). Barra minn hekk, skont il-punt tal-335 StPO, huwa possibbli li tiġi kkontestata sentenza dwar punt ta’ liġi minflok permezz ta' appell ordinarju (“appell b'qabża 'l quddiem”, Sprungrevision).

Appell fuq punt ta' liġi (Revision) jista' jiġi ppreżentat kontra kwalunkwe sentenza tal-qorti reġjonali jew tal-qorti reġjonali superjuri fl-ewwel istanza (punt 333 tal-StPO). Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja hija l-qorti tal-appell (Revisionsinstanz) mid-deċiżjonijiet kollha tal-qorti reġjonali superjuri u d-diviżjonijiet kriminali l-kbar tal-qorti reġjonali (punt 135(1) tal-GVG). Is-senati tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja jiddeċiedu dwar l-appelli b’ħames imħallfin professjonali, inkluż l-imħallef li jippresjedi. L-appelli minn sentenzi (oħra) tal-qorti reġjonali jiġu deċiżi mill-qorti reġjonali superjuri.

Links relatati

Qorti Federali tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 14/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.