F’din it-taqsima inti għandek issib ħarsa ġenerali lejn il-qrati ordinarji fi Franza.
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-Qorti Reġjonali tiddeċiedi dwar tilwim bejn l-individwi (kawżi ċivili) li jikkonċernaw ammonti li jaqbżu l-EUR 10,000.
Barra minn hekk, hija kompetenti, ikun xi jkun l-ammont tal-pretensjoni, fl-oqsma li ġejjin:
Il-fergħa kriminali tal-Qorti Reġjonali tissejjaħ il-Qorti Korrettiva (tribunal correctionnel) , u din għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-delitti (délits ara hawn taħt).
Il-Qorti Reġjonali hija magħmula minn imħallfin professjonali (magistrats): il-President, il-Viċi-Presidenti, l-Imħallfin, il-Prokuratur tar-Repubblika (procureur de la République, il-Viċi Prokuraturi (vice‑procureurs) u l-assistenti (substituts).
Hemm ukoll imħallfin speċjalizzati, bħal:
Ġeneralment, il-Qorti Reġjonali tkun tinsab fil-belt prinċipali tal-kontea (département) tagħha, iżda tista’ tkun qiegħda wkoll f’muniċipji oħrajn. Sal-1 ta' Jannar 2013, hemm 161 Qorti Reġjonali.
Il-Qorti Distrettwali tiddeċiedi dwar tilwim bejn l-individwi (kawżi ċivili) li l-ammonti tagħhom ma jaqbżux l-EUR 10,000.
Din il-Qorti għandha wkoll kompetenzi kkonferuti (pereż. sekwestri ta' remunerazzjonijiet, vitalizji, problemi marbuta ma’ elezzjonijiet, lokazzjonijiet residenzjali) u kompetenzi amministrattivi bħal pereżempju, ir-reġistratur ewlieni tal-Qorti Distrettwali huwa kompetenti biex joħroġ iċ-ċertifikati ta’ nazzjonalità.
Il-fergħa kriminali tagħha, il-Qorti tal-Pulizija, hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq kontravenzjonijiet tal-ħames klassi (ara hawn taħt).
Barra minn hekk, l-imħallef tal-Qorti Distrettwali jaqdi l-funzjonijiet tal-imħallef tal-kustodji (minbarra l-kustodja tal-minorenni li, permezz tal-liġi tat-12 ta' Mejju 2009, taqa' taħt l-imħallef tal-Qorti Reġjonali inkarigat mill-kawżi tal-familja): għaldaqstant huwa responsabbli mill-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli billi jikkontrolla l-immaniġġjar tal-patrimonju tagħhom.
Il-Qorti Distrettwali hija magħmula minn imħallef wieħed jew iktar, iżda l-kawżi jinstemgħu minn imħallef wieħed.
Ġeneralment, il-Qorti Distrettwali jkollha s-sede tagħha fil-belt prinċipali tad-distrett (arrondissement). Sal-1 ta' Jannar 2013, hemm 307 Qorti Distrettwali.
L-imħallfin tal-Qorti għal Talbiet Żgħar u għal Offiżi Żgħar jisimgħu tilwim ċivili bejn individwi, li l-ammont tagħhom ikun inqas minn EUR 4,000.
Huma kompetenti wkoll biex jgħaddu l-ġudizzju tagħhom dwar kontravenzjonijiet tal-ewwel erba' klassijiet.
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat minn uffiċjal ġudizzjarju pubbliku.
Il-Qorti Kummerċjali tisma’ diżgwidi relatati ma' ftehimiet bejn kummerċjanti jew bejn istituzzjonijiet ta' kreditu, jew bejniethom it-tnejn, kif ukoll diżgwidi relatati ma’ kumpaniji kummerċjali jew relatati ma' atti kummerċjali bejn il-persuni kollha. Hi tisma’ wkoll proċeduri relatati ma’ impriżi f’diffikultà.
Il-Qorti Kummerċjali hija magħmula minn imħallfin mhux professjonali, kollha kemm huma kummerċjanti. Huma eletti għal sentejn jew erba’ snin minn kulleġġ elettorali magħmul minn imħallfin u minn eks-imħallfin tal-qorti kif ukoll minn delegati konsulari (kummerċjanti eletti fil-ġurisdizzjoni ġeografika tal-Qorti Kummerċjali).
Sal-1 ta' Jannar 2013, hemm 134 Qorti Kummerċjali.
It-Tribunal għall-Impjiegi huwa responsabbli biex isolvi tilwim individwali bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew ta' apprentistat.
Dan it-Tribunal hu magħmul minn imħallfin eletti, li jirrappreżentaw b'mod ugwali lill-impjegaturi u lill-ħaddiema. Huwa maqsum f’ħames taqsimiet speċjalizzati (tmexxija, industrija, kummerċ u servizzi kummerċjali, agrikoltura u attivitajiet varji). Fil-każ li l-erba’ maġistrati jiġu tnejn kontra tnejn, it-Tribunal għall-Impjiegi għandu jkun ippresedut minn imħallef tal-Qorti Distrettwali.
Għal kull kontea hemm Tribunal għall-Impjiegi wieħed jew iktar, u fil-ġurisdizzjoni ġeografika tal-Qorti Reġjonali hemm mill-inqas Tribunal wieħed.
B'kollox hemm 210 Tribunal għall-Impjiegi.
It-Tribunal għas-Sigurtà Soċjali jiddeċiedi dwar tilwim bejn il-fondi tas-sigurtà soċjali u l-utenti (pereż. problemi marbuta mas-sħubija ma' xi fond, ma' allokazzjonijiet u mal-għoti ta' benefiċċji eċċ.).
Dan it-Tribunal huwa magħmul minn President (imħallef mill-Qorti Reġjonali) u assessuri mhux professjonali maħtura għal tliet snin mill-ewwel President tal-Qorti tal-Appell, fil-ġurisdizzjoni ta' kull Tribunal, fuq lista stabbilita mid-Direttur Reġjonali taż-Żgħażagħ, tal-Isports u tal-Koeżjoni Soċjali fuq proposta tal-aktar organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi. L-opinjoni tal-President tat-Tribunal għas-Sigurtà Soċjali hija rikjesta wkoll.
B'kollox hemm 115-il Tribunal għas-Sigurtà Soċjali.
It-Tribunal għad-Diżabilità għandu s-setgħa li jsolvi tilwim relatat mal-invalidità jew mad-diżabilità ta' detentur tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, il-kundizzjoni jew il-grad tad-diżabilità fil-każ ta’ mard jew ta' aċċident fuq il-post tax-xogħol jew il-grad tal-invalidità fil-każ ta’ mard jew ta' aċċident mhux marbut max-xogħol.
Dan it-Tribunal huwa magħmul minn President (imħallef onorarju jew persuna kompetenti), minn assessur li jirrappreżenta lill-ħaddiema u minn assessur li jirrappreżenta lil dawk li jaħdmu għal rashom (it-tnejn li huma jkunu maħtura għal tliet snin mill-ewwel President tal-Qorti tal-Appell, fil-ġurisdizzjoni fejn ikun hemm is-sede tat-Tribunal, fuq lista stabbilita mid-Direttur Reġjonali taż-Żgħażagħ, tal-Isports u tal-Koeżjoni Soċjali fuq proposta tal-aktar organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi).
B'kollox hemm 26 Tribunal għad-Diżabilità.
Il-Qorti Nazzjonali għad-Diżabilità u għall-iffissar tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol hija l-qorti tal-appell għal dawn it-tribunali, iżda ssolvi wkoll, b'ġurisdizzjoni ta' qorti tal-prim'istanza u tal-aħħar istanza, diżgwidi relatati mal-iffissar tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol.
It-Tribunal Konġunt għal-Lokazzjonijiet Agrikoli (tribunal paritaire des baux ruraux) huwa kompetenti biex jisma’ disputi bejn il-lokaturi u l-prendituri ta' lokazzjonijiet agrikoli relatati mal-patt ta’ kiri ta’ raba' u mal-patt ta’ mezzadrija, ma' użufrutt tal-oqbla, ma' jeddijiet ċenstwalisti agrikoli, ma' lokazzjonijiet b'obbligu ta’ tawħil, ma' emfitewsi u ma' kuntratti dwar l-użu tal-art agrikola għall-mergħat.
L-imħallef tal-Qorti Distrettwali jippresiedi fuq it-Tribunal Konġunt għal-Lokazzjonijiet Agrikoli. Huwa megħjun minn erba' assessuri mhux professjonali, eletti mill-pari tagħhom: żewġ lokaturi u żewġ prendituri ta' lokazzjonijiet, eletti għal sitt snin minn fuq listi elettorali stabbiliti mis-sindku fuq il-proposta tal-kummissjoni tat-tħejjija tal-listi elettorali.
Il-Qorti tal-Assiżi hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar reati kriminali, jiġifieri dwar l-aktar ksur gravi, li kapaċi jkun ikkastigat b’piena ta' ċertu tul ta' żmien, bejn priġunerija għal għaxar snin u priġunerija għall-għomor.
Din hija qorti stabbilita għal kull kontea u mhijiex permanenti. Id-dati għall-ftuħ tas-seduti tagħha huma ffissati kull darba li jkun meħtieġ. Madankollu, din il-qorti tisma' kawżi b'mod kważi permanenti fl-aktar kontej importanti.
Hija magħmula minn tliet imħallfin professjonali: President (President tal-awla jew maġistrat tal-Qorti tal-Appell), żewġ assessuri (maġistrati tal-Qorti tal-Appell jew maġistrati tal-Qorti Reġjonali tal-kontea fejn ikun qed isir is-smigħ) u ġurija (sitt ċittadini li jittellgħu bix-xorti). Hija tisma' wkoll il-kawżi, bħala fergħa tal-Qorti tal-Assiżi tal-Minorenni, b’ġurament, għal reati mwettqa minn minorenni. F’dawn il-każijiet, l-assessuri professjonali jkunu l-imħallfin tat-tfal.
Ċerti reati li jkunu relatati mal-leġiżlazzjoni dwar it-terroriżmu jew il-militar, jew li jkunu relatati mat-traffikar tad-droga jinstemgħu minn Qorti tal-Assiżi magħmula esklussivament minn imħallfin professjonali.
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat minn Avukat Ġenerali.
Din il-qorti hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar id-delitti, jiġifieri, il-ksur li bil-liġi jiġi kkastigat b’massimu ta' għaxar snin priġunerija jew b'multa ta' EUR 3750 jew aktar. Din il-qorti hija mehmuża mal-Qorti Reġjonali. Fil-prinċipju, hija magħmula minn tliet imħallfin professjonali, ħlief għal dawk l-ipotesijiet legali ta' ksur li jkun jirrikjedi imħallef wieħed biss.
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-Prokuratur tar-Repubblika jew minn wieħed mis-sostituti tiegħu.
Din il-qorti hija kompetenti biex tiddeċiedi dwar kontravenzjonijiet tal-ħames klassi. Is-sede tagħha jinsab fil-Qorti Distrettwali. Hija ppreseduta mill-imħallef tal-Qorti Distrettwali, li jgħaddi l-ġudizzju waħdu.
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-Prokuratur tar-Repubblika jew minn wieħed mis-sostituti tiegħu.
Hija kompetenti biex tieħu deċiżjonijiet dwar kontravenzjonijiet tal-ewwel klassi u tar-raba' klassi. Is-sede tagħha jinsab fil-Qorti Distrettwali. Hija ppreseduta mill-imħallef tal-Qorti għal Talbiet Żgħar u għal Offiżi Żgħar, li jgħaddi l-ġudizzju waħdu.
Il-prosekutur pubbliku jaqdi l-funzjonijiet li normalment jitwettqu minn Kummissarju tal-pulizija.
Hemm ukoll qrati speċjalizzati f'ċerti litiġji kriminali, bħall-Qrati Marittimi Kummerċjali, li preżentament hemm 14-il waħda minnhom u li huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar ċerti delitti ta' natura marittima.
Il-Qorti tal-Appel (cours d'appel) tintervjeni bħala qorti tat-tieni istanza, biex terġa’ tiddeċiedi de jure jew de facto dwar il-kawżi li jkunu diġà ġew iġġudikati mill-qrati tal-prim’istanza.
Hija magħmula esklussivament minn imħallfin professjonali: l-ewwel President, Presidenti tal-awla u maġistrati tal-appell (minbarra fil-Qorti tal-Appell tal-Assiżi, ara hawn fuq).
Kull qorti tinkludi awli speċjalizzati (f'oqsma ċivili, soċjali, kummerċjali u kriminali), u kull waħda minnhom hija magħmula minn tliet maġistrati professjonali: President tal-awla u żewġ maġistrati tal-appell.
Is-sentenzi tal-Qorti tal-Assiżi jinqatgħu fl-appell minn Qorti tal-Assiżi oħra, maħtura mill-awla kriminali tal-Qorti tal-Kassazzjoni. Il-Qorti tal-Appell tal-Assiżi hi magħmula minn disa' membri tal-ġurija.
Il-Qorti Nazzjonali għad-Diżabilità u għall-iffissar tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol hija l-qorti tal-appell tat-Tribunali għad-Diżabilità.
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-Prokuratur Ġenerali jew minn wieħed mill-Avukati Ġenerali jew mis-sostituti ġenerali tiegħu.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation) hija l-ogħla qorti fil-ġudikatura ordinarja. Is-sede tagħha tinsab f’Pariġi. Ir-rwol tagħha huwa li tivverifika l-konformità tas-sentenzi tal-Qrati u tat-Tribunali man-normi ġuridiċi, lil hinn minn kwalunkwe valutazzjoni ġdida tal-fatti. Għalhekk, hi ma tikkostitwixxix qorti tat-terza istanza iżda tiżgura li l-każistika tkun unifikata, filwaqt li taġixxi ta' korp regolatorju tad-dritt u tar-rispett lejn il-legalità.
Jistgħu jinbdew proċeduri quddiem din il-qorti permezz ta' appell, "appell fil-kassazzjoni", li jitressaq minn persuna li kienet oġġett ta' sentenza meħuda mill-qorti, jew mill-prosekutur pubbliku.
Jekk il-qorti tqis li s-sentenza kkontestata ma tkunx ittieħdet f’konformità man-normi ġuridiċi, hija “tkisser” is-sentenza. Imbagħad, il-kawża terġa' tintabagħat quddiem qorti oħra biex tiġi ġġudikata mill-ġdid.
Fil-każ kuntrarju, hija tirrifjuta l-appell, u dan iwassal biex is-sentenza kkontestata tkun dik finali.
F’każijiet eċċezzjonali, meta t-twarrib ta’ sentenza ma jkunx jimplika li l-kawża trid tiġi ġġudikata mill-ġdid fuq il-merti tagħha, il-qorti tista’ tħassar sentenza mingħajr ma tirrikorri għar-rinviju. Billi tħassar sentenza mingħajr ma tirrikorri għar-rinviju l-qorti tista’ ttemm ukoll il-litiġju, jekk il-fatti, iddikjarati u meqjusa b'mod sovran quddiem il-qorti fil-mertu, ikunu jippermettulha tapplika n-norma ġuridika adattata.
Il-Qorti tal-Kassazzjoni hija maqsuma f'awli (chambres) (tliet awli ċivili, waħda kummerċjali, waħda soċjali u waħda kriminali). Kull waħda minn dawn hija magħmula minn maġistrati professjonali tas-sede, President u maġistrati tal-appell. Skont in-natura tal-kawża, din il-qorti tista’ tgħaddi l-ġudizzju tagħha f’awli mħallta (ta’ mill-inqas tliet awli) jew f'assemblea plenarja (l-ewwel President, il-Presidenti tal-awli u maġistrati tal-appell).
Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-Prokuratur Ġenerali u minn Avukati Ġenerali.
Il-bażijiet tad-dejta ġuridiċi fi Franza huma koperti minn servizz pubbliku ta’ disseminazzjoni fuq l-internet. Il-websajt Légifrance fiha s-sentenzi kollha tal-Qorti tal-Kassazzjoni u tal-Qorti tal-Appell:
Iva l-aċċess għall-bank huwa bla ħlas.
Is-sentenzi huma disponibbli bil-Franċiż u xi sentenzi huma tradotti wkoll bl-Ingliż, bl-Għarbi u bil-Mandarin.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.