Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Qrati ordinarji nazzjonali

L-Ingilterra u Wales

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar il-qrati ordinarji fl-Ingilterra u Wales.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Qrati ordinarji – introduzzjoni

L-organizzazzjoni tad-diversi qrati fl-Ingilterra u Wales hija kif ġej. Tista’ ssib iktar dettalji fis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha, li jipprovdi amministrazzjoni u appoġġ għall-qrati kollha ħlief għall-Qorti Suprema.

Qorti Suprema

Fl-1 ta' Ottubru 2009, il-Qorti Suprema l-ġdida tar-Renju Unit ħadet f’idejha l-ġuriżdizzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-House of Lords. Hija ħadet ukoll f’idejha l-funzjonijiet devoluti tal-Kumitat Ġudizzjarju tal-Privy Council (l-ogħla qorti tal-appell f’diversi pajjiżi indipendenti tal-Commonwealth, fit-territorji barra mix-xtut tar-Renju Unit u fid-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika).

Il-Qorti Suprema hija l-qorti finali tal-appell fir-Renju Unit, kemm għall-kawżi kriminali kif ukoll għal dawk ċivili, għalkemm il-kawżi kriminali Skoċċiżi m’għandhomx id-dritt ta’ appell quddiem il-Qorti Suprema. Il-permess biex appell jiġi rrinvijat quddiem il-Qorti Suprema ġeneralment jingħata biss jekk jinvolvi punti ta’ liġi ta’ importanza pubblika.

Il-Qorti tal-Appell

Il-Qorti tal-Appell hija maqsuma f’taqsima kriminali u f’taqsima ċivili u ġeneralment isservi f’Londra.

It-Taqsima Kriminali, ippreseduta mil-Lord Chief Justice, tisma’ l-appelli mill-kundanni ta’ ħtija u mill-qtugħ ta’ sentenzi ta’ persuni misjuba ħatja jew mogħtija sentenza fil-Qorti tal-Kuruna. It-taqsima kriminali tal-Qorti tal-Appell għandha s-setgħa li tannulla jew tikkonferma kundanna ta’ ħtija, tordna li jerġa’ jinfetaħ proċess u, fl-appelli mis-sentenzi, tvarja s-sentenza (imma mhux iżżidha). Madankollu, f’każijiet fejn l-Avukat Ġenerali jirrinvija kawża quddiem il-Qorti tal-Appell, il-qorti għandha s-setgħa li żżid is-sentenza jekk temmen li s-sentenza kienet klementi żżejjed.

Il-qorti għandha kompetenza ikbar biex tisma’ appelli ad hoc, bħall-appelli rigward restrizzjonijiet għal rapportar jew għal aċċess pubbliku, appelli minn deċiżjonjiet avversi għall-prosekuzzjoni, u diversi appelli skont l-Att dwar ir-Rikavati mill-Kriminalità tal-2002. Barra minn hekk, il-qorti tittratta l-appelli f’kawżi ta’ qorti marzjali.

Ġeneralment, fit-taqsima kriminali tal-Qorti tal-Appell iservu tliet imħallfin flimkien, imma bħala deċiżjoni tal-qorti tingħata sentenza waħda biss (l-opinjoni tal-maġġoranza).

It-Taqsima Ċivili tal-Qorti tal-Appell hija ppreseduta mill-Master of the Rolls. Il-qorti tisma’ appelli prinċipalment minn deċiżjonijiet tal-Qorti Superjuri (inklużi t-Taqsima tal-Kanċellerija, it-Taqsima tal-Qorti tar-Reġina u t-Taqsima tal-Familja) u tal-qrati tal-kontej mifruxa mal-Ingilterra u Wales kollha u ċerti tribunali. Ġeneralment iservu flimkien tliet Lord Justices, li jifformaw kostituzzjoni. Biex jilħqu d-deċiżjoni tagħhom, l-imħallfin jistgħu jagħmlu kwalunke ordni li jiddeċiedu li missha saret fil-qorti tar-rinviju. Fi wħud mill-kawżi, tiġi ordnata ritrattazzjoni.

Ix-xhieda rari jinstemgħu fil-Qorti tal-Appell. Id-deċiżjonijiet ġeneralment ikunu bbażati fuq dokumenti, traskrizzjonjiet ta’ seduti preċedenti u l-argumenti tal-avukati li qed jidhru għall-partijiet.

Il-High Court

Il-Qorti Superjuri hija bbażata f’Londra, għalkemm il-kawżi jistgħu jinstemgħu f’partijiet oħrajn tal-Ingilterra u Wales. Il-Qorti Superjuri tista’ tisma’ kważi kwalunkwe rikors ċivili – għalkemm, fil-prattika, tittratta prinċipalment kawżi kbar jew iktar kumplessi. Il-qorti hija organizzata fi tliet taqsimiet:

  • It-Taqsima tal-Qorti tar-Reġina hija l-ikbar fost it-tlieta u tittratta firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ċivili. Dawn jinkludu rikorsi għal danni li jirriżultaw minn ksur ta’ kuntratti, delitti, libelli, tilwim kummerċjali, teknoloġija u kostruzzjoni u kawżi marittimi (rikorsi ċivili marbuta ma’ vapuri, bħal kolliżjonijiet, danni lill-merkanzija u salvataġġi).
  • It-Taqsima tal-Kanċellerija hija partikolarment ikkonċernata bi kwistonijiet ta’ proprjetà, inklużi l-amministrazzjoni tal-proprjetajiet ta’ persuni li mietu, l-interpretazzjoni tat-testmenti, il-privattivi u l-proprjetà intelletwali, l-insolvenza u t-tilwim dwar il-kumpaniji u s-soċjetajiet.
  • It-Taqsima tal-Familja tittratta ħafna mill-kwistjonijiet iktar kumplessi tad-divorzju u kwistjonijiet finanzjarji u matrimonjali relatati. Hija tittratta l-kawżi ta’ kura li jirrigwardaw lit-tfal (b’mod partikolari t-tutela, l-adozzjoni u l-ħtif tat-tfal), il-kawżi li jinvolvu lil dawk fil-Qorti tal-Protezzjoni, u l-kawżi marbuta mat-trattament mediku tat-tfal taħt il-ġuriżdizzjoni inerenti tal-qorti.

Qorti Amministrattiva

Ħidmet il-Qorti Amministrattiva hija varjata, u tikkonsisti fil- ġuriżdizzjoni tal-liġi amministrattiva tal-Ingilterra u Wales kif ukoll fil-ġuriżdizzjoni superviżorja fuq il-qrati inferjuri u t-tribunali.

Il-ġuriżdizzjoni superviżorja, eżerċitata prinċipalment permezz tal-proċedura tal-istħarriġ ġudizzjarju, tkopri l-persuni jew l-entitajiet li jwettqu funzjoni tad-dritt pubbliku. L-iskop tal-istħarriġ ġudizzjarju huwa li jkun żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-entitajiet jew ta’ dawn l-individwi jittieħdu b’mod xieraq u b’mod legali, u ma jmorrux lil hinn mis-setgħat mogħtija lilhom mill-Parlament.

Kwistjonijiet oħrajn ittrattati mill-Qorti Amministrattiva jinkludu għadd ta’ appelli u rikorsi statutorji:

  • Id-dritt mogħti minn ċerti statuti li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-ministri, tal-gvernijiet lokali u tat-tribunali
  • Rikorsi skont l-Att dwar in-Nazzjonalità, l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-2002
  • Appelli permezz ta’ kawża kontra ċerti deċiżjonijiet tal-qrati tal-maġistrati u tal-Qorti tal-Kuruna
  • Rikorsi għal habeas corpus
  • Rikorsi għal ordni ta’ arrest minħabba disprezz tal-qorti
  • Rikorsi marbuta ma’ partijiet vessatorji
  • Rikorsi skont l-Att dwar il-Koroners tal-1988
  • Diversi rikorsi li jsiru skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar ir-Rikavati mill-Kriminalità, l-Att dwar it-Traffikar tad-Drogi u l-Att dwar il-Ġustizzja Kriminali.

Fl-2009, f’Birmingham, Cardiff, Leeds u Manchester infetħu uffiċċji reġjonali tal-Qorti Amministrattiva, li għamluha possibbli biex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jagħmlu ċerti tipi ta’ rikors eqreb tar-reġjun li miegħu għandhom l-eqreb konnessjoni. F'Novembru 2012 infetaħ uffiċċju reġjonali ieħor fi Bristol.

Qrati diviżjonali

Xi appelli mill-qrati inferjuri jinstemgħu fil-qrati diviżjonali tal-Qorti Superjuri (jiġifieri qorti li tikkonsisti minn tal-inqas żewġ imħallfin).

L-appelli mill-qrati tal-kontej, rigward il-ġuriżdizzjonijiet tal-Kanċellerija u tal-Qorti tar-Reġina jinstemgħu mill-qrati diviżjonali rispettivi.

Il-qrati diviżjonali tat-Taqsima tal-Qorti tar-Reġina jisimgħu, fost l-oħrajn, appelli dwar punti ta’ liġi mill-qrati tal-maġistrati u mill-Qorti tal-Kuruna (ħlief fejn il-Qorti tal-Kuruna tkun qed tittratta kwistjoni ta’ akkuża).

Qorti diviżjonali tat-Taqsima tal-Familja tisma’ l-appelli mid-deċiżjonijiet rigward kwistjonijiet tal-familja li saru mill-qrati tal-maġistrati.

Qrati tal-kontej

Il-qrati tal-kontej jittrattaw il-maġġoranza tal-kawżi ċivili fl-Ingilterra u Wales. F’termini sempliċi, il-kawżi ċivili inqas ikkumplikati jinstemgħu fil-qrati tal-kontej u l-kawżi iktar kumplessi jinstemgħu fil-Qorti Superjuri. L-ikbar għadd ta’ kawżi ttrattati mill-qrati tal-kontej jirrigwardaw l-irkupru tad-djun. Madankollu, ir-ripossessjoni tal-proprjetà (eż. meta ma jsirux il-ħlasijiet ta’ self ipotekarju), it-talbiet għal danni personali jew it-talbiet minħabba negliġenza u l-kwistjonijiet ta’ falliment jinstemgħu wkoll fil-qorti tal-kontea.  Xi Qrati tal-Kontea jaġixxu wkoll bħala Reġistri tad-Distrett ta’ Qorti Għolja, fejn jistgħu jinħarġu kawżi tal-High Court. Barra minn hekk, xi wħud għandhom ġuriżdizzjoni speċjalizzata biex ikunu jistgħu jisimgħu inqas kwistjonijiet kumplessi li kieku jkunu f’idejn il-High Court.

It-talbiet għad-djun jew għad-danni ta’ inqas minn £5 000 ġeneralment jiġu deċiżi skont proċedura speċjali ta’ talbiet żgħar. Din hija mfassla biex tipprovdi mod bi ftit spejjeż u informali biex jiġi solvut it-tilwim mingħajr ma jkun hemm għalfejn jintuża avukat. F’kawżi bħal dawn, l-imħallef jista’ jadotta rwol inkwiżitorju u jgħin kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut jispjegaw il-każ tagħhom. Il-qrati tal-kontej joffru wkoll servizz ta’ medjazzjoni intern għat-talbiet iż-żgħar, għalkemm għal talbiet ikkontestati oħrajn hija disponibbli medjazzjoni esterna.

Il-qrati tal-kontej jittrattaw ukoll kawżi tal-familja, li jinkludu d-divorzju, kwistjonijiet li jinvolvu lit-tfal, bħall-kawżi ta’ residenza u ta’ kura, u l-adozzjonijiet. Uħud mill-kawżi dwar il-familja huma kumplessi u jistgħu jiġu ttrattati fil-Qorti Superjuri. Fiċ-ċentru ta’ Londra, il-kawżi dwar il-familja kollha jiġi ttrattati mir-reġistru prinċipali tat-Taqsima tal-Familja u mhux mill-qrati lokali tal-kontej. Il-medjazzjoni għall-familja tkun disponibbli permezz tas-Servizz ta’ Konsulenza u ta’ Appoġġ għall-Qorti tat-Tfal u tal-Familja (CAFCASS).

Il-Crown Court

Il-Qorti tal-Kuruna hija qorti nazzjonali, li sservi f’ċentri differenti fl-Ingilterra u Wales. Hija tittratta l-kawżi kriminali serji kollha li jitilgħu mill-qrati tal-maġistrati. Il-kawżi tal-proċessi jinstemgħu quddiem imħallef u ġurija bi 12-il membru magħżula mill-pubbliku.

Xi drabi l-ġurati jkunu meħtieġa wkoll f’kawżi ċivili (bħal libell u azzjonijiet kontra l-pulizija għal prosekuzzjoni malizzjuża), għalkemm dan ma jseħħx spiss. Meta jiġri dan, il-proċess isir fil-Qorti Superjuri jew f’qorti tal-kontea. Il-Qorti tal-Kuruna tagħmilha wkoll ta’ qorti tal-appell għall-kawżi li jinstemgħu mill-maġistrati fil-qrati tal-maġistrati.

Qrati tal-maġistrati

Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw prinċipalment kwistjonijiet kriminali; il-parti l-kbira tar-reati kriminali jinstemgħu fil-qrati tal-maġistrati. L-iktar reati serji jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti tal-Kuruna għall-proċess. Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw anki xi kawżi ċivili, inklużi kwistjonijiet tal-liġi tal-familja; l-irkupru ta’ ċerti tipi ta’ djun, bħat-taxxa tal-kunsill; u kwistjonijiet ta’ għoti ta’ liċenzji (pereżempju, liċenzji għax-xorb alkoħoliku), kwistjonijiet ta’ ksur ta’ termini tal-liċenzji jew ordnijiet tal-qorti, imħatri u logħob.

Il-parti l-kbira tal-kawżi fil-qrati tal-maġistrati jinstemgħu minn maġistrati popolari (magħrufa wkoll bħala justices of the peace jew JPs). Il-maġistrati popolari mhumiex imħarrġin fil-qasam legali. Ġeneralment iservu fi grupp ta’ tlieta u jingħataw pariri dwar kwistjonijiet ta’ liġi minn skrivani bi kwalifiki fil-qasam legali. Il-kwistjonijiet iktar kumplessi li jidhru quddiem il-qrati tal-maġistrati jinstemgħu mill-membri tal-ġudikatura professjonali, magħrufa bħala mħallfin distrettwali (qrati tal-maġistrati) li jservu full-time. Id-deputati mħallfin distrettwali (qrati tal-maġistrati) jservu part-time.

Il-qrati tal-maġistrati għandhom is-setgħa li jimponu multi u priġunerija (għal perjodi limitati) fuq dawk li jinsabu ħajta ta’ delitt – b’hekk uħud mill-kawżi jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti tal-Kuruna biex tingħata s-sentenza.

Ċerti qrati tal-maġistrati jissejħu “ qrati tal-minuri ” jew "qrati tal-proċedimenti tal-familja". Dawn ikunu magħmulin minn maġistrati mħarrġin apposta u jittrattaw biss akkużi kontra, u rikorsi marbuta ma’ tfal u żgħażagħ, jew ma' kawżi tal-familja.

Ħoloq Relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha

L-aħħar aġġornament: 28/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.