Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Irlanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Kummissjoni Irlandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza

Indirizz:

16-22 Green Street,
Rotunda,
Dublin 7,
D07 CR20

Tel: + 353 (0) 1 8589601 – il-linji tat-telefown huma miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00 a.m. u s-1.00 p.m. u bejn is-2.00 p.m. u l-5.00 p.m.
Fax: + 353 (0) 1 8589609

Email: info@ihrec.ie

Fl-2013, il-Kummissjoni Irlandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Awtorità għall-Ugwaljanza ġew amalgamati u saru Il-Kummissjoni Irlandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza (IHREC). L-IHREC ġiet stabbilita bħala korp statutorju indipendenti. L-għan tagħha huwa li tħares u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza u li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kultura ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-fehim interkulturali fl-Irlanda.

Il-funzjonijiet tal-Kummissjoni huma;

  • li tħares u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza
  • li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kultura ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, u l-fehim interkulturali fl-Istat,
  • li tippromwovi fehim u sensibilizzazzjoni tal-importanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-Istat,
  • li tħeġġeġ prattika tajba fir-relazzjonijiet interkulturali, tippromwovi t-tolleranza u l-aċċettazzjoni tad-diversità fl-Istat u r-rispett għal-libertà u d-dinjità ta’ kull persuna, u
  • li taħdem għall-eliminazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, id-diskriminazzjoni u l-imġiba pprojbita.

Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi wkoll l-adegwatezza u l-effikaċja tal-liġi u l-prattika fl-Istat relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Dan tista’ tagħmlu minn jeddha jew meta tintalab tagħmel hekk minn Ministru tal-Gvern, biex teżamina kwalunkwe proposta leġiżlattiva u tirrapporta fehmietha dwar kwalunkwe implikazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Il-kummissjoni tista’ wkoll, minn jeddha jew wara talba mill-Gvern, tagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet lill-Gvern li tqis li jkunu xierqa fir-rigward tal-miżuri li l-Kummissjoni tqis li għandhom jittieħdu biex jissaħħu, jitħarsu u jkunu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-Irlanda.

Fir-rigward tal-affarijiet legali, il-funzjoni tal-Kummissjoni hija li taħdem għall-eliminazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, tad-diskriminazzjoni u tal-imġiba pprojbita. L-IHREC tista’ titlob ukoll il-libertà li tidher quddiem il-Qorti Superjuri jew quddiem il-Qorti Suprema, skont il-każ, bħala amicus curiae fi proċedimenti quddiem dik il-qorti li jinvolvu, jew li jikkonċernaw, id-drittijiet tal-bniedem jew drittijiet ta’ ugwaljanza ta’ kwalunkwe persuna u biex tidher bħala tali amicus curiae ladarba tingħata dik il-libertà (kull waħda minn dawn il-qrati msemmija għandha s-setgħa li tagħti dik il-libertà fid-diskrezzjoni assoluta tagħha.)

L-IHREC tipprovdi wkoll assistenza prattika, inkluża assistenza legali, lin-nies biex jinfurzaw drittijiethom kif tħoss li jkun xieraq skont l-Artikolu 40. Skont l-Artikolu 41 jew l-Artikolu 19 tal-Att tal-2003, l-IHREC, fejn tħoss li jkun xieraq, tista’ tiftaħ kawża kif ikun meħtieġ. L-IHREC għandha s-setgħa li twettaq investigazzjonijiet skont l-Artikolu 35 u abbażi tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tħejji u tippubblika wkoll, kif tqis li jkun xieraq, rapporti inklużi rapporti dwar kwalunkwe riċerka li tkun għamlet, sponsorizzat, ikkummissjonat jew assistiet għaliha.

L-IHREC taħdem biex tippermetti l-bidla u tista’ tisponsorizza, tassumi, tikkummissjona jew tipprovdi assistenza finanzjarja jew ta’ tip ieħor għall-attivitajiet edukattivi u ta’ riċerka. L-IHREC tista’ tipprovdi jew tassisti fl-għoti ta’ edukazzjoni u taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem. L-IHREC, minn jeddha jew wara talba tal-Ministru, tista’ tassumi, tisponsorizza jew tikkummissjona, jew tipprovdi assistenza finanzjarja jew ta’ tip ieħor għall-programmi tal-attivitajiet u l-proġetti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-migranti jew minoranzi oħra, l-ugwaljanza (inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi) u r-rispett għad-diversità u d-differenza kulturali. L-IHREC tista’ twettaq reviżjonijiet tal-ugwaljanza u tħejji pjanijiet ta’ azzjoni jew tistieden lil ħaddieħor biex jagħmilhom fejn ikun xieraq.

Ombudsman għad-drittijiet tat-tfal

Indirizz:

Ombudsman for Children’s Office
Millennium House
52-56 Great Strand Street
Dublin 1
Ireland

Telefown: 01 865 6800

Sit web: http://www.oco.ie/
Email: ococomplaint@oco.ie


Funzjonijiet: L-Uffiċċju tal-Ombudsman għat-Tfal (OCO) huwa korp statutorju indipendenti stabbilit fl-2004 biex jippromwovi u jħares id-drittijiet u l-benessri tat-tfal u ż-żgħażagħ sa 18-il sena fl-Irlanda. Huwa istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tat-tifsira tal-Prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. L-OCO huwa ggwidat f’xogħlu mill-obbligi internazzjonali tal-Irlanda għad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

L-Ombudsman għat-Tfal huwa indipendenti fil-prestazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu u għandu responsabilità diretta lejn l-Oireachtas (il-Parlament).

Il-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għat-Tfal huma stabbiliti fl-Att dwar l-Ombudsman għat-Tfal, 2002. Il-funzjonijiet prinċipali huma:

  • l-għoti ta’ mekkaniżmu indipendenti, imparzjali u b’xejn għall-immaniġġar tal-ilmenti biex jiġu eżaminati ilmenti minn tfal u żgħażagħ, jew minn adulti f’isimhom, dwar entitajiet pubbliċi, skejjel jew sptarijiet;
  • l-għoti ta’ pariri lill-Ministri dwar il-liġi u l-politika relatati mat-tfal;
  • l-inkoraġġiment lill-entitajiet pubbliċi biex itejbu l-prassi u l-proċeduri tagħhom fl-interessi tat-tfal;
  • l-enfasi tal-kwistjonijiet ta’ tħassib għat-tfal u ż-żgħażagħ infushom; u
  • il-promozzjoni ta’ sensibilizzazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet u l-benefiċċji tat-tfal u kif dawn id-drittijiet jistgħu jiġi infurzati.

Fir-rigward tal-funzjoni tal-immaniġġar tal-ilmenti tal-Uffiċċju, l-Att tal-2002 stabbilixxa raġunijiet ta’ amministrazzjoni ħażina standard għar-reviżjoni tal-ilmenti u t-twettiq ta’ investigazzjonijiet. Eżamijiet jew investigazzjonijiet preliminari jistgħu jinbdew fuq ilment li jasal għand l-Uffiċċju jew fuq l-inizjattiva personali tal-Ombudsman għat-Tfal.

Peress li l-effett ta’ azzjoni fuq it-tfal irid ikun suġġett ta’ kull investigazzjoni mmexxija mill-Ombudsman għat-Tfal u li t-tfal infushom jistgħu jressqu lmenti lill-Uffiċċju, l-Att jistabbilixxi dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi li jqisu l-vulnerabilità partikolari tat-tfal:

  • Obbligu li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal
  • Obbligu li jitqiesu x-xewqiet it-tfal.

Proċeduri: Ladarba jsir ilment lill-Uffiċċju tal-Ombudsman għat-Tfal, dan jiġi eżaminat għall-valutazzjoni tal-ammissibilità tiegħu u għal jekk in-natura tal-ilment titlobx li t-trattament tal-ilment jitħaffef.

L-OCO jfittex dejjem soluzzjoni lokali għall-ilmenti fl-iktar stadju bikri possibbli u huwa obbligat jagħti qabel kollox l-opportunità li tindirizza l-aggravju tal-ilmentatur lill-entità pubblika suġġetta għall-ilment .

Jekk ilment ikun ammissibbli, jipproċedi għall-istadju ta’ eżami preliminari. Jekk, hekk kif jitlesta l-eżami preliminari, l-OCO jkun jidhirlu li hemm bżonn ta’ investigazzjoni, ikun jista’ jipproċedi fl-investigazzjoni tal-ilment iktar bi sħiħ.

Għal iktar informazzjoni dwar il-proċedura tal-ilmenti tal-OCO żur: https://www.oco.ie/complaints/

Eżitu: Ladarba tintemm investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Ombudsman għat-Tfal ikun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-entità pubblika, skola jew sptar ikkonċernat skont is-sejbiet tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jista’ jkollhom x’jaqsmu mat-titjib tal-qagħda tat-tfal ikkonċernati u/jew biex isiru bidliet sistemiċi usa’ fl-interessi tat-tfal.

Ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex legalment vinkolanti. madankollu, waħda mis-setgħat statutorji tal-OCO hija li jibgħat rapport speċjali lill-Oireachtas (Parlament) fil-każ li entità pubblika ma tilqax ir-rakkomandazzjonijiet tal-OCO.

Ombudsperson

Indirizz:

Office of the Ombudsman, 
6 Earlsfort Terrace,
Dublin 2

Sit web: https://www.ombudsman.ie/
Email: communications@ombudsman.ie

Tel: +353 (0) 1 639 5600

Tip ta’ talbiet ittrattati

Persuna tista’ tilmenta lill-Ombudsman dwar

  • id-dipartimenti tal-gvern,
  • l-awtoritajiet lokali,
  • l-Eżekuttiv tas-Servizz tas-Saħħa (HSE),
  • l-aġenziji, bħal għaqdiet karitattivi u volontarji, li joffru servizzi soċjali u tas-saħħa f’isem l-HSE,
  • l-An Post, u
  • l-entitajiet pubbliċi kollha koperti mill-Att tal-2005 dwar id-Diżabilità għall-finijiet ta’ dak l-Att

Proċedura wara l-preżentazzjoni ta’ talba
Il-korp pubbliku kkonċernat jista’ jintalab jipprovdi rapport. Jekk ikun hemm bżonn, il-fajls u r-reġistri jistgħu jkunu eżaminati u l-uffiċjali jiġu interrogati. L-Uffiċċju tal-Ombudsman imbagħad jiddeċiedi:

  • jekk l-ilment tiegħek hux validu, u
  • jekk inti sofrejtx minħabba l-azzjoni jew id-deċiżjoni tal-entità pubblika.

Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ilmenti jiġu ttrattati b’mod informali. L-Uffiċċju tal-Ombudsman jista’ jiddiskuti l-problema direttament mal-entità pubblika jew jeżamina l-fajls rilevanti. F’każijiet iktar kumplessi, jaf ikollhom jagħmlu investigazzjoni dettaljata. Hemm ukoll proċess ta’ appelli intern disponibbli għall-ilmentaturi li ma jkunux kuntenti bir-riżultat tal-ilment tagħhom.

Riżultati possibbli tal-proċedimenti

Jekk l-Uffiċċju tal-Ombudsman jiddeċiedi li tkun sofrejt minħabba azzjoni inġusta u improprja ta’ entità pubblika, u l-entità pubblika ma tkunx ħadet il-passi biex dan jitranġa, huwa jkun jista’ jirrakkomanda li dan isir. L-Uffiċju tal-Ombudsman jista’ jitlob lill-entità, jekk iqis li jkun xieraq, biex:

  • tirrevedi dak li tkun għamlet,
  • tibdel id-deċiżjoni tagħha u/jew,
  • toffrilek:
    • spjegazzjoni,
    • apoloġija, u/jew
    • kumpens finanzjarju.

Jekk l-Uffiċċju tal-Ombudsman jiddeċiedi li l-ilment tiegħek ma jistax jintlaqa’, huwa jispjegalek għalfejn ikun wasal għal din il-konklużjoni.

Korpi speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem

Ombudsperson għad-drittijiet tat-tfal

Ara l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem iktar ’il fuq.

Korp għall-Protezzjoni tad-Data

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data

21 Fitzwilliam Square South,
Dublin 2,
D02 RD28

Sit web: https://www.dataprotection.ie/

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data huwa responsabbli mir-rispett tad-drittijiet tal-individwi kif stabbiliti fl-Atti dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-1988 u tal-2003 u għall-infurzar tal-obbligi tal-protezzjoni tad-data fuq il-kontrolluri tad-data.

Individwi li jħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura, jistgħu jilmentaw mal-Kummissarju li mbagħad jinvestiga l-kwistjoni, u jieħu kull pass meħtieġ biex din tissolva. Il-membri tal-pubbliku jistgħu jiktbu lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data billi jagħtu d-dettalji tal-inċident li wassal għall-ilment. Dawn għandhom jidentifikaw l-organizzazzjoni jew l-individwu li jkun is-suġġett tal-ilment b’mod ċar. Huma għandhom ukoll jenfasizzaw il-passi li tkun ħadet l-organizzazzjoni biex tindirizza t-tħassib tagħhom, u x’tip ta’ tweġiba ngħataw mingħand l-organizzazzjoni. Kopji tal-korrispondenza mal-organizzazzjoni u tal-evidenza ta’ sostenn għandhom jiġu pprovduti wkoll.  Imbagħad, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jqajjem il-kwistjoni mal-organizzazzjoni.

Skont in-natura tal-ilment, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jista’ l-ewwel jipprova jsib soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha. Fejn ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni bonarja, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jagħmel investigazzjoni sħiħa tal-fatti kollha qabel ma jieħu deċiżjoni formali. Meta l-investigazzjoni tintemm, il-Kummissarju jikteb lill-partijiet ikkonċernati u jinfurmahom bid-deċiżjoni tiegħu. Fil-każ ta’ lmenti dwar il-ksur tar-Regolamenti tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (SI 535 tal-2003, kif emendat minn SI 526 tal-2008), il-Kummissarju jista’ jiddeċiedi li jħarrek lill-organizzazzjoni kkonċernata

Korpi Speċjalizzati Oħra

(i) Unità ta’ Kontra t-Traffikar tal-Bniedem

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja
Il-Politika dwar il-Ġustizzja Kriminali
Il-Politika dwar it-Traffikar tal-Bnedmin
Il-Politika tas-Sikurezza tal-Komunità u l-Politika Ekonomika, Transnazzjonali u tal-Kriminalità Organizzata
51 St Stephen’s Green
Dublin, D02 HK52

Telefown: +353 1 602 8202

Email: info@justice.ie

Taqsima ta’ Investigazzjoni u Koordinazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin,

An Garda Síochána (is-Servizz tal-Pulizija Nazzjonali Irlandiża)

Garda National Protective Service Bureau,
Harcourt St
Saint Kevin’s
Dublin

Telefown: +353 1 666 0000

Email: blueblindfold@garda.ie
Sit web: http://www.garda.ie/Controller.aspx?Page=5416&Lang=1
  • spjegazzjoni qasira tat-tip ta’ talbiet li tittratta l-istituzzjoni,
    Talbiet għal informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ Traffikar tal-Bnedmin fl-Irlanda.

(ii) Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni Internazzjonali

International Protection Appeals Tribunal,
7 Hanover Street East,
Dublin 2.

Funzjonijiet: It-Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni Internazzjonali huwa korp indipendenti li jiddeċiedi l-appelli għall-ażil kontra r-rakkomandazzjoni negattiva tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati li jingħata status ta’ refuġjat lill-applikant. It-Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni Internazzjonali jiddeċiedi wkoll appelli fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati skont ir-Regolament Dublin II.

Proċeduri:

Persuna li tfittex l-ażil li l-applikazzjoni tagħha għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali tista’ tappella d-deċiżjoni quddiem it-Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni Internazzjonali. L-ittra ta’ rifjut tiegħek tgħidlek jekk għandekx dritt għal appell u t-terminu speċifikat li fih irid jiġi ppreżentat appell.

Tkun ingħatajt formola għall-appell flimkien mal-ittra ta’ rifjut tiegħek. Jekk ma tirċevix formola għall-appell, tista’ tniżżel waħda minn din il-paġna.

L-appelli kollha li jirċievi t-Tribunal tal-Appelli tal-Protezzjoni Internazzjonali jiġu pproċessati skont l-ordni tad-data. Inti tiġi nnotifikat meta l-appell tiegħek ikun ġie allokat data tas-seduta.

Qabel ma tippreżenta appell għandek:

  • Tkun ċert li timla l-formola t-tajba għat-tip ta’ appell li qed tagħmel.
  • Tiżgura li l-appell tiegħek jiġi ppreżentat fit-terminu speċifikat kif iddikjarat fl-ittra ta’ rifjut tiegħek mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali
  • Tiżgura li tkun imlejt it-taqsimiet kollha tal-appell u li ffirmajt il-formola.

Tista’ tissottometti l-formola tal-appell tiegħek kif ġej:

Bil-posta lil:
The International Protection Appeals Tribunal
6/7 Hanover Street East
Dublin D02 W320
Tel: +353 (0) 1 474 8400

Skennjata bl-email lil: info@protectionappeals.ie

Minn dakinhar li toħroġ ir-rakkomandazzjoni negattiva tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati jkollok perjodu ta’ żmien biex tappella l-każ tiegħek. Madankollu, il-perjodu ta’ żmien ivarja skont is-sejbiet tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġju fir-rigward tal-każ tiegħek. B’hekk, jista’ jkollok 15-il jum, 10 ijiem jew 4 ijiem tax-xogħol biex tappella. Issir taf kemm ikollok ġranet biex tappella fl-ittra tal-Kummissarju għall-Applikazzjoni tar-Refuġjati li tinfurmak li jkun irrakkomanda li ma tingħatax status ta’ refuġjat.

Ladarba tkun imlejt il-Formola ta’ Avviż ta’ Appell, għandek tibgħatha lil:

The Chairperson
International Protection Appeals Tribunal
6/7 Hanover Street East
Dublin 2

Fax: 00353 1 4748410

Aċċerta ruħek li żżomm irċevuta tal-formola li tkun bgħatt jew li tkun bgħatt bil-fax.

Eżitu: Jekk l-appell tiegħek jitwarrab, dan ifisser li l-Membru tat-Tribunal ikun irrakkomanda li tingħata l-istatus ta’ refuġjat. Inti tiġi avżat bil-miktub b’din id-deċiżjoni. Il-fajl imbagħad jingħadda lill-Unità tad-Deċiżjonijiet Ministerjali, fid-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza.

Jekk l-appell tiegħek jiġi affermat dan ifisser li l-Membru tat-Tribunal ikun irrakkomanda li ma tingħatax l-istatus ta’ refuġjat. Inti tiġi avżat bil-miktub b’din id-deċiżjoni. Il-fajl imbagħad jingħadda lill-Unità tar-Ripatrijazzjoni, fid-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza.

(iii) Ombudsman tal-Garda (il-Pulizija)

Il-Kummissjoni tal-Ombudsman tal-Garda Síochána

150 Abbey Street Upper,
Dublin 1,
l-Irlanda

Sit web: https://www.gardaombudsman.ie/

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta’ talbiet li tittratta l-istituzzjoni:

L-organizzazzjoni tista’ tittratta lmenti u riferimenti relatati mal-imġiba tal-membri tal-Garda Síochána. L-iktar allegazzjonijiet komuni inklużi fl-ilmenti huma allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ awtorità, nuqqas ta’ korteżija, attakk, negliġenza tad-dmirijiet.
Ir-riferimenti huma relatati ma’ mwiet jew offiżi gravi.

L-organizzazzjoni tista’ tilqa’ lmenti mill-membri tal-pubbliku (mhux membri li qed iservu fil-Garda Síochána) permezz ta’ uffiċċju pubbliku personalment, elettronikament, bit-telefown, bil-posta, permezz ta’ kwalunkwe Għassa tal-Garda jew personalment lil membru tal-Kummissjoni. L-organizzazzjoni tista’ tilqa’ wkoll riferimenti mill-Kummissarju tal-Garda Síochána fir-rigward ta’ kull kwistjoni li l-Kummissarju tal-Garda jkun jidhirlu li tindika li l-imġiba ta’ membru tal-Garda Síochána setgħet irriżultat fil-mewt jew l-offiża gravi ta’ persuna. Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ investigazzjoni, mingħajr ma tkun irċeviet ilment, jekk tħoss li jkun fl-interess pubbliku li dan isir.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li jitressaq ilment:

Meta jasal ilment, dan jitqies ammissibbli jew inammissibbli skont il-leġiżlazzjoni. Jekk jitqies inammissibbli, ma ssegwi l-ebda investigazzjoni.
Jekk jitqies ammissibbli, u jekk ikun xieraq, jistgħu jsiru tentattivi, bil-kunsens tal-ilmentatur u tal-membru tal-Garda Síochána suġġett tal-ilment, biex tinstab soluzzjoni informali. Inkella, jista’ jkun hemm investigazzjoni ta’ ksur potenzjali tar-Regolamenti (Dixxiplinari) tal-2007 dwar il-Garda Síochána jew ksur potenzjali tad-dritt kriminali. Il-partijiet interessati huma intitolati għall-informazzjoni dwar il-progress u r-riżultati tal-investigazzjoni.

Spjegazzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċediment:

Ilment jista’ jitqies inammissibbli.

Investigazzjoni tista’ tingħalaq fi kwalunkwe mument jekk, bħala riżultat ta’ informazzjoni miksuba wara li l-ilment ikun tqies li hu ammissibbli, il-Kummissjoni tqis li l-ilment ikun frivolu u vessatorju; il-Kummissjoni tqis li l-ilment ikun sar bl-għarfien li huwa falz jew qarrieqi, jew b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi kollha, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx bżonn ta’ iktar investigazzjoni jew li iktar investigazzjoni ma tkunx raġonevolment prattikabbli.

B’riżultat ta’ investigazzjoni, tista’ tiġi imposta sanzjoni fuq Garda.

B’riżultat ta’ investigazzjoni, jista’ jinfetaħ proċediment dixxiplinari u tista’ tiġi imposta sanzjoni fuq Garda.

Jista’ jintbagħat fajl lid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi u tista’ tinħareġ ordni ta’ prosekuzzjoni. F’dak il-każ, tista’ titressaq kawża l-qorti.

L-aħħar aġġornament: 16/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.