Qrati ordinarji nazzjonali

Awstrija

It-taqsima li ġejja tipprovdi informazzjoni dwar il-qrati ordinarji fi kwistjonijiet ċivili u kriminali fl-Awstrija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Qrati Ordinarji - Introduzzjoni

Il-qrati ordinarji huma organizzati fuq erba’ livelli. Inkarigati mill-ġuriżdizzjoni bħalissa (Settembru 2019) hemm responsabbli dawn il-qrati li ġejjin:

  • 115-il Qorti Distrettwali (Bezirksgerichte)
  • 20 Qorti Reġjonali (Landesgerichte)
  • erba’ Qrati Reġjonali Superjuri (Oberlandesgerichte)
  • Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof)

Mill-bidu tal-2013 permezz tal-amalgamazzjonijiet ta' Qrati Distrettwali fil-Provinċji Federali tal-Awstrija ta' Fuq, l-Awstrija ta' Isfel u l-Istirja, l-għadd ta' Qrati Distrettwali tnaqqas b'mod gradwali għal 116 mill-1.7.2014. Għat-tieni nofs tal-2017 u għall-2018 u l-2019 diġà ġew imposti aktar bidliet fl-istruttura tal-qrati distrettwali, li wasslu biex l-għadd ta’ qrati distrettwali jitnaqqas bi tlieta.

L-interess pubbliku fil-ġustizzja kriminali jitwettaq mill-Uffiċċji ta' Prosekuzzjoni; dawn huma:

  • 16-il Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Staatsanwaltschaften)
  • uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ċentrali (Zentrale Staatsanwaltschaft) għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u ta’ korruzzjoni,
  • erba’ uffiċċji għoljin tal-prosekutur pubbliku (Oberstaatsanwaltschaften)
  • l-Uffiċċju tal-Prokuratur Ġenerali (Generalprokuratur)

Hemm 28 ħabs biex jiġu eżegwiti s-sentenzi ta' priġunerija.

A. Organizzazzjoni tal-qrati: qrati ċivili u kriminali

It-tilwim jiġi assenjat lill-ewwel istanza jew lill-qrati distrettwali jew lill-qrati reġjonali. Id-delineazzjoni tal-kompetenzi fi kwistjonijiet ċivili tiġi bażikament iddeterminata skont in-natura tat-tilwima (kompetenza skont l-oġġett), għall-oqsma l-oħra kollha skont il-valur involut fil-kawża (Wertzuständigkeit). Il-kompetenza skont l-oġġett tieħu preċedenza fuq il-kompetenza skont il-valur.

Fi kwistjonijiet kriminali id-delineazzjoni tkun ibbażata fuq is-severità tal-piena marbuta mar-reat kriminali.

Il-qrati distrettwali (l-ewwel livell ta' organizzazzjoni)

Il-qrati distrettwali huma qrati tal-ewwel istanza. Huma għandhom il-kompetenza għal:

  • kwistjonijiet ċivili b’valur li ma jaqbiżx EUR 15 000 (Wertzuständigkeit)
  • ċerti tipi ta’ kawżi (indipendentement mill-ammont fil-kwistjoni), speċjalment kawżi relatati mal-familja, il-kirjiet u l-infurzar (Eigenzuständigkeit)
  • deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali rigward il-kawżi kollha, fejn ir-reat iġorr multa biss, multa u priġunerija ta' mhux aktar minn sena jew priġunerija biss ta' mhux aktar minn sena (eż. ħsara fuq il-persuna minħabba negliġenza, serq)

Qrati reġjonali (it-tieni istanza)

Il-qrati reġjonali, magħrufin ukoll f’każijiet ċivili bħala “qrati tal-ġustizzja tal-ewwel istanza” (Gerichtshöfe erster Instanz), għandhom ġuriżdizzjoni:

  • biex jaġġudikaw fl-ewwel istanza fuq il-każijiet kollha li mhumiex riżervati lill-qrati distrettwali; abbażi tan-natura tal-każ, biex jinġiebu l-każijiet quddiem il-qorti li jirrigwardaw il-liġi dwar ir-riskju nukleari, il-liġi dwar ir-responsabbiltà amministrattiva, il-liġi dwar il-Protezzjoni tad-data, u kawżi relatati mal-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali;
  • biex jiddeċiedu dwar appelli mid-deċiżjonijiet tal-qrati distrettwali.

Qrati Reġjonali Superjuri (it-tielet livell)

Il-qrati reġjonali superjuri magħrufin ukoll bħala “l-qrati tat-tieni istanza” (Gerichtshöfe zweiter Instanz), jikkostitwixxu t-tielet livell ta' organizzazzjoni. Huma jinsabu fi Vjenna (li tkopri lil Vjenna, l-Awstrija ta’ Isfel u l-Burgenland), Graz (li tkopri lil Stirja u Carinthia), Linz (li tkopri l-Awstrija ta’ Fuq u Salzburgu) u Innsbruck (li tkopri t-Tirol u Vorarlberg).

Dawn il-qrati jiddeċiedu f'kawżi ċivili u kriminali, bħala qrati tal-appell (fit-tieni istanza).

Barra minn hekk, dawn il-qrati għandhom rwol speċjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-president tal-qorti reġjonali superjuri jew tal-qorti tat-tieni istanza huwa l-kap tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-qrati kollha f’dak id-distrett; fil-funzjoni tiegħu, huwa jwieġeb biss lill-Ministru Federali jew il-Ministru tal-Ġustizzja.

Il-Qorti Suprema (ir-raba’ livell ta' organizzazzjoni)

Il-Qorti Suprema fi Vjenna hija l-qorti tal-aħħar istanza fil-kawżi ċivili u kriminali. Flimkien mal-Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgericht), mal-Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgericht), hija l-Ogħla Qorti (Höchstgericht) fil-pajjiż. Dan ifisser li l-ebda rimedju (domestiku) ieħor ma hu possibbli kontra d-deċiżjonijiet tagħha.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema għandha rwol essenzjali sabiex il-liġi tiġi applikata b'mod uniformi madwar il-pajjiż.

Minkejja li l-qrati inferjuri mhumiex marbutin legalment mad-deċiżjonijiet taghha, bħala prinċipju huma jiġu ggwidati mill-ġurisprudenza tal-ogħla qrati.

B. Ġustizzja Ċivili

Il-ġustizzja ċivili tista’ tiġi subdiviża fi proċedimenti ċivili ordinarji, kawżi dwar l-impjieg, kawżi kummerċjali u proċedimenti mhux kontenzjużi (Außerstreitverfahren).

Fi proċedimenti ċivili ordinarji jiġu deċiżi dawk il-kwistjonijiet ta' dritt privat, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-qorti kummerċjali jew tat-tribunal industrijali, jew li għalihom tgħodd il-proċedura mhux kontenzjuża.

C. Appelli

C.1. Appelli f’kawżi ċivili

Fi proċedimenti ċivili ordinarji bħala prinċipju jeżistu żewġ istanzi differenti, li kull waħda minnhom tista’ tinqasam fi tliet stadji. It-tilwim jiġi assenjat lill-ewwel istanza jew lill-qrati distrettwali jew lill-qrati reġjonali.

Jekk l-ewwel istanza hija qorti distrettwali, kull appell irid jiġi ppreżentat fil-qorti reġjonali, fejn jiġi deċiż minn sezzjoni tal-appelli (Berufungssenat).

Jekk tiġi deċiża minn qorti tal-ewwel istanza, il-ġuriżdizzjoni tal-appell tkun tal-qorti tat-tieni istanza, fejn il-bord tal-appelli jiddeċiedi fit-tieni istanza.

Il-qrati tat-tieni istanza jiġu msejħa biss għal rieżami tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza. Huma jiddeċiedu biss bażikament fuq il-bażi ta’ mozzjonijiet fuq il-kwistjoni sostanzjali fi tmiem it-trattazzjoni verbali tal-ewwel istanza u fuq il-fatti ppreżentati sa dan il-punt. Il-qrati tat-tieni istanza jistgħu jiddeċiedu fuq il-każ (billi jikkonfermaw jew jemendaw is-sentenza). Għal dan il-għan, fil-parametri tal-mozzjonijiet u s-sottomissjonijiet magħmula fl-ewwel istanza, jistgħu jirrepetu l-proċedura kollha jew parti minnha jew ikompluha; jew jaqilbu s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza u jitolbuha tagħti sentenza mill-ġdid; jew jiċħdu t-talba.

F'każijiet li jkunu jeħtieġu kjarifika dwar kwistjonijiet legali li jkunu ta' importanza bażika, jista' jerġa' jsir appell quddiem il-Qorti Suprema.

Il-Qorti Suprema tiddeċiedi biss dwar kwistjonijiet legali u għalhekk fid-deċiżjoni tagħha hija marbuta mal-fatti diġà stabbiliti. Hija tevalwa għalhekk biss il-korrettezza ta’ deċiżjoni mogħtija fuq din il-bażi jew tindika xi invaliditajiet u, f’għadd limitat, anki nuqqasijiet fi proċeduri preċedenti. Il-Qorti Suprema m’għandhiex biss funzjoni ta’ Qorti tal-Appell; tista’ tiddeċiedi fuq il-każ billi tikkonferma jew temenda s-sentenza. Jew tħassar is-sentenzi preċedenti u titlob lill-qorti tal-ewwel jew tat-tieni istanza biex jieħdu deċiżjoni mill-ġdid; jew tiċħad it-talba.

Fl-ewwel istanza, fil-maġġoranza tal-każijiet, jiddeċiedi imħallef wieħed (u fi kwistjonijiet ta’ ’l fuq minn EUR 100 000, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jiddeċiedi Bord magħmul minn tliet imħallfin). Fit-tieni istanza jiddeċiedi Bord magħmul minn tliet imħallfin, fil-Qorti Suprema Bord ikun magħmul minn ħames imħallfin. Meta l-kwistjoni legali tkun ta’ importanza fundamentali (bħal pereżempju, it-tibdil ta’ prattika stabbilita fil-liġi), fil-Qorti Suprema jiġi ffurmat l-hekk imsejjaħ Bord imsaħħaħ magħmul minn ħdax-il Imħallef.

C.2. Appelli f'każijiet kriminali

Is-sentenzi fi proċessi kriminali jistgħu jiġu appellati darba.

Jekk il-qorti tal-ewwel istanza hija qorti distrettwali, appell jista’ ifittex:

  • l-annullament tas-sentenza; jew
  • jikkontesta l-kundanna u t-termini tas-sentenza.

L-appelli jiġu deċiżi minn sezzjoni ta' tliet imħallfin mill-qorti reġjonali.

Jekk il-kawża tiġi deċiża fl-ewwel istanza minn imħallef wieħed tal-qorti reġjonali (dan japplika għar-reati u d-delitti kollha li jkollhom piena massima ta’ ħames snin priġunerija, pereżempju, xhieda falza quddiem il-Qorti), l-appell jista’ jsir:

  • minħabba raġunijiet ta' nullità; jew
  • kontra l-istabbiliment tal-ħtija u s-severità tal-piena.

Id-deċiżjoni tittieħed minn Bord magħmul minn tliet imħallfin.

Jekk il-każ jiġi deċiż fl-ewwel istanza bħala qorti reġjonali ppreseduta minn assessuri mhux esperti (Schöffengericht), kull rikors għall-annullament irid jiġi ppresentat quddiem il-Qorti Suprema. Jekk min-naħa l-oħra jiġu ppreżentati appelli kontra s-severità tas-sentenza, jiddeċiedi l-Bord tal-imħallfin.

D. Forom tal-appell

Fi proċedimenti ċivili ordinarji, is-sentenzi tal-ewwel istanza jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi (Berufung). Appell jista’ jsir fil-każijiet kollha fuq il-bażi ta’ nullità jew ta’ sentenza legalment inġusta, f’każijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi jew fi kwalunkwe każ fejn l-ammont fil-kwistjoni huwa ’l fuq minn EUR 2 700 kif ukoll minħabba nuqqasijiet fil-proċedura jew fatti li ġew stabbiliti b’mod żbaljat.

Is-sentenzi fit-tieni istanza jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' appell quddiem il-Qorti Suprema biss dwar punti ta’ liġi (Revision). Dan it-tip ta’ appell quddiem il-Qorti Suprema madankollu huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet li jiddependu mis-suġġett fil-kwistjoni. Bħala prinċipju, il-Qorti Suprema tiddeċiedi biss dwar kwistjonijiet legali ta’ importanza konsiderevoli, u l-preżenza ta' tali kwistjonijiet hija rekwiżit preliminari biex il-Qorti Suprema taċċetta l-appell fuq punti ta’ liġi. Minkejja dan, f’ċerti każijiet, sentenzi mogħtija fit-tieni istanza li jirrigwardaw ammont inqas minn EUR 5 000 xorta waħda ma jistgħux jiġu kkontestati jew, it-talba għal reviżjoni quddiem il-Qorti Suprema irid jiġi awtorizzat mill-qorti tat-tieni istanza (direttament jew permezz ta’ rikors ġdid) meta l-ammont fil-kwistjoni ma jaqbiżx EUR 30 000.

E. Bażijiet ta' data ġuridika

Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.

L-aċċess għall-bażi ta' data legali huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għall-websajt tal-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak huwa mingħajr ħlas.

Links Korrispondenti

Ġuriżdizzjoni tal-Qrati - L-Awstrija

L-aħħar aġġornament: 14/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna