Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Il-Qrati Nazzjonali

Jekk jinkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom, iċ-ċittadini jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-qrati. Il-qrati Portugiżi (il-qrati ċivili u dawk amministrattivi) huma responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja, għas-salvagwardja tad-drittijiet protetti legalment u tal-interessi taċ-ċittadini, għall-projbizzjoni tal-ksur tal-istat tad-dritt demokratiku u għas-soluzzjoni ta' tilwim pubbliku jew privat (l-Artikolu 202 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża).

Il-Qorti Kostituzzjonali għandha responsabbiltà partikolari għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi kwistjonijiet legali u kostituzzjonali. Meta l-appelli ordinarji jkunu ġew eżawriti (l-Artikoli 70(2) u 72 tal-Liġi Organika tal-Qorti Kostituzzjonali), il-parti li, matul il-proċedimenti, invokat in-nuqqas ta' kostituzzjonalità ta' liġi li kienet ġiet applikata, hija intitolata li tappella quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur il-paġna fuq Sistemi Ġudizzjarji fl-Istati Membri - il-Portugall.

Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

Ombudsman (O Provedor de Justiça)

Flimkien mal-funzjonijiet deskritti hawn taħt, sa mill-1999 l-Ombudsman Portugiż għandu r-rwol ta’ Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, akkreditat bi "Status A" min-Nazzjonijiet Uniti talli jikkonforma bis-sħiħ mal-Prinċipji ta’ Pariġi.

Għaldaqstant, il-ħidma tal-Ombudsman tinkludi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, billi jagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli abbażi tal-età jew tad-diżabilità psikomotriċi: it-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità.

L-ilmenti jitressqu u jiġu pproċessati skont il-proċedura msemmija fit-taqsima dwar l-Ombudsman.

Ombudsman

L-Ombudsman huwa l-korp statutorju li l-kompitu tiegħu huwa li "jiddefendi u jippromwovi d-drittijiet, il-libertajiet, il-garanziji u l-interessi leġittimi taċ-ċittadini) (l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 9/91 tad-9 ta’ April 1991 fil-verżjoni attwali tagħha) li jistgħu jinkisru indebitament fir-relazzjonijiet taċ-ċittadini mal-awtoritajiet pubbliċi. Meta dawn ma jkollhom l-ebda għażla oħra, minħabba li jew il-mezzi kollha ta' appell (amministrattivi u/jew ġudizzjarju) jkunu ġew eżawriti jew minħabba li l-limitu ta' żmien għal appell ikun skada, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-Ombudsman u jippreżentaw l-ilment tagħhom mingħar ħlas, filwaqt li jistabbilixxu r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom.

Kif ġie nnutat hawn fuq, fil-Portugall, l-Ombudsman huwa wkoll l-Istituzzjonali Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bir-rwol ta' Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Prevenzjoni.

Kien f'Mejju tal-2013 li l-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jassenja lill-Ombudsman ir-rwol ta' Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Prevenzjoni skont il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti Ieħor. Għaldaqstant, l-Ombudsman huwa responsabbli għat-twettiq ta' żjarat ta' spezzjoni f'postijiet ta' reklużjoni - ħabsijiet, kliniki, sptarijiet psikjatriċi, ċentri għall-edukazzjoni tal-minorenni, eċċ. - għas-sorveljanza tal-kwalità tal-akkomodazzjoni u tal-ikel għall-persuni mċaħħda mil-libertà, għall-verifika ta' jekk id-drittijiet fundamentali tal-priġunieri humiex imħarsa (inkluż, fejn possibbli, id-dritt għall-privatezza u l-kuntatt leġittimu ma' qraba u rappreżentanti legali) u għall-iżgurar tal-eżistenza (jew xort'oħra) ta' programmi terapewtiċi individwali.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati lill-Ombudsman permezz ta’ ittra, faks jew email, bit-telefown, personalment fl-Uffiċċju tal-Ombudsman (ikklikkja hawn għall-indirizzi), permezz ta’ formola ta’ lment elettronika (ikklikkja hawn) u fi kwalunkwe Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

Mhux il-komunikazzjonijiet kollha li jirċievi l-Ombudsman huma lmenti attwali – ta' spiss dawn ikunu spjegazzjonijiet anonimi, talbiet sempliċi għal informazzjoni u pariri legali jew dikjarazzjonijiet ġenerali dwar kwistjonijiet speċifiċi. Dawn ma jistgħu jingħataw l-ebda segwitu.

L-ilmenti jagħtu lok għal proċedura (mhux neċessarjament waħda ġdida, peress li l-ilmenti li jikkonċernaw kwistjonijiet simili jistgħu jiġu ttrattati fi proċedura waħdanija għal raġunijiet ta' ħeffa u ekonomija proċedurali) li hija investigata kif xieraq. Fi kliem ieħor, isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, pereżempju billi tinstema' l-entità li kontriha jkun sar ilment u saħansitra billi jinstema' l-ilmentatur innifsu, li jista' jitlob ukoll smigħ mal-Ombudsman.

Fit-tmiem ta' din il-proċedura, l-ilmenti jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet, suġġerimenti, rimarki u modi alternattivi oħra ta' rikonċiljazzjoni ta' interessi konfliġġenti u jistgħu jwasslu wkoll għal talbiet biex tiġi riveduta l-kostituzzjonalità jew il-legalità.

Minbarra li jwieġeb l-ilmenti miċ-ċittadini, l-Ombudsman jista' jiftaħ proċeduri fuq inizjattiva tiegħu stess sabiex jinvestiga sitwazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tiegħu bi kwalunkwe mezz u li jaqgħu fi ħdan il-mandat tiegħu.

Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

Organizzazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal

Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tad-Drittijiet u l-Protezzjoni tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Comissão Nacional de Promoção dos Direitos e Proteção das Crianças e Jovens - CNPDPCJ)

Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tgħin fl-ippjanar ta’ intervent mill-Istat u tikkoordina, tissorvelja u tivvaluta l-azzjoni meħuda mill-korpi pubbliċi u l-komunità biex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ. Wieħed mill-iktar kompiti importanti tagħha huwa li tħeġġeġ l-iffirmar ta’ protokolli dwar il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn, fost korpi oħra, il-Kumitati għall-Protezzjoni tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Comissões de Proteção de Crianças e Jovens - CPCJ) mifruxa mal-pajjiż kollu.

Is-CPCJs huma istituzzjonijiet uffiċjali mhux ġudizzjarji b'awtonomija funzjonali li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ u jipprevjenu jew iwaqqfu sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà, is-saħħa, it-taħriġ, l-edukazzjoni jew l-iżvilupp globali tagħhom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministério Público) jimmonitorja l-ħidma tas-CPCJs u jivvaluta l-legalità u l-mertu tad-deċiżjonijiet tagħhom, filwaqt li, meta jkun meħtieġ, jeżerċita stħarriġ ġudizzjarju.

Il-kumitati joperaw f'modalità plenarja u f'modalità ristretta. Il-kumitat plenarju huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex jiġu promossi d-drittijiet u jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-kumitat ristrett jintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn minorenni jew żgħażagħ ikunu fil-periklu, b’mod partikolari billi: jappoġġa u jagħti pariri lin-nies li javviċinaw il-kumitat ta’ protezzjoni; jiddeċiedi jekk jiftaħx u jmexxix proċeduri ta’ promozzjoni u protezzjoni, filwaqt li jwettaq valutazzjoni preliminari ta’ sitwazzjonijiet li l-kumitat ta’ protezzjoni jaf bihom, billi jinvestiga każijiet, jitlob il-parteċipazzjoni tal-membri tal-kumitat plenarju fl-investigazzjoni ta’ każijiet kull fejn ikun meħtieġ, jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ promozzjoni u protezzjoni u billi jissorveljahom u jirrevedihom (ħlief għall-miżura li tinvolvi l-approvazzjoni ta’ persuna magħżula għall-adozzjoni jew ta’ istituzzjoni ta’ adozzjoni), jinvestiga u jimmonitorja l-miżuri ta’ promozzjoni u protezzjoni mitluba minnu fil-kuntest ta’ kooperazzjoni ma’ kumitati oħra ta’ protezzjoni, jirrapporta lill-kumitat plenarju kull sitt xhur, mingħajr ma jiġu identifikati l-persuni involuti, dwar il-proċedimenti li jinbdew u dwar is-sitwazzjoni attwali fil-proċedimenti pendenti.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Kulħadd jista' jikkomunika informazzjoni dwar sitwazzjoni perikoluża direttament lill-CPCJ b'ittra, bit-telefown, b'faks jew b'posta elettronika, jew personalment fl-uffiċċji tal-kumitati. Il-kumitati huma responsabbli għaż-żona muniċipali ta’ fejn huma jkunu jinsabu. Ikklikkja hawn biex tara l-lista ta’ kuntatti ta’ CPCJs skont iż-żona fejn tgħix il-persuna minorenni.

L-intervent tas-CPCJs jirrikjedi l-kunsens u l-ftehim tal-ġenituri u jista’ jwassal għall-implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin:

  • Appoġġ konġunt tal-ġenituri;
  • Appoġġ konġunt ta’ membru ieħor tal-familja;
  • Tiġi fdata lil persuna ta’ reputazzjoni tajba;
  • Appoġġ għal għajxien indipendenti;
  • Kura f’familja;
  • Tqegħid f’istituzzjoni.

Il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni jitwettqu fl-ambjent ta’ għajxien normali jew fuq bażi ta’ tqegħid, skont in-natura tagħhom.

Korpi tal-Ugwaljanza

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Comissão para a Cidadania e a Igualdade de Género - CIG)

Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri hija l-korp nazzjonali responsabbli għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Din taħdem fl-oqsma li ġejjin: l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza; l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; il-protezzjoni tal-maternità u l-paternità; il-promozzjoni tal-mezzi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fl-oqsma differenti tal-ħajja; ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tal-ħajja privata u tal-familja tan-nisa u l-irġiel; il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u dik ibbażata fuq il-ġeneru u t-traffikar tal-bnedmin, u l-appoġġ lill-vittmi.

Is-CIG hija servizz ċentrali taħt l-amministrazzjoni diretta tal-Istat u għandha awtonomija amministrattiva. Din hija parti mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri u taqa’ taħt l-awtorità tas-Segretarju tal-Istat għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza.

B’mod partikolari, hija responsabbli li tirċievi lmenti dwar każijiet ta’ diskriminazzjoni jew vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u tippreżentahom, fejn xieraq, filwaqt li toħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-entitajiet involuti.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti dwar każijiet ta’ diskriminazzjoni jew vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jaslu għand is-CIG bil-posta elettronika, permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-Kummissjoni u bil-miktub.

L-ilmenti li jaslu huma analizzati u kklassifikati mis-servizzi interni, li jwieġbu direttament lill-ilmentatur bl-istess mod. Jistgħu jintbagħtu opinjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet lill-entitajiet ikkonċernati u/jew il-każijiet jistgħu jiġu riferuti lill-awtoritajiet kompetenti (pereżempju l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, ASAE (Autoridade de Segurança Alimentar e Económica - Awtorità dwar is-Sigurtà Alimentari u Ekonomika), ERC (Entidade Reguladora para a Comunicação Social - Awtorità Regolatorja għall-Media) b’kopja lill-entitajiet involuti.

Kummissjoni Għolja għall-Migrazzjoni (Alto Comissariado para as Migrações - ACM)

[Kummissjoni għall-Ugwaljanza u Kontra d-Diskriminazzjoni Razzjali (Comissão para a Igualdade e Contra a Discriminação Racial - CICDR)]

Il-Kummissjoni Għolja għall-Migrazzjoni (ACM) hija istituzzjoni pubblika li taħdem fuq id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki pubbliċi settorjali u transsettorjali dwar il-migrazzjoni li huma rilevanti għall-attrazzjoni tal-migranti f’kuntest nazzjonali u internazzjonali u fil-kuntest tal-lingwa Portugiża fid-dinja, sabiex jintegraw immigranti u gruppi etniċi, b’mod partikolari l-komunitajiet Rom, u biex jamministraw u jippromwovu d-diversità bejn il-kulturi, l-etniċitajiet u r-reliġjonijiet. Wieħed mill-iktar kompiti importanti tagħha huwa li tiġġieled kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew ir-reliġjon, irrispettivament mill-forma li tieħu diskriminazzjoni bħal din, permezz ta’ azzjonijiet, kampanji jew avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni pubblika u permezz tal-ipproċessar ta’ reati amministrattivi stabbiliti mil-liġi.

Taħt l-awspiċi tal-ACM, hemm Kummissjoni għall-Ugwaljanza u kontra d-Diskriminazzjoni Razzjali (Comissão para a Igualdade e Contra a Discriminação Racial - CICDR). Din il-Kummissjoni għandha l-għan li tipprevjeni u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni razzjali u li tippenalizza atti mwettqa minn kwalunkwe persuna li jiksru d-drittijiet fundamentali jew li jiċħdu jew jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali jew kulturali, fuq il-bażi li jappartjenu għal razza, etniċità, kulur, nazzjonalità, dixxendenza, jew reġjun ta’ oriġini partikolari, fit-termini u l-limiti stabbiliti fil-Liġi Nru 93/2017 tas-26 ta’ Awwissu 2017 li tistabbilixxi l-qafas legali għall-prevenzjoni u l-projbizzjoni ta’ u l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Il-Liġi Nru 93/2017 tipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni, kif definita fil-Liġi, inkluż serje ta’ prattiki bbażati fuq ir-razza, l-etniċità, il-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità, id-dixxendenza, jew ir-reġjun ta’ oriġini.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jitressqu lill-ACM jew direttament lis-CICDR b’ittra, faks, posta elettronika jew telefonata. Formola elettronika għall-ilmenti hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tas-CICDR.

Att ta’ diskriminazzjoni minn individwu jikkostitwixxi reat amministrattiv punibbli b’multa li tvarja bejn darba u darbtejn il-valur tal-indiċi tal-appoġġ soċjali. Att ta’ diskriminazzjoni minn persuna ġuridika pubblika jew privata jikkostitwixxi reat amministrattiv punibbli b’multa li tvarja bejn erba’ u għoxrin darba l-valur tal-indiċi tal-appoġġ soċjali.

Fil-każ kemm ta’ individwi kif ukoll ta’ persuni ġuridiċi privati u pubbliċi, l-applikazzjoni ta’ multi ma tippreġudika l-ebda responsabbiltà ċivili possibbli jew l-applikazzjoni ta’ piena oħra relatata mal-istess każ.

Il-Kummissjoni żżomm reġistru tad-dettalji ta’ individwi u persuni ġuridiċi li rċevew multi u pieni addizzjonali. Il-qrati u l-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet kollha li jikkonfermaw prattiċi diskriminatorji. Meta l-iskadenza għal kontestazzjoni ġudizzjarja tkun skadiet u ma tkun intalbet l-ebda kontestazzjoni ġudizzjarja, jew meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun saret res judicata, siltiet ta’ dik id-deċiżjoni jitpoġġew fuq is-sit web tal-ACM għal perjodu ta’ ħames snin. Siltiet bħal dawn jinkludu mill-inqas l-identifikazzjoni tal-persuna ġuridika misjuba ħatja, informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-att ta’ diskriminazzjoni u l-multi u sanzjonijiet addizzjonali applikati.

Korp tal-Protezzjoni tad-Data

L-Awtorità Portugiża għall-Protezzjoni tad-Data (Comissão Nacional de Proteção de Dados - CNPD)

Is-CNPD hija korp amministrattiv indipendenti taħt id-direzzjoni tal-Assemblea tar-Repubblika. Ir-rwol tagħha huwa li timmonitorja u tissorvelja l-ipproċessar tad-data personali f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet u l-garanziji previsti fil-Kostituzzjoni u l-liġi. Il-Kummissjoni hija l-Awtorità Nazzjonali għall-Monitoraġġ ta’ Data Personali. Is-CNPD tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data ta’ Stati oħra biex tipproteġi u tħares id-drittijiet tal-persuni li jgħixu barra mill-pajjiż.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti u l-applikazzjonijiet minn individwi li jikkonċernaw ksur tad-data personali għandhom jiġu indirizzati bil-miktub lis-CNPD. L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll b’mod elettroniku permezz tal-formola fuq is-sit web tas-CNPD. Iridu jiġu pprovduti l-isem, l-indirizz u l-firma tal-awturi tagħhom.

Ladarba jkun ġie rreġistrat ilment, dan jiġi investigat u ppreżentat għal valutazzjoni minn qabel minn membru tas-CNPD. Meta l-kwistjoni mqajma ma taqax taħt il-mandat tas-CNPD jew meta ma jkunx possibbli li tinħareġ deċiżjoni minħabba n-natura tad-dikjarazzjoni tal-individwu, din tista’ tiġi vvalutata jew tintbagħat b’mod ġust mill-membru li din ġiet assenjata lilu.

Id-deċiżjonijiet tas-CNPD huma adottati mill-maġġoranza, huma vinkolanti u huma soġġetti għal ilment u appell.

Korpi Speċjalizzati oħrajn

L-Istitut Nazzjonali għal Riabilitazzjoni, IP (Instituto Nacional para a Reabilitação, IP - INR, I.P.)

L-Istitut Nazzjonali għal Riabilitazzjoni huwa istituzzjoni pubblika integrata li attwalment taqa’ taħt l-awtorità tal-Ministeru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali, b’awtonomija amministrattiva u b’assi proprji. L-istitut jaħdem biex jiżgura opportunitajiet indaqs, jiġġieled id-diskriminazzjoni u jagħti s-setgħa lill-persuni b’diżabilità billi jippromwovi d-drittijiet fundamentali tagħhom.

L-INR jista’ jirċievi lmenti rigward diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabilità prevista fil-Liġi Nru 46/2006 tat-28 ta’ Awwissu 2006, li tipprojbixxi u tikkastiga d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabilità u l-preeżistenza ta’ riskju serju għas-saħħa. Id-diskriminazzjoni titqies li hija kwalunkwe att li jikser dritt fundamentali jew li jiċħad jew jirrestrinġi l-eżerċitar ta’ kwalunkwe dritt minn persuna, minħabba kwalunkwe diżabilità.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Sabiex tinbeda l-proċedura tal-ilmenti, għandha tintbagħat deskrizzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni meqjusa diskriminatorja lill-Istitut. Formola tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit web - https://www.inr.pt/formulario-de-queixa u tista’ tintbagħat b’posta elettronika lil inr@inr.mtsss.pt.

L-ilment irid jidentifika l-ilmentatur (l-isem sħiħ, in-numru tal-ID jew in-numru tal-kard taċ-ċittadin, in-numru tal-kontribwent, l-indirizz sħiħ, it-telefown jew dettalji ta’ kuntatt oħrajn) u jagħti deskrizzjoni ċara tal-fatti kollha. Dan irid jispeċifika x-xhieda billi jagħti l-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom u jrid ikun sostnut, sa fejn ikun possibbli, b’oġġetti, evidenza jew dokumenti li jixhdu l-okkorrenza tal-att diskriminatorju.

Wara li jiġi ppreżentat l-ilment, il-każ jintbagħat lill-awtorità amministrattiva kompetenti (l-ispettorati ġenerali, l-awtoritajiet regolatorji jew korpi kompetenti oħrajn) b’setgħat ta’ spezzjonar u/jew sanzjonar għall-fażi ta’ investigazzjoni li matulha tinġabar l-evidenza u wara dan il-każ jingħalaq jew inkella tiġi imposta multa (flimkien ma’ kwalunkwe penali addizzjonali). Tintbagħat kopja tad-deċiżjoni lill-Istitut Nazzjonali għar-Riabilitazzjoni.

It-twettiq ta’ att diskriminatorju huwa soġġett għall-ħlas ta’ multa li tista’ tvarja bejn ħames darbiet u 30 darba l-valur tal-paga minima ggarantita kull xahar, skont jekk il-ksur jitwettaqx minn persuna fiżika jew ġuridika.

Skont is-severità tar-reat u l-ħtija tat-trażgressur, jistgħu jiġu imposti penali addizzjonali, bħalma huma s-sekwestru ta’ affarijiet personali, il-projbizzjoni milli wieħed iwettaq professjoni jew attivitajiet, iċ-ċaħda tad-dritt għas-sussidji jew il-benefiċċji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, l-għeluq ta’ stabbilimenti u l-pubblikazzjoni tal-kundanni.

Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza fix-Xogħol u l-Impjiegi (Comissão para a Igualdade no Trabalho e no Emprego - CITE)

Is-CITE hija korp kolleġġjali tripartitiku u ekwilaterali b’awtonomija amministrattiva u personalità legali. Din tippromwovi l-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fil-post tax-xogħol, fl-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali u tikkoopera fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-obbligi skont il-ftehimiet f’dan il-qasam, kif ukoll obbligi relatati mal-protezzjoni tal-paternità u r-rikonċilazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja tal-familja u dik privata fis-settur privat, is-settur pubbliku u s-settur kooperattiv.

Fost il-kompiti ewlenin tagħha, din tivvaluta l-ilmenti li jiġu ppreżentati lilha jew sitwazzjonijiet li hija konxja dwarhom li jindikaw ksur tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol, fl-impjieg u fit-taħriġ vokazzjonali. Taħdem ukoll biex tiżgura l-protezzjoni tal-paternità u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-familja u l-ħajja privata u tipprovdi informazzjoni u għajnuna legali f’dan ir-rigward.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Kulħadd jista’ jippreżenta lment dwar reklamar tal-impjiegi u metodi oħrajn tar-reklutaġġ tal-impjegati li ma jiggarantux id-dritt għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-impjiegi.

Kull ħaddiem jista’ jippreżenta lment f’każ ta’ diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-impjieg, fix-xogħol u fit-taħriġ vokazzjonali.

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati b’ittra, b’faks jew b’posta elettronika. Dawn jistgħu jsiru wkoll bit-telefown permezz tan-numru bla ħlas 800 204 684 jew jiġu ppreżentati fil-bini tas-CITE b’appuntament minn qabel – telefown 21 780 37 09

Is-CITE tintalab tirrapporta l-opinjonijiet li jikkonfermaw jew jindikaw l-eżistenza ta’ prattiki tax-xogħol li huma diskriminatorji abbażi tal-ġeneru lis-servizz responsabbli għall-ispezzjoni tax-xogħol (l-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol), li jista’ jiftaħ proċedimenti amministrattivi ta’ reati kif deskritt hawn taħt.

Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (Autoridade para as Condições do Trabalho - ACT)

L-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol hija servizz tal-Istat li l-għan tagħha huwa li tippromwovi t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Portugall kontinentali billi timmonitorja l-konformità mar-Regolamenti tax-xogħol fil-kunest ta’ relazzjonijiet privati tax-xogħol u tippromwovi s-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali fis-setturi privati kollha.

Din timmonitorja wkoll il-konformità mal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali fis-setturi kollha u fid-dipartimenti u l-korpi ċentrali tal-amministrazzjoni pubblika (diretti, indiretti u lokali), inklużi l-istituti u l-proċeduri pubbliċi għall-għoti ta’ servizzi personalizzati jew fondi pubbliċi.

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati fir-rigward ta’ nuqqasijiet fil-faċilitajiet jew nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ACT, inklużi: il-kundizzjonijiet tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; kuntratti ta’ impjiegi b’terminu fiss; inugwaljanza u diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; l-istazzjonar tal-ħaddiema; it-tul ta’ żmien u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol; ir-rappreżentazzjoni kollettiva tal-ħaddiema; xogħol mhux iddikjarat jew irregolari; xogħol temporanju; xogħol mill-immigranti.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Kwalunkwe ħaddiem, rappreżentant tal-impjegati jew parti interessata oħra tista’ tippreżenta lment billi timla l-formola elettronika disponibbli fuq is-sit web tal-ACT.

Meta fl-eżerċitar tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha, l-ispettorat tax-xogħol isib jew jagħti prova b’mod personali u dirett (anke wara l-avveniment) ta’ kwalunkwe ksur tar-regoli punibbli b’multa, jitħejja rapport. Fir-rigward ta’ ksur li għalih ma tingħatax prova b’mod personali, l-ispettorat tax-xogħol iħejji rapport tal-inċident sostnut bl-evidenza disponibbli u l-ismijiet ta’ mill-inqas żewġ xhieda.

Wara li jitħejja r-rapport, l-akkużat jiġi nnotifikat u jingħata perjodu ta’ 15-il jum li fih huwa għandu jħallas il-multa b’mod volontarju, jippreżenta tweġiba bil-miktub flimkien ma’ kwalunkwe dokument ta’ sostenn u lista tax-xhieda jew jidher personalment biex jinstema’.

Il-limitu taż-żmien għat-tlestija tal-investigazzjoni huwa ta’ 60 jum, li jista’ jiġi estiż għal perjodi ugwali f’każijiet sostanzjati b’mod xieraq.

Reati amministrattivi serji ħafna jew ripetizzjonijiet ta’ reati amministrattivi serji mwettqa intenzjonalment jew b’negliġenza serja jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ penali addizzjonali. F’każ ta’ ripetizzjoni tar-reati amministrattivi msemmija hawn fuq, jistgħu jiġu imposti aktar penali addizzjonali, pereżempju projbizzjoni temporanja fuq it-twettiq tal-attivitajiet, l-irtirar tad-dritt li wieħed jieħu sehem f’irkantijiet jew offerti pubbliċi, jew il-pubblikazzjoni tas-sentenza, filwaqt li jitqiesu l-effetti ta’ detriment fuq l-impjegati jew il-benefiċċju ekonomiku rtirat mill-impjegatur.

Jekk ikun għadu possibbli, meta r-reat jikkonsisti mill-ommissjoni ta’ dmir, il-ħlas tal-multa ma jeżentax lit-trażgressur milli jikkonforma mad-dmir. Jekk ir-reat jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti, l-ACT tista’, flimkien mal-multa, tiddeċiedi li l-ammonti dovuti lill-ħaddiema jridu jitħallsu fil-limitu ta’ żmien għall-ħlas tal-multa.

Aġenzija Portugiża għall-Ambjent (Agência Portuguesa do Ambiente - APA)

Il-kompitu tal-Aġenzija Portugiża għall-Ambjent huwa li tipproponi, tiżviluppa u timmonitorja l-immaniġġjar integrat u parteċipattiv tal-politiki ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli b’koordinazzjoni ma’ politiki settorjali oħra u b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi u privati li qegħdin jaħdmu favur l-istess għan. Din taħdem għal livell għoli ta’ protezzjoni u titjib ambjentali u għall-għoti ta’ servizzi ta’ kwalità għolja liċ-ċittadini. Din hija wkoll l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sistema dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

Ħsara ambjentali tinkludi: (i) ħsara lil speċijiet protetti u lil ħabitats naturali; (ii) ħsara lill-ilma; (iii) ħsara lill-art.

Osservazzjonijiet li jikkonċernaw ħsara ambjentali jew theddida imminenti ta’ tali ħsara jistgħu jiġu ppreżentati lill-Aġenzija u tista’ ssir talba biex tittieħed azzjoni. Il-persuna li tippreżenta l-osservazzjoni għandha tippreżenta wkoll kwalunkwe data rilevanti jew interventi għad-dispożizzjoni tagħha.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Kwalunkwe individwu/parti interessata tista’ tibgħat talba bil-posta jew bil-posta elettronika. Formola elettronika ta’ kuntatt hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Aġenzija.

L-awtorità kompetenti teżamina t-talba għal azzjoni u tinforma lill-partijiet interessati jekk din ġietx aċċettata jew miċħuda. Jekk l-awtorità kompetenti tikkonferma l-eżistenza ta’ ħsara ambjentali u tilqa’ t-talba tal-applikant, l-operatur jiġi avżat bit-talba għal azzjoni bl-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati.

Spettorat Ġenerali tal-Agrikoltura, il-Baħar, l-Ambjent u l-Ippjanar Spazjali (Inspeção-Geral da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território - IGAMAOT)

L-IGAMAOT huwa servizz ċentrali taħt amministrazzjoni diretta tal-Istat u huwa responsabbli għall-kontroll, l-awditjar u s-superviżjoni tad-dipartimenti u l-korpi fi ħdan l-isfera ta’ attività tal-IGAMAOT, f’termini ta’ amministrazzjoni, ġestjoni u missjoni. Fl-oqsma tar-regolamentazzjoni tal-ikel u s-sigurtà alimentari, dan jimmonitorja l-appoġġ mill-fondi nazzjonali u tal-UE. Fl-oqsma tal-ambjent, l-ippjanar spazjali u l-konservazzjoni tan-natura, dan jiżgura monitoraġġ u valutazzjoni kontinwi tal-legalità.

Ix-xogħol tiegħu jkopri s-settur pubbliku u l-operaturi privati, kif ukoll iċ-ċittadini individwali fi kwistjonijiet relatati mal-leġiżlazzjoni ambjentali, l-ippjanar spazjali u l-konservazzjoni tan-natura u l-benefiċjarji ta’ appoġġ nazzjonali jew Ewropew fl-agrikoltura u s-sajd.

L-IGAMAOT jirċievi lmenti dwar atti li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu. Skont is-sitwazzjoni rrappurtata, dan jintervjeni fi kwistjonijiet tal-akbar riskju potenzjali flimkien mal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-IGAMAOT għandu "e-desk" fuq is-sit web tiegħu li permezz tiegħu jistgħu jiġu ppreżentati l-ilmenti billi timtela formola elettronika b’deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni osservata flimkien mal-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-ilmentatur. L-ilmentatur jista’ jitlob li dawn id-dettalji jibqgħu kunfidenzjali billi jimmarka l-kaxxa rispettiva fil-formola.

L-ilmenti, id-dikjarazzjonijiet u r-rapporti tal-inċidenti u talbiet oħra ppreżentati lill-IGAMAOT li jinkludu materjal li jista’ jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ spezzjoni, iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva speċifika mwettqa skont il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva.

It-talbiet anonimi ma jiġux ikkunsidrati ulterjorment, ħlief meta dawn ikunu sostanzjati jew dokumentati b’mod suffiċjenti.

Matul il-proċedura amministrattiva, l-IGAMAOT jistabbilixxi data ta’ skadenza sabiex jitwieġbu t-talbiet tiegħu għall-informazzjoni jew biex tintbagħat informazzjoni mill-korpi kkonċernati.

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni, jistgħu jibqgħu jittieħdu passi mal-entitajiet ikkonċernati bl-għan li tinġabar informazzjoni kif ukoll evidenza li jippermettu li tingħata sentenza dwar jekk għandhiex titwettaq spezzjoni.

Ladarba l-każ ikun ġie eżaminat u mingħajr preġudizzju għar-rapport obbligatorju għal skopijiet kriminali, titfassal proposta motivata sabiex tiġi ppreżentata lill-Ispettorat Ġenerali, li jista’ jiddeċiedi li jew jagħlaq il-każ, jimmonitorjah jew jieħu azzjoni straordinarja jew inkella li jirreferi l-kwistjoni lill-membru tal-Gvern responsabbli għall-IGAMAOT, li jiddeċiedi kif din għandha tiġi ttrattata.

Spettorat Ġenerali tas-Servizzi tal-Ġustizzja (Inspeção-Geral dos Serviços de Justiça - IGSJ)

L-IGSJ huwa servizz ċentrali tal-amministrazzjoni diretta tal-Istat, b’awtonomija amministrattiva, li l-kompitu tiegħu huwa li jivverifika, jispezzjona u jissorvelja l-entitajiet, id-dipartimenti u l-korpi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja jew soġġetti għall-monitoraġġ jew r-regolamentazzjoni tiegħu, inklużi s-servizzi tal-ħabs, bl-għan li jikkoreġi l-illegalitajiet jew l-irregolaritajiet u jottimizza l-funzjonament tas-servizzi.

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati rigward atti u ommissjonijiet li jitqiesu illegali, b’mod partikolari dewmien fl-għoti ta’ servizz pubbliku; servizz ta’ kwalità ħażina; imġiba inadegwata tal-impjegati jew l-aġenti; kundizzjonijiet ħżiena tal-bini; u, b’mod ġenerali, kwalunkwe irregolarità jew nuqqas fil-funzjonament tas-servizz.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati mingħajr ebda formalità speċjali b’wieħed mill-modi li ġejjin: personalment, bil-posta standard jew bit-telefown, b’faks jew b’posta elettronika. Formola għall-ilmenti għal dan il-għan hija disponibbli fuq is-sit web tal-IGSJ.

L-ilmenti, ir-rapporti tal-inċidenti u d-dikjarazzjonijiet ippreżentati personalment lill-IGSJ jintlaqgħu mill-ispettur inkarigat għal dan l-għan.

L-ilmenti ppreżentati dejjem jiġu assenjati numru tal-każ. L-ilmentatur jiġi nnotifikat bin-numru tal-każ u jrid jirreferi għalih fi kwalunkwe kuntatt mal-IGSJ. Fejn ikun xieraq, l-ilment jista’ jiġi kkombinat ma’ spezzjoni kontinwa jew pendenti jew ma’ proċess ta’ awditu.

L-ilmentaturi jistgħu jitolbu informazzjoni mill-IGSJ dwar l-istatus tal-każ tagħhom bi kwalunkwe mezz u billi jikkwotaw in-numru tal-każ. Jekk l-ilment ġie ppreżentat permezz tas-sit web tal-IGSJ, il-progress tiegħu jista’ jiġi ssorveljat permezz tal-password tal-aċċess li tkun ġiet iġġenerata meta saret il-preżentazzjoni elettronika.

L-ilmenti anonimi jiġu analizzati biss jekk id-dikjarazzjonijiet li saru jitqiesu koerenti u dettaljati. Ma tingħata l-ebda informazzjoni lill-ilmentatur dwar l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni mwettqa u lanqas ma jkun possibbli li tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar l-istatus tal-każ rispettiv permezz tas-sit web tal-IGSJ, peress li l-aċċess għal din l-informazzjoni jiddependi fuq ir-reġistrazzjoni tal-utent.

Spettorat Ġenerali tal-Affarijiet Interni (Inspeção-Geral da Administração Interna - IGAI)

L-IGAI huwa servizz indipendenti għall-kontroll estern tal-attività tal-pulizija. Dan jaqa’ taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni (Ministério da Administração Interna - MAI) u l-mandat tiegħu jinkludi s-servizzi u l-forzi kollha tas-sigurtà (GNR (Guarda Nacional Republicana - il-Gwardja Nazzjonali Repubblikana), PSP (Polícia de Segurança Pública - il-Pulizija tas-Sigurtà Pubblika) u SEF (Serviço de Estrangeiros e Fronteiras - is-Servizz tal-Barranin u l-Fruntieri)) li jiddependu fuq dan il-Ministeru. Dan iwettaq awditjar ta’ livell għoli, spezzjonijiet u superviżjoni ta’ dawn il-korpi u jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini, b’enfażi partikolari fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ż-żamma tal-ordni pubblika.

Kwalunkwe persuna (Portugiża jew barranija), gruppi ta’ persuni, assoċjazzjonijiet, kumpaniji jew korpi korporattivi oħrajn jistgħu jippreżentaw ilment dwar atti u ommissjonijiet meqjusa illegali, b’mod partikolari lmenti relatati mal-ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini minn professjonisti tal-korpi taħt l-awtorità tal-MAI. Tali ksur jinkludi: dewmien fl-għoti ta’ servizz pubbliku, servizz ta’ kwalità ħażina, imġiba inadegwata tal-impjegati tas-servizz pubbliku jew impjegati oħrajn fi ħdan il-mandat tal-MAI, kundizzjonijiet ħżiena tal-bini u, b’mod partikolari, kwalunkwe irregolarità jew nuqqas fil-funzjonament tas-servizzi.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jitressqu mingħajr ebda formalità speċjali bil-modi li ġejjin: bil-posta standard, personalment, bil-posta elettronika jew bl-użu tal-formola elettronika għall-ilmenti.

L-ilment għandu jagħti deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni osservata, jidentifika l-persuna responsabbli, jispeċifika d-data u l-post preċiżi (it-triq u n-numru tal-bieb, il-belt, il-parroċċa u l-muniċipalità) u, jekk possibbli, bl-appoġġ ta’ mappa tal-lokalità tas-sitwazzjoni rrappurtata.

Jekk ma jkunx possibbli li tiġi ppreżentata evidenza fil-mument tar-rapport tal-inċident, din trid tiġi ppreżentata kemm jista’ jkun malajr wara.

L-IGAI jiżgura li l-ilmenti kollha li jaqgħu fi ħdan il-mandat tiegħu jiġu skrutinizzati kif xieraq u li l-ilmentaturi kollha identifikati jirċievu tweġiba għad-dikjarazzjonijiet tagħhom. L-IGAI jista’ jintalab informazzjoni dwar l-istatus tal-każijiet billi jiġi kkwotat in-numru tal-każ.

L-ilmenti anonimi jiġu analizzati biss jekk id-dikjarazzjonijiet li saru jitqiesu koerenti u dettaljati.

Spettorat Ġenerali tal-Edukazzjoni u x-Xjenza (Inspeção-Geral da Educação e Ciência - IGEC)

L-IGEC jimmonitorja l-legalità u r-regolarità tal-atti mwettqa minn korpi, dipartimenti u aġenziji tal-Ministeru tal-Edukazzjoni jew taħt l-awtorità tal-membru rispettiv tal-Gvern. Huwa jimmonitorja, jivverifika u jissorvelja wkoll il-funzjonament tas-sistema edukattiva fl-edukazzjoni preskolastika u dik skolastika (primarja, sekondarja u ogħla). Il-mandat tiegħu jkopri forom speċjali ta’ edukazzjoni, l-edukazzjoni barra mill-iskola, ix-xjenza u t-teknoloġija u l-korpi, id-dipartimenti u l-aġenziji tal-Ministeru.

L-ombudsman tal-IGEC jissalvagwardja, jiddefendi u jippromwovi d-drittijiet leġittimi u l-interessi taċ-ċittadini u l-imparzjalità u l-ġustizzja tas-sistema edukattiva. Ix-xogħol tiegħu jew tagħha jinvolvi l-analiżi u l-indirizzar tal-ilmenti mill-utenti u l-aġenti tas-sistema edukattiva u jista’ jinvolvi investigazzjoni jew proċedura dixxiplinarja.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati b’ittra, b’faks jew b’email (igec@igec.mec.pt). Qabel ma jiġi ppreżentat ilment mal-IGEC, l-utenti u l-aġenti tas-sistema edukattiva għandhom, kull meta jkun possibbli, jispjegaw is-sitwazzjoni lill-korpi kompetenti tar-raggruppament ta’ skejjel/tal-iskola mhux raggruppata, tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla jew tal-korp/tas-servizz.

Ix-xogħol tal-Ombudsman jitwettaq mit-taqsimiet ta’ spezzjoni territorjali tal-IGEC, li huma responsabbli għall-valutazzjoni tal-ilmenti ppreżentati mill-utenti u l-aġenti tas-sistema edukattiva u għad-determinazzjoni tal-proċedura meqjusa l-aktar xierqa sabiex dan jiġi ttrattat. Dan jista’ jwettaq ukoll investigazzjoni preliminari li essenzjalment tfittex li tiddefinixxi s-suġġett tal-ilment u tistabbilixxi r-raġunijiet għall-ilment malajr u b’mod effiċjenti. Meta tali lmenti jirrelataw ma’ kwistjonijiet fi ħdan il-kompetenza tal-kap tar-raggruppament ta’ skejjel/tal-iskola mhux raggruppata, l-ilmenti jiġu riferuti direttament lir-rettur/il-president/id-direttur tal-istituzzjoni/l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew lid-direttur ġenerali tal-iskejjel, permezz tad-delegati tal-edukazzjoni reġjonali. L-ilmenti dwar il-korpi/is-servizzi edukattivi/tax-xjenza huma analizzati direttament mill-IGEC wara li jinstemgħu l-partijiet involuti.

L-ilmenti li jaslu fil-Kwartieri Ġenerali tal-IGEC jintbagħtu lit-taqsimiet ta’ spezzjoni territorjali sabiex tiġi ddeterminata l-aktar proċedura adegwata.

Id-diretturi tar-raggruppamenti tal-iskejjel/tal-iskejjel mhux raggrupati u r-rettur/il-president/il-kap tal-istituzzjoni/l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla għandhom awtorità dixxiplinarja fuq l-għalliema u fuq il-persunal li ma jgħallimx kif ukoll fuq l-istudenti. Min-naħa l-oħra, id-direttur ġenerali tal-iskejjel, permezz tad-delegati tal-edukazzjoni reġjonali, għandu awtorità dixxiplinarja fuq il-korp amministrattiv u maniġerjali tar-raggruppamenti tal-iskejjel/tal-iskejjel mhux raggruppati.

Madankollu, l-Ispettur Ġenerali għandu s-setgħa li jiftaħ il-proċedura dixxiplinarja korrispondenti meta jiġi stabbilit li seħħew reati dixxiplinarji permezz ta’ spezzjoni.

L-ilmenti li jaslu fil-Kwartieri Ġenerali jew fit-taqsimiet ta’ spezzjoni territorjali dwar l-operat ta’ setturi oħra tal-amministrazzjoni u/jew tal-azzjoni ta’ entitajiet privati li ma jaqgħux taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xjenza jiġu riferuti lis-servizzi tal-gvern ċentrali, reġjonali jew lokali kompetenti u l-parti interessata tiġi nnotifikata b’dan.

Spettorat Ġenerali tal-Attivitajiet tas-Saħħa (Inspeção-Geral das Atividades em Saúde - IGAS)

L-Ispettorat Ġenerali tal-Attivitajiet tas-Saħħa huwa servizz ċentrali taħt l-amministrazzjoni diretta tal-Istat, li l-kompitu tiegħu huwa li jiżgura konformità mal-liġi u ma’ livelli tekniki għoljin tal-prestazzjoni fl-oqsma kollha tal-għoti tal-kura tas-saħħa, kemm mill-korpi tal-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll minn dawk taħt l-awtorità tiegħu u minn korpi tas-settur pubbliku, privat jew soċjali.

Kwalunkwe irregolarità jew nuqqas fil-funzjonament tas-servizzi jista’ jiġi rrappurtat lill-IGAS, bħal: atti u ommissjonijiet meqjusa illegali, użu ħażin tal-flus jew tal-fondi pubbliċi, frodi jew korruzzjoni, ostakoli għall-aċċess jew inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa f’fornitur jew stabbiliment partikolari, imġiba ħażina min-naħa tal-impjegati jew tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, eċċ.

Jekk il-fatt irrappurtat ma jaqax taħt il-kompetenza tal-IGAS, id-dikjarazzjonijiet jew l-ilmenti minn korpi identifikati kif xieraq jintbagħtu lill-korp kompetenti.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Kwalunkwe persuna (Portugiża jew barranija), gruppi ta’ persuni, assoċjazzjonijiet, kumpaniji jew korpi korporattivi oħrajn, jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom bil-posta jew b’posta elettronika.

L-ilmenti/id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe ħin u jridu jkunu kompluti u sostanzjati billi, meta jkun possibbli, tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-persuna jew l-organizzazzjoni kkonċernata, il-fatti, id-dati u l-postijiet fejn dawn seħħew, l-identifikazzjoni personali (l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt) u informazzjoni dwar jekk l-ilment/id-dikjarazzjoni ġietx ippreżentata lil korp ieħor.

L-IGAS janalizza l-ilmenti/id-dikjarazzjonijiet li fihom il-ħin, il-metodu u l-post tal-fatti jew tal-atti, l-awturi u r-responsabbiltà potenzjali tagħhom jitqiesu koerenti u dettaljati.

L-ilmenti/id-dikjarazzjonijiet jistgħu jirriżultaw fi spezzjoni jew fi proċedura ta’ kjarifika skont ir-Regolament dwar l-Ispezzjoni tal-IGAS.
F’każ ta’ proċeduri ta’ spezzjoni, il-prinċipju ta’ proċedimenti kontradittorji jiġi osservat dejjem. Dan jippermetti s-smigħ ta’ dawk ikkonċernati, ħlief f’każijiet previsti mil-liġi, jiġifieri każijiet li fihom l-investigazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u l-kumpilazzjoni tax-xhieda jistgħu jiġu oġġettivament imfixkla.

Il-partijiet interessati identifikati kif xieraq jiġu informati bl-eżitu tal-intervent tal-IGAS.

Awtorità Regolatorja tas-Saħħa (Entidade Reguladora da Saúde - ERS)

L-Awtorità Regolatorja tas-Saħħa (ERS) hija korp pubbliku indipendenti li l-kompitu tagħha huwa li tirregola l-attività ta’ stabbilimenti tal-kura tas-saħħa, jiġifieri l-istabbilimenti kollha tal-kura tas-saħħa tas-settur pubbliku, privat u soċjali li jservu lill-pubbliku fil-Portugall kontinentali ħlief spiżeriji.

Il-kompitu li tirregola u tissorvelja lill-fornituri jinkludi: l-indirizzar tal-ilmenti mill-utenti, il-fornituri u l-istituzzjonijiet; it-twettiq ta’ spezzjonijiet u awditjar tal-faċilitajiet tal-fornituri tal-kura tas-saħħa; l-investigazzjoni tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet tal-utenti; it-twettiq ta’ proċedimenti ta’ reati amministrattivi u l-impożizzjoni ta’ penali; il-ħruġ ta’ struzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, it-twettiq ta’ studji dwar l-organizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa,

L-ilmenti li jaqgħu taħt il-mandat tal-ERS jikkonċernaw:

  • Aċċess għal kura tas-saħħa
  • Diskriminazzjoni
  • Il-kwalità tal-għajnuna tal-kura tas-saħħa
  • Il-kwalità tal-għajnuna amministrattiva
  • Drittijiet tal-utenti
  • Il-ħinijiet ta’ stennija għal vista
  • Il-ħinijiet ta’ stennija għal appuntamenti
  • Kwistjonijiet finanzjarji
  • Kwistjonijiet legali
  • Il-kwalità tal-faċilitajiet

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-utenti tas-servizzi tas-saħħa jistgħu jippreżentaw ilment permezz tal-ktieb tal-ilmenti li għandu jsir disponibbli fl-istabbilimenti fejn jingħata s-servizz pubbliku jew direttament lill-kumpanija jew lill-fornitur tas-servizz wara l-avveniment.

Huwa possibbli wkoll li jsiru dikjarazzjonijiet direttament lill-ERS bil-posta, bit-telefown, personalment jew permezz tal-Ktieb tal-Ilmenti Online, disponibbli fuq il-portal tal-ERS. L-ERS tittratta l-ilmenti ppreżentati permezz tal-Ktieb tal-Ilmenti Online bi preċiżament l-istess mod kif din tittratta l-ilmenti mill-kotba tal-ilmenti tradizzjonali disponibbli fil-bini tal-fornituri tal-kura tas-saħħa.

Jekk l-ilmentatur kiteb id-dikjarazzjoni tiegħu fil-ktieb tal-ilmenti disponibbli fil-bini tal-fornitur, dan jista’ jibgħat lill-ERS il-kopja tad-dikjarazzjoni li kellha tingħata lilha fil-ħin tal-ilment (karta blu). Il-fornitur għandu 10 ijiem tax-xogħol biex jibgħat l-ilment lill-ERS.

Jekk l-utent jindirizza d-dikjarazzjoni tiegħu direttament lill-fornitur billi jibgħat ittra formali (bil-posta), b’faks jew b’posta elettronika, dan jista’ jibgħat kopja tad-dokument oriġinali lill-ERS.

Malli l-ERS tirċievi l-ilment, din titlob lill-ilmentatur jippreżenta kwalunkwe dikjarazzjoni li huwa jew hija jqis/tqis rilevanti. Skont il-kontenut tal-ilment u d-dikjarazzjonijiet ippreżentati, l-ERS tieħu tali azzjoni li hija tqis adegwata skont il-poteri mogħtija lilha mil-liġi. Jekk l-ilment ma jkunx identifikat kif xieraq jew ma jkunx koerenti biżżejjed, dan jingħalaq. Jekk l-ilment ma jaqax taħt il-mandat tagħha, l-ERS tinforma lill-ilmentatur dwar il-korp responsabbli li jittrattah u tibagħtu lilu kif xieraq.

Spettorat Ġenerali tal-Ministeru tax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali (Inspeção-Geral do Ministério do Trabalho, Solidariedade e Segurança Social - IGMTSSS)

L-IGMTSSS huwa servizz taħt l-amministrazzjoni diretta tal-Istat u huwa parti mill-Ministeru tax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali (Ministério do Trabalho, Solidariedade e Segurança Social - MTSSS). Dan jissorvelja s-servizzi u l-korpi tal-MTSSS jew dawk taħt l-awtorità tal-Ministru rispettiv.

L-IGMTSSS jivvaluta l-legalità u l-konformità regolatorja tal-atti tad-dipartimenti u l-korpi tal-Ministeru jew taħt l-awtorità tal-Ministru rispettiv u jevalwa l-prestazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom permezz ta’ spezzjonijiet u awditjar. Jevalwa l-kwalità tas-servizzi mogħtija liċ-ċittadini u jirrakkomanda tibdil u miżuri li jikkoreġu n-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet skoperti.

L-ilmenti jew ir-rapporti tal-inċidenti dwar ksur imwettaq minn korpi taħt l-awtorità tal-Ministeru, inklużi l-istituzzjonijiet li jappartjenu lis-Santa Casa da Misericórdia (id-Dar Imqaddsa tal-Ħniena) u lill-istituzzjonijiet privati tas-solidarjetà soċjali, jistgħu jiġu indirizzati lill-Ispettorat.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

L-ilmenti jistgħu jintbagħtu bil-posta, b’posta elettronika jew permezz ta’ formola elettronika disponibbli fuq is-sit web. Minbarra l-identifikazzjoni tas-suġġett tal-ilment u d-data tal-fatti, l-ilment għandu jinkludi deskrizzjoni qasira u ċara tal-avvenimenti li wasslu għal dan.

Awtorità tas-Sigurtà Alimentari u Ekonomika (Autoridade de Segurança Alimentar e Económica - ASAE)

L-ASAE hija l-awtorità amministrattiva nazzjonali li tispeċjalizza fis-sigurtà alimentari u l-monitoraġġ ekonomiku. Din hija responsabbli għall-valutazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riskji fil-katina tal-ikel u għar-regolar tal-attivitajiet ekonomiċi fis-setturi tal-ikel u dawk mhux tal-ikel billi timmonitorja l-konformità mal-leġiżlazzjoni regolatorja rispettiva.

Il-fornituri kollha tal-oġġetti jew tas-servizzi li jwettqu l-attività tagħhom fi stabbiliment fiss, permanenti, fiżiku, li għandhom kuntatt dirett mal-pubbliku u li jfornu oġġetti jew servizzi fil-Portugall, huma meħtieġa li jkollhom ktieb tal-ilmenti.

L-ipproċessar tal-ilmenti:

Jekk klijent ma jkunx kompletament sodisfatt meta jingħata s-servizz jew jixtri prodott, huwa jista’ jitlob il-ktieb tal-ilmenti li jista’ jintuża biex jispjega r-raġuni għan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu. Il-fornituri tas-servizz iridu jibagħtu l-formoli oriġinali tal-ilment lill-ASAE sa mhux aktar minn 10 ijiem tax-xogħol.

Atti illegali jistgħu jiġu rrappurtati wkoll permezz ta’ formola għall-ilmenti disponibbli fuq is-sit web tal-ASAE u jistgħu jirrelataw ma’ reati amministrattivi jew kwistjonijiet kriminali fi ħdan il-mandat ta’ din l-Awtorità.

Jekk l-att illegali rrappurtat ma jaqax taħt il-mandat tal-ASAE, l-ilment jiġi riferut lill-awtorità kompetenti.

L-ilment irid jitfassal b’mod komplut u sostanzjat billi jagħti, fejn ikun possibbli, informazzjoni dettaljata dwar il-fatti u l-korp li qiegħed jiġi rrappurtat, il-post fejn seħħew il-fatti (l-indirizz u/jew punti ta’ riferiment oħrajn), ir-raġunijiet għall-ilment u kwistjonijiet oħrajn rilevanti. Jekk rapport isir b’mod anonimu, ma tistax tingħata aktar informazzjoni f’data aktar ’il quddiem.

Mal-wasla tal-ilment u ma’ kwalunkwe dikjarazzjoni rispettiva, l-ASAE tibda l-proċedura xierqa jekk il-fatti tal-ilment jindikaw reat amministrattiv imsemmi fir-regola speċifika applikabbli. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-ASAE tinnotifika lill-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizz sabiex dan ikun jista’ jippreżenta d-dikjarazzjonijiet li jitqiesu adegwati sa mhux aktar tard minn 10 ijiem.

Wara li tanalizza l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet u s-sustanza tal-ilment, l-ASAE tista’ tibgħat l-ilment lil korp ieħor b’kompetenza fis-suġġett tal-ilment jew tipproponi li l-ilment jingħalaq jekk ma jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-azzjoni.

Jekk l-analiżi tal-fatti ppreżentati fl-ilment tirriżulta f’tilwim u wara li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex tissolva s-sitwazzjoni, l-ASAE tinforma lill-ilmentatur bil-miktub (jekk huwa jew hija ġew identifikati kif xieraq) dwar il-proċeduri jew il-miżuri li ttieħdu jew li ser jittieħdu wara l-ilment.

Korpi oħra

L-Istitut tas-Sigurtà Soċjali (Instituto de Segurança Social, I.P. (ISS)

L-Istitut tas-Sigurtà Soċjali, I.P. huwa istituzzjoni pubblika bi status speċjali skont il-liġi. Dan huwa taħt l-amministrazzjoni indiretta tal-Istat u għandu awtonomija amministrattiva u finanzjarja u għandu l-assi proprji tiegħu.

Huwa responsabbli li jiżgura l-għoti tal-protezzjoni legali. Il-protezzjoni legali hija dritt tal-persuni u tal-entitajiet li ma jagħmlux qligħ li mhumiex kapaċi jħallsu l-ispejjeż assoċjati mal-proċedimenti tal-qrati f’każ ta’ sensja, divorzju, tkeċċija, ħtif eċċ. jew proċedimenti ekstraġudizzjarji f’każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku.

Il-protezzjoni legali tinkludi:

Parir Legali – konsultazzjoni ma’ avukat għal kjarifika teknika dwar il-liġi applikabbli għal kwistjonijiet jew każijiet speċifiċi li fihom l-interessi personali leġittimi jew id-drittijiet jinkisru jew jinsabu f’riskju li jinkisru (ma japplikax għal entitajiet li ma jagħmlux qligħ).

Għajnuna Legali – il-ħatra ta’ avukat u l-ħlas tat-tariffi tagħhom jew il-ħlas tat-tariffi tal-konsulent maħtur mill-qorti (defensor oficioso - l-isem mogħti lill-avukati f’każ ta’ imputat fi proċedimenti kriminali jew ta’ offiżi amministrattivi), eżenzjoni minn spejjeż legali jew l-għażla tal-ħlasijiet parzjali u l-assenjazzjoni ta’ aġent ta’ eżekuzzjoni (uffiċjal ġudizzjarju dejjem jaqdi d-dmirijiet tal-aġent ta’ eżekuzzjoni).

Dawn li ġejjin għandhom id-dritt għall-protezzjoni legali:

  • Ċittadini Portugiżi u ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
  • Barranin u persuni mingħajr stat b’permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
  • Barranin mingħajr permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea – jekk il-liġijiet tal-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jagħtu l-istess dritt lil ċittadini Portugiżi.
  • Persuni li huma domiċiljati jew residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea differenti mill-Istat Membru fejn ikunu ser isiru l-proċedimenti (tilwim transkonfinali).
  • Persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ – għandhom biss id-dritt għall-għajnuna legali fil-forma ta’ eżenzjoni mit-tariffi legali jew spejjeż oħra proċedurali, il-ħatra u l-ħlas tat-tariffi tal-avukat, il-ħlas tat-tariffi tal-konsulent maħtur mill-qorti u l-assenjazzjoni ta’ aġent ta’ eżekuzzjoni.

Il-persuni kollha elenkati hawn fuq iridu juru li mhumiex kapaċi jħallsu l-ispejjeż assoċjati mal-kawża, mal-ħatra ta’ avukat. eċċ.

Skont il-liġi Portugiża, il-persuni li, abbażi tal-introjtu, l-assi u l-infiq kontinwi tal-unità domestika tagħhom mhumiex f’pożizzjoni oġġettiva li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti, jitqiesu li qegħdin isofru minn diffikultà finanzjarja.

Il-formoli tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna legali jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas minn kwalunkwe uffiċċju tas-servizzi għall-konsumatur tas-Servizzi tas-Sigurtà Soċjali jew f’format elettroniku fuq is-sit web tas-Sigurtà Soċjali.

L-applikazzjoni tista’ tingħata personalment jew tintbagħat bil-posta lil kwalunkwe uffiċċju tas-servizzi għall-konsumatur tas-Sigurtà Soċjali (jekk jogħġbok ehmeż id-dokumenti kollha meħtieġa).

L-intitolament għall-protezzjoni legali jista’ jiġi vverifikat permezz tas-simulatur tal-protezzjoni legali, disponibbli fil-kolonna tal-lemin tal-paġna web li ġejja: http://www.seg-social.pt/calculo-do-valor-de-rendimento-para-efeitos-de-proteccao-juridica

Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna Għajnuna legali.

Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kriminalità (Comissão para a Proteção das Vítimas de Crimes)

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kriminalità hija l-korp tal-Ministeru tal-Ġustizzja responsabbli sabiex jirċievi, janalizza u jiddeċiedi dwar talbiet għall-kumpens mill-Istat miġjuba mill-vittmi tal-kriminalità vjolenti u l-vittmi tal-vjolenza domestika.

L-obbligu għall-ħlas tal-kumpens huwa tal-persuna li wettqet ir-reat, iżda f’xi każijiet, l-Istat jista’ jħallas minn qabel il-kumpens meta l-awtur ma jkunx jista’ jħallas jew mhuwiex possibbli li jikseb il-kumpens f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli u l-ħsara tkun ikkawżat tfixkil konsiderevoli għall-istandard tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tal-vittma.

It-talba għall-kumpens tista’ tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard minn sena mid-data tar-reat jew, fil-każ ta’ proċedimenti kriminali, sa mhux aktar tard minn sena wara d-deċiżjoni finali fil-proċedimenti. Il-vittmi li kienu minorenni fiż-żmien tar-reat jistgħu jippreżentaw talba sa mhux aktar minn sena wara li jilħqu l-età maġġorenni jew wara li jkunu saru emanċipati.

It-talba għandha tiġi ppreżentata fuq il-formola xierqa, li hija disponibbli fil-bini tal-Kummissjoni jew fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-APAV (Assoċjazzjoni Portugiża ta’ Appoġġ għall-Vittmi) – Associação Portuguesa de Apoio à Vítima). Formola elettronika għall-ilmenti hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

It-talba hija eżentata mill-ħlas ta’ kwalunkwe spiża jew nefqa mill-vittma, u d-dokumenti u ċ-ċertifikati meħtieġa għat-talba jistgħu jinkisbu wkoll mingħajr ħlas.

Jekk ir-reat ikun twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, it-talba għall-kumpens li għandu jitħallas mill-Istat inkwisjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Vittmi tal-Kriminalità jekk ir-rikorrent ikun abitwalment residenti fil-Portugall.

L-aħħar aġġornament: 05/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.