II. Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, Ombudsperson
II.1. Il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali
II.2. Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem
II.2.1. L-Awtorità Nazzjonali Ungeriża għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni
II.2.2. L-Awtorità għat-Trattament Indaqs
II.2.3. Il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija
III.1. Is-servizz tal-prosekuzzjoni Ungeriż
Skont il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija (il-kostituzzjoni tal-Ungerija), il-qrati huma responsabbli mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Dan ifisser li jaġġudikaw f’kawżi kriminali u tilwimiet legali privati, jiddeċiedu fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet amministrattivi u d-digrieti muniċipali u jistabbilixxu jekk awtorità lokali naqsitx milli tissodisfa l-obbligi leġiżlattivi statutorji tagħha. Il-liġi tista’ wkoll tassenja kawżi oħrajn sabiex jiġu deċiżi minn qorti.
Il-prinċipji li jiggarantixxu l-indipendenza ġudizzjarja huma stipulati fil-Liġi Fundamentali: l-imħallfin huma soġġetti biss għal-liġi, huma ma jistgħux jingħataw struzzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ aġġudikazzjoni tagħhom u jistgħu jitneħħew mill-kariga biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri speċifikati mil-liġi. Huma ma jistgħux ikunu membri ta’ partit politiku jew jinvolvu ruħhom f’attivitajiet politiċi.
Fl-Ungerija, il-kompitu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jitwettaq mill-Curia (Kúria) tal-Ungerija, mill-qrati reġjonali tal-appell, mill-qrati reġjonali, mill-qrati distrettwali u mill-qrati amministrattivi u tax-xogħol.
Ma teżisti ebda relazzjoni ġerarkika bejn id-diversi livelli ġudizzjarji. Il-qrati li huma f’pożizzjoni ogħla fil-ġerarkija ma għandhomx is-setgħa li jagħtu struzzjonijiet lil dawk aktar baxxi fil-ġerarkija. L-imħallfin jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom f’konformità mal-liġi u mal-konvinzjonijiet morali tagħhom.
Qrati distrettwali (járásbíróságok)
Il-biċċa l-kbira tal-kawżi fil-prim’istanza jinstemgħu mill-qrati distrettwali. Fl-Ungerija, l-aġġudikazzjoni bħalissa sseħħ f’111-il qorti distrettwali. It-terminu Ungeriż għall-qrati distrettwali f’Budapest huwa “kerületi bíróság”. B’kollox joperaw sitt qrati distrettwali unifikati (egyesített kerületi bíróság) fit-23 distrett ta’ Budapest. Il-qrati distrettwali huma l-qrati tal-prim’istanza u huma ppreseduti minn president.
Qrati amministrattivi u tax-xogħol
L-Ungerija għandha 20 qorti amministrattivi u tax-xogħol, li, kif jindika isimhom, jittrattaw esklussivament kawżi amministrattivi u tax-xogħol. Il-kompitu primarju tagħhom huwa li jirrevedu d-deċiżjonijiet amministrattivi u li jaġġudikaw f’kawżi li joriġinaw mir-relazzjonijiet tax-xogħol u mir-relazzjonijiet kważi tax-xogħol.
Qrati reġjonali (törvényszékek)
Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza jew tat-tieni istanza. Kawża tista’ tiġi riferuta lil qorti reġjonali permezz ta’ wieħed minn żewġ metodi. Metodu wieħed huwa meta sentenza mogħtija f’qorti tal-prim’istanza (fi kliem ieħor, f’qorti distrettwali jew qorti amministrattiva u tax-xogħol) tiġi appellata minn parti interessata. Madankollu, xi kawżi jibdew f’qorti reġjonali, f’liema każ dawn il-qrati jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza. Il-liġijiet proċedurali (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-Att dwar il-Proċedura Kriminali) jiddeterminaw liema kawżi huma kkonċernati, pereżempju fuq il-bażi tad-daqs tal-ammont involut fil-kawża, jew jekk hija tikkostitwixxix kawża speċjali jew tinvolvix reat kriminali partikolarment serju. Il-qrati reġjonali għandhom bordijiet, gruppi u diviżjonijiet kriminali, ċivili, ekonomiċi u amministrattivi u tax-xogħol li joperaw taħt il-president.
Qrati tal-appell reġjonali (ítélőtáblák)
Il-ħames qrati tal-appell reġjonali jirrappreżentaw livell bejn il-qrati reġjonali u l-Curia u kienu nħolqu sabiex inaqqsu l-piż minn fuq il-Qorti Suprema li kien hemm qabel. L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali jiġu aġġudikati mill-qrati tal-appell reġjonali. Il-qrati tal-appell reġjonali huma qrati tat-tielet istanza f’kawżi kriminali, fejn qorti reġjonali kienet il-qorti tat-tieni istanza. Il-qrati tal-appell reġjonali għandhom bordijiet u diviżjonijiet kriminali u ċivili li joperaw taħt president.
Il-Curia tal-Ungerija
Il-Curia tinsab fil-quċċata tal-ġerarkija ġudizzjarja u hija mmexxija mill-President tagħha. L-aktar dmir importanti tagħha huwa li tistabbilixxi prattika ġudizzjarja uniformi u konsistenti. Il-Curia twettaq dan id-dmir billi tagħti dawk li huma magħrufa bħala deċiżjonijiet dwar l-uniformità. Dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu gwida f’termini ta’ prinċipju u jorbtu lill-qrati.
Il-Curia
Il-Curia għandha bordijiet dwar l-aġġudikazzjoni, id-deċiżjonijiet dwar l-uniformità, l-awtoritajiet lokali u l-ħruġ tal-prinċipji; kif ukoll diviżjonijiet kriminali, ċivili u amministrattivi u tax-xogħol, u gruppi li janalizzaw il-każistika.
L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura (Országos Bírósági Hivatal) u l-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali (Országos Bírói Tanács)
Il-president tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ġudikatura (‘National Office for the Judiciary’ - NOJ) iwettaq kompiti ċentralizzati relatati mal-amministrazzjoni tal-qrati, jeżerċita setgħat maniġerjali skont il-kapitolu dwar il-qrati tal-Att dwar il-Baġit u jissorvelja l-attivitajiet amministrattivi tal-presidenti tal-qrati tal-appell reġjonali u tal-qrati reġjonali. Il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali (‘National Judicial Council’ - NJC), korp indipendenti elett minn imħallfin u magħmul esklussivament minn imħallfin, huwa l-bord superviżorju għall-amministrazzjoni ċentralizzata tal-qrati. Minbarra l-kompiti superviżorji tiegħu, l-NJC huwa involut ukoll fl-amministrazzjoni tal-qrati.
Országos Bírósági Hivatal
Indirizz: 1055 Budapest, Szalay u. 16.
Indirizz postali: 1363 Budapest Pf.: 24.
Telefon: +36 (1) 354 41 00
Fax: +36 (1) 312-4453
Posta elettronika: obh@obh.birosag.hu
Is-sit web tal-qrati
Il-Qorti Kostituzzjonali (Alkotmánybíróság) hija l-korp ewlieni għall-protezzjoni tal-Liġi Fundamentali. Id-dmirijiet tagħha jikkonsistu fil-protezzjoni tal-istat tad-dritt demokratiku, tal-ordni kostituzzjonali u tad-drittijiet garantiti mil-Liġi Fundamentali, fil-ħarsien tal-konsistenza interna tal-ordinament ġuridiku u fl-infurzar tal-prinċipju tal-qsim tal-poteri.
Il-Qorti Kostituzzjonali nħolqot mill-Assemblea Nazzjonali fl-1989. Il-Liġi Fundamentali tistabbilixxi r-regoli fundamentali li jikkonċernaw id-dmirijiet u r-raġuni għall-eżistenza tal-Qorti Kostituzzjonali, filwaqt li l-punti ewlenin tar-regoli organizzazzjonali u proċedurali jinsabu fl-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali. Ir-regoli dettaljati dwar il-proċeduri tal-Qorti Kostituzzjonali huma stipulati fir-Regoli ta’ Proċedura.
Il-Qorti Kostituzzjonali hija entità magħmula minn ħmistax-il membru. Il-membri tagħha jiġu eletti mill-Assemblea Nazzjonali permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi b’mandat għal tnax-il sena. Sabiex issir imħallef tal-Qorti Kostituzzjonali, persuna għandha tkun avukat akkademiku distint jew ikollha mill-inqas għoxrin sena ta’ esperjenza professjonali f’qasam legali. Il-president tal-Qorti Kostituzzjonali jiġi elett mill-Assemblea Nazzjonali minn fost l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali għall-mandat tiegħu bħala mħallef fil-Qorti Kostituzzjonali.
Il-Qorti Kostituzzjonali tiltaqa’ fil-plenarja, f’bordijiet b’ħames membri jew bħala mħallef uniku. Id-deċiżjonijiet dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet u kawżi ewlenin oħrajn jittieħdu mill-plenarja.
L-Uffiċċju tal-Qorti jwettaq kompiti organizzattivi, operattivi, amministrattivi u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. L-Uffiċċju huwa mmexxi mis-segretarju ġenerali, li jiġi elett mill-plenarja fuq proposta mill-president.
Eżami preliminari tal-konformità mal-Liġi Fundamentali
L-inizjatur ta’ liġi, il-Gvern jew il-President tal-Assemblea Nazzjonali jista’ jitlob lill-Assemblea Nazzjonali sabiex tissottometti liġi adottata lill-Qorti Kostituzzjonali għal reviżjoni kostituzzjonali sabiex tkun tista’ teżamina l-konformità tagħha mal-Liġi Fundamentali.
Barra minn hekk, il-President tar-Repubblika huwa obbligat li jissottometti liġi adottata mill-parlament lill-Qorti Kostituzzjonali minflok jiffirmaha, jekk huwa jqis li hija jew kwalunkwe mid-dispożizzjonijiet tagħha jmorru kontra l-Liġi Fundamentali, sabiex il-Qorti tkun tista’ teżamina jekk hijiex f’konformità mal-Liġi Fundamentali. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tistabbilixxi li l-liġi eżaminata tmur kontra l-Liġi Fundamentali, il-liġi ma tkunx tista’ tiġi ppromulgata.
Reviżjoni ‘ex post’ tal-konformità mal-Liġi Fundamentali (il-proċedura tar-reviżjoni ‘ex post’)
Din il-proċedura, li ġiet introdotta fl-2012, tista’ tinbeda mill-Gvern, minn kwart tal-Membri tal-Parlament, mill-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, mill-President tal-Curia jew mill-Prosekutur Ġenerali.
Il-Qorti Kostituzzjonali tannulla kwalunkwe dispożizzjoni kkontestata li hija ssib li tmur kontra l-Liġi Fundamentali skont din il-proċedura.
Il-bidu ta’ proċedura ta’ reviżjoni individwali minn imħallef
Imħallef li, meta jisma’ kawża, iqis li l-liġi li trid tiġi applikata tmur kontra l-Liġi Fundamentali, għandu jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali sabiex teżamina u tissospendi l-proċedimenti. F’kawża mibdija minn imħallef, il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tiddeċiedi li l-liġi jew id-dispożizzjoni legali tmur kontra l-Liġi Fundamentali u tiddikjaraha inapplikabbli f’kawża speċifika jew saħansitra b’mod ġenerali.
Ilmenti kostituzzjonali
Ilment kostituzzjonali huwa wieħed mill-aktar għodod importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa jista’ jintuża primarjament meta d-drittijiet fundamentali tal-ilmentatur previsti mil-Liġi Fundamentali jkunu nkisru waqt li tkun ingħatat sentenza tal-qorti. Tali ksur jista’ jseħħ matul il-proċeduri tal-qorti relatati mal-kawża meta tiġi applikata liġi li tmur kontra l-Liġi Fundamentali, jew jekk tingħata deċiżjoni fuq il-merti tal-kawża nnifisha jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li tikkonkludi li l-proċeduri tal-qorti jmorru kontra l-Liġi Fundamentali. Jista’ jiġi ppreżentat ilment kostituzzjonali b’mod eċċezzjonali jekk id-drittijiet fundamentali tal-ilmentatur ikunu nkisru direttament f’kawża mingħajr deċiżjoni tal-qorti. Il-Qorti Kostituzzjonali mbagħad tannulla kwalunkwe liġi jew sentenza li hija ssib li tmur kontra l-Liġi Fundamentali.
Eżami tal-kunflitti ma’ ftehimiet internazzjonali
Skont l-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali, liġi Ungeriża tista’ tiġi eżaminata għall-konformità ma’ ftehim internazzjonali. Il-proċedura tista’ tinbeda minn kwart tal-Membri tal-Parlament, mill-Gvern, mill-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, mill-President tal-Curia, mill-Prosekutur Ġenerali jew minn imħallef fir-rigward tal-liġi li trid tiġi applikata f’kawża.
Il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tannulla kompletament jew parzjalment kwalunkwe liġi li hija ssib li hija f’kunflitt ma’ ftehim internazzjonali u titlob lil-leġiżlatura tieħu l-miżuri neċessarji sabiex issolvi l-kunflitt qabel skadenza stabbilita.
Setgħat addizzjonali
Il-Qorti Kostituzzjonali tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Fundamentali dwar kwalunkwe kwistjoni kostituzzjonali speċifika fuq proposta mill-Assemblea Nazzjonali jew mill-kumitat permanenti tagħha, mill-President tar-Repubblika jew mill-Gvern, jekk tali interpretazzjoni tista’ tkun derivata direttament mil-Liġi Fundamentali.
Kulħadd jista’ jippreżenta proposta lill-Qorti Kostituzzjonali sabiex tirrevedi deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Nazzjonali li ssejjaħ referendum jew li tirrifjuta li ssejjaħ referendum mandatorju.
L-Assemblea Nazzjonali tista’ xxolji l-korp ta’ rappreżentanti ta’ awtorità lokali jew gvern awtonomu ta’ minoranza jekk issib li dan ikun qed jopera b’mod li jmur kontra l-Liġi Fundamentali. Qabel dan, il-Qorti Kostituzzjonali tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-każ fuq l-inizjattiva tal-Gvern.
Il-Qorti Kostituzzjonali tmexxi l-proċedura għat-tneħħija tal-President tar-Repubblika mill-kariga tiegħu fuq proposta mill-Assemblea Nazzjonali.
Il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ kunflitti tas-setgħat bejn korpi tal-Istat u bejn korpi tal-Istat u tal-gvern lokali.
Il-Qorti Kostituzzjonali tista’ tistabbilixxi ex officio li miżura tmur kontra l-Liġi Fundamentali minħabba ommissjoni leġiżlattiva, f’liema każ hija titlob lill-korp responsabbli għall-ommissjoni sabiex jikkoreġiha.
Indirizz: 1015 Budapest, Donáti u. 35–45.
Indirizz postali: 1535 Budapest, Pf. 773.
Telefon: +36 (1) 488 31 00
Is-sit web tal-Qorti Kostituzzjonali
Il-paġna ta’ Facebook
F’konformità mal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, l-Assemblea Nazzjonali adottat ukoll l-Att dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, billi ħolqot sistema uniformi u ġdida tal-ombudsman.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali huwa responsabbli biss lejn il-Parlament. L-Ombudsperson jieħu azzjoni indipendenti matul il-proċedura tiegħu bbażata esklussivament fuq il-Liġi Fundamentali u liġijiet oħrajn. L-Ombudsperson jiġi elett minn żewġ terzi tal-voti tar-rappreżentanti tal-Assemblea Nazzjonali fuq proposta mill-President tar-Repubblika għal sitt snin u jirrapporta kull sena dwar il-ħidma tagħhom lill-Assemblea Nazzjonali.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali huwa eliġibbli li jiġi rielett darba. Skont l-Att dwar il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, żewġ viċijiet jaħdmu flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali: il-Viċi Kummissarju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri u l-Viċi Kummissarju responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi li jgħixu fl-Ungerija. Il-Kummissarju elett mill-Assemblea Nazzjonali jipproponi l-viċijiet, li jiġu eletti wkoll mill-Assemblea Nazzjonali.
Il-kompitu primarju tal-Ombudsperson huwa li jinvestiga abbużi relatati mad-drittijiet fundamentali u li jniedi miżuri ġenerali jew speċifiċi biex jirrimedjawhom.
Fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġi li tirregola s-setgħat tagħhom, l-Ombudsperson jagħżel l-azzjoni meqjusa bħala xierqa, li tista’ tkun:
Kwalunkwe persuna li tqis li l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ awtorità kisru d-drittijiet fundamentali tagħha, jew inkella jheddu direttament li jagħmlu dan, tista’ tapplika mal-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, diment li l-persuna tkun eżawriet il-possibbiltajiet kollha disponibbli għal rimedji amministrattivi – minbarra kwalunkwe reviżjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjonijiet amministrattivi – jew ma jkollha ebda rimedju disponibbli.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali u l-Viċi Kummissarji jimmonitorjaw l-infurzar tad-drittijiet ta’ minoranzi etniċi li jgħixu fl-Ungerija u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali ma jistax jeżamina l-attivitajiet tal-Assemblea Nazzjonali, tal-President tar-Repubblika, tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-Uffiċċju tal-Awditjar Statali tal-Ungerija jew tas-servizz tal-prosekuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-korp investigattiv tas-servizz tal-prosekuzzjoni.
Il-Kummissarju ma jistax jieħu azzjoni, jekk
Ħadd ma jista’ jkun iddiskriminat talli jkun irrikorra għall-assistenza tal-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali.
Mezzi għas-sottomissjoni ta’ lment:
Is-sottomissjoni u l-proċedura mmexxija mill-Kummissarju huma mingħajr ħlas. Kopja tad-dokumenti ġġenerati sa issa fil-kawża u d-dokumenti neċessarji għall-valutazzjoni tagħha għandhom jiġu mehmuża mas-sottomissjoni.
Skont l-Att dwar l-ilmenti u d-divulgazzjonijiet ta’ interess pubbliku, mill-1 ta’ Jannar 2014, id-divulgazzjonijiet ta’ interess pubbliku jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ sistema elettronika protetta mħaddma mill-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali. Id-divulgazzjonijiet ta’ interess pubbliku jiġbdu l-attenzjoni għaċ-ċirkostanzi li r-rimedju jew l-eliminazzjoni tagħhom jaqdu l-interessi tal-komunità jew tas-soċjetà b’mod ġenerali. Divulgazzjoni ta’ interess pubbliku tista’ tinkludi wkoll rakkomandazzjoni.
Metodi għas-sottomissjoni ta’ divulgazzjonijiet ta’ interess pubbliku:
Mill-1 ta’ Jannar 2015, il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali kien qed jaġixxi, personalment jew permezz tal-persunal tiegħu, bħala l-mekkaniżmu nazzjonali ta’ prevenzjoni fl-Ungerija tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT) tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-tortura u trattament u pieni inumani jew degradanti. Il-kompiti tal-mekkaniżmu nazzjonali ta’ prevenzjoni jinvolvu li:
Indirizz: 1051 Budapest, Nádor utca 22.
Indirizz postali: 1387 Budapest Pf. 40.
Telefon: (+36-1) 475-7100
Fax: (+36-1) 269-1615
Posta elettronika: panasz@ajbh.hu
Sit web: http://www.ajbh.hu/hu
Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni ta’ interess pubbliku huma drittijiet kostituzzjonali fundamentali: L-Artikolu VI tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija jgħid li:
(1) Kull persuna għandu jkollha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha, tal-komunikazzjonijiet u tar-reputazzjoni tagħha.
(2) Kull persuna għandu jkollha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tagħha, kif ukoll li jkollha aċċess għal informazzjoni ta’ interess pubbliku u xxerridha.
(3) Awtorità indipendenti maħluqa permezz ta’ att kardinali għandha tissorvelja l-infurzar tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tad-dritt tal-aċċess għal data ta’ interess pubbliku.
L-Awtorità Nazzjonali Ungeriża għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni (Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság - NAIH) issostitwixxiet l-ombudsman għall-protezzjoni tad-data li kien fil-kariga bejn l-1995 u l-2011. L-NAIH ilha mill-1 ta’ Jannar 2012 tgħin sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tal-informazzjoni permezz ta’ mezzi regolatorji addizzjonali (pereżempju billi timponi multi għal ksur tal-privatezza tad-data).
Is-sustanza ta’ dawn id-drittijiet, l-obbligi tal-kontrolluri tad-data u l-organizzazzjoni u l-proċeduri tal-NAIH huma stipulati fl-Att dwar l-Informazzjoni (Att CXII tal-2011 dwar id-dritt għall-privatezza tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni), iżda r-rekwiżiti dettaljati tal-proċeduri speċifiċi tal-ipproċessar tad-data jinsabu f’leġiżlazzjoni rilevanti oħra (bħall-Att dwar il-Pulizija u l-Att dwar l-Edukazzjoni Pubblika). Skont it-Taqsima 1 tal-Att dwar l-Informazzjoni, il-liġi għandha l-għan li tipproteġi l-isferi privati tal-persuni fiżiċi u li tiżgura t-trasparenza tal-affarijiet pubbliċi.
L-NAIH hija entità indipendenti u awtonoma tal-gvern, bil-president tagħha jinħatar għal disa’ snin mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-Prim Ministru u bl-istruttura organizzazzjonali tagħha magħmula minn dipartimenti.
Il-kompitu ewlieni tal-NAIH huwa li tmexxi investigazzjonijiet f’materji ta’ protezzjoni tad-data u libertà tal-informazzjoni abbażi ta’ rapporti u lmenti (sottomessi online, bil-miktub jew personalment) u li tmexxi proċedimenti amministrattivi ‘ex officio’ għall-protezzjoni tad-data (jekk il-ksur suspettat ikun jikkonċerna ħafna nies jew jista’ jikkawża ħsara konsiderevoli għall-interessi jew dannu konsiderevoli).
Barra minn hekk, l-Awtorità tista’ tmexxi proċedimenti amministrattivi ‘ex officio’ għall-kontroll ta’ data klassifikata, tirreferi l-każijiet ta’ ksur relatati ma’ informazzjoni ta’ interess pubbliku jew informazzjoni li hija pubblika għal raġunijiet ta’ interess pubbliku lil qorti u tintervjeni f’azzjonijiet fil-qorti. Hija żżomm ukoll reġistru tal-protezzjoni tad-data.
Is-setgħat tal-Awtorità jinkludu wkoll li tagħti opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti, li tirrappreżenta lill-Ungerija fuq bordijiet komuni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u li tmexxi verifiki tal-protezzjoni tad-data – għal ħlas – fuq talba tal-kontrollur.
Indirizz: 1125 Budapest Szilágyi Erzsébet fasor 22/C.
Indirizz postali: 1530 Budapest, Pf.: 5.
Telefon: (+36-1) 391-1400
Posta elettronika: ugyfelszolgalat@naih.hu
Sit web: http://www.naih.hu/
Skont l-Att dwar it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, l-infurzar tar-rekwiżit tat-trattament indaqs fl-Ungerija huwa ssorveljat mill-Awtorità għat-Trattament Indaqs (Egyenlő Bánásmód Hatóság), b’kompetenza fuq it-territorju kollu tal-pajjiż. L-Awtorità hija entità awtonoma tal-gvern, indipendenti u soġġetta biss għal-liġi. Hija ma tistax tkun marbuta bi struzzjonijiet u twettaq il-kompiti tagħha separatament minn korpi oħrajn u ħielsa minn influwenza indebita. Il-kompiti jistgħu jiġu ddelegati biss lill-Awtorità bil-liġi. L-Awtorità hija mmexxija minn president maħtur għal disa’ snin mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-Prim Ministru.
Il-kompitu primarju u l-attività prinċipali tal-Awtorità huma li tinvestiga l-ilmenti u r-rapporti li tirċievi dwar materji ta’ diskriminazzjoni. Il-ħidma tal-Awtorità hija assistita minn netwerk ta’ uffiċjali klerikali dwar it-trattament indaqs li jipprovdu kopertura nazzjonali.
Skont l-Att, il-ksur tar-rekwiżit ta’ trattament indaqs (diskriminazzjoni) jfisser diskriminazzjoni kontra persuna abbażi ta’ karatteristika protetta reali jew perċepita.
Il-karatteristiċi protetti taħt l-Att huma:
Fil-kategorija ‘status ieħor’, l-aspetti u l-karatteristiċi mhux elenkati fl-Att, iżda li huma ta’ natura simili, jistgħu jitqiesu bħala karatteristiċi protetti skont l-interpretazzjoni tal-liġi mill-Awtorità.
L-Awtorità tinvestiga l-ksur li jaffettwa lil persuni u gruppi li l-karatteristiċi protetti tagħhom huma definiti b’mod wiesa’ ħafna skont l-Att. Tipikament, hija taġixxi fuq talba tal-persuna jew persuni li sofrew id-diskriminazzjoni, iżda huwa possibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew għall-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jibdew proċedura quddiem l-Awtorità fejn ikun seħħ ksur jew ikun hemm theddida ta’ ksur li jaffettwa lil grupp b’karatteristiċi protetti. L-Awtorità tista’ taġixxi ‘ex officio’ kontra l-Istat Ungeriż, il-gvernijiet lokali u l-gvernijiet awtonomi ta’ minoranza, il-korpi tagħhom, l-organizzazzjonijiet li jaġixxu fil-kapaċità ta’ awtoritajiet pubbliċi, il-Forzi tad-Difiża Ungeriżi u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. L-aktar oqsma tipiċi għall-investigazzjonijiet tal-Awtorità huma l-impjiegi, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi.
L-Awtorità twettaq l-investigazzjonijiet tagħha fil-qafas tal-proċedimenti amministrattivi. Ir-regoli speċjali ta’ evidenza huma applikabbli matul il-proċedimenti. Il-vittma (ir-rikorrent/i) għandha turi li hija ġiet żvantaġġata u li fil-ħin tal-ksur fil-fatt kellha – jew kienet preżunta mit-trasgressur li għandha – karatteristika protetta definita mil-liġi. Jekk ir-rikorrent ikun issodisfa l-obbligu li jipproduċi dawn il-provi, il-parti l-oħra (il-parti soġġetta għall-proċedimenti) għandha tipprova li ċ-ċirkostanzi appoġġjati mill-provi prodotti mill-vittma ma seħħewx jew li hija kienet konformi mar-rekwiżit ta’ trattament indaqs jew li ma kinitx obbligata li tikkonforma miegħu fir-relazzjoni legali partikolari.
L-Awtorità dejjem tagħmel ħilitha biex tilħaq ftehim bejn il-partijiet qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha u, jekk dan jirnexxi, tapprova l-ftehim. Jekk il-partijiet ma jilħqu ebda ftehim, l-Awtorità tagħti deċiżjoni fuq il-merti tal-każ abbażi tal-investigazzjoni li tkun mexxiet. Jekk l-Awtorità tistabbilixxi li r-rekwiżit ta’ trattament indaqs inkiser, bħala piena, hija tista’ tordna l-eliminazzjoni taċ-ċirkostanzi illegali, tipprojbixxi l-imġiba illegali fil-ġejjieni, tordna d-divulgazzjoni pubblika tad-deċiżjoni finali tagħha li tistabbilixxi l-ksur, timponi multa li tvarja minn HUF 50 000 sa HUF 6 miljun u tapplika l-konsegwenzi legali ulterjuri definiti f’leġiżlazzjoni speċjali. Id-deċiżjoni tal-Awtorità ma tistax tiġi appellata b’mezzi amministrattivi, iżda tista’ tiġi riveduta mill-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol f’litigazzjoni amministrattiva.
L-Awtorità għandha għadd ta’ kompiti oħrajn definiti mil-liġi minbarra li tinvestiga każijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni. Pereżempju, dawn jinkludu li tipprovdi informazzjoni u assistenza lil dawk ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra l-ksur tat-trattament indaqs, toħroġ opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar it-trattament indaqs, tipproponi leġiżlazzjoni dwar it-trattament indaqs, tipprovdi lill-pubbliku u lill-Assemblea Nazzjonali b’informazzjoni dwar l-istat tal-infurzar tat-trattament indaqs, tikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, eċċ.
L-Awtorità hija membru tan-Netwerk Ewropew ta’ Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet), li jgħaqqad aktar minn 40 organizzazzjoni membri minn 33 pajjiż Ewropew li joperaw bħala korpi nazzjonali għat-trattament indaqs fil-pajjiżi tagħhom stess. Il-membri tal-persunal tal-Awtorità jieħdu sehem fil-ħidma tal-gruppi ta’ ħidma tematiċi tal-Equinet, kif ukoll f’sessjonijiet ta’ taħriġ u seminars organizzati diversi drabi fis-sena sabiex iżommu ruħhom aġġornati mal-aktar kisbiet riċenti fl-iżvilupp internazzjonali tal-legiżlazzjoni dwar it-trattament indaqs u jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet Ewropej li jwettqu kompiti simili għal dawk tal-Awtorità.
L-Awtorità tipparteċipa regolarment f’avvenimenti u proġetti tematiċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) tal-Kunsill tal-Ewropa bħala parti mir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha.
Informazzjoni dettaljata dwar l-Awtorità hija disponibbli fuq is-sit web tagħha.
Sede: 1013 Budapest, Krisztina krt. 39/B
Numru tat-telefon: (+36-1) 795-2975
Numru tal-fax: (+36-1) 795-0760
Sit web: http://www.egyenlobanasmod.hu/
Fl-2008, l-Assemblea Nazzjonali ddeċidiet li tistabbilixxi l-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija (Független Rendészeti Panasztestület) bl-iskop li toħloq istituzzjoni speċjali għall-ilmenti kontra l-proċeduri tal-pulizija. L-istituzzjoni hija magħmula minn membri eletti mill-Assemblea Nazzjonali għal perjodu ta’ sitt snin. Il-membri għandhom diploma fil-liġi, ma huma marbutin li jieħdu struzzjonijiet mingħand ħadd u r-raġunijiet għar-regoli ta’ proċedura tagħhom huma stipulati fil-liġi.
Il-kuntest legali tal-ħidma tal-Bord huwa primarjament irregolat mill-Att dwar il-Pulizija. L-iskop tal-Bord huwa li jinvestiga l-proċeduri tal-ilmenti fi ħdan il-mandat tal-Pulizija, iżda indipendentement mir-relazzjonijiet ġerarkiċi, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. B’hekk, l-operazzjonijiet tal-Pulizija jiġu riveduti mill-Bord abbażi tal-ilmenti speċifiċi f’każijiet individwali u, mhux b’mod ġenerali, fl-astratt.
Min jista’ jressaq ilment, meta u kif?
Ilment jista’ jitressaq minn kwalunkwe persuna, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha:
L-ilment jista’ jiġi ppreżentat personalment, bi prokura jew permezz tar-rappreżentant legali tal-persuna (fil-każ ta’ minuri jew persuna li ma għandhiex kapaċità, permezz tar-rappreżentant legali tagħha). Dan għandu jsir fi żmien 20 jum mill-miżura, min-nuqqas ta’ azzjoni jew mill-miżura koerċittiva tal-pulizija jew, jekk l-ilmentatur isir konxju ta’ dan aktar tard, fi żmien 20 jum mid-data meta jkun sar konxju. L-ilment jista’ jiġi ppreżentat bil-posta (f’liema każ l-ilmentatur għandu jiffirma s-sottomissjoni personalment), b’fax jew bil-posta elettronika permezz tas-sit web tal-Bord, jew personalment matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-Bord (wara li jsir appuntament bit-telefon).
Jekk ikun hemm ostakolu oġġettiv li jwaqqaf lill-ilmentatur milli jippreżenta s-sottomissjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit, id-dewmien jista’ jiġi skużat, jekk l-ilmentatur jipprovdi ġustifikazzjoni għas-sottomissjoni tard (pereżempju, kura fit-tul fl-isptar).
Persuna li qabżet il-limitu ta’ żmien ta’ 20 jum, iżda li xorta tkun għadha fil-perjodu ta’ tletin jum mill-okkorrenza (jew minn meta saret konxja tagħha), tista’ tapplika għand il-kap tal-korp tal-pulizija (il-kap tal-pulizija jew il-kummissarju tal-pulizija) fejn l-uffiċjali jkunu applikaw il-miżuri li saru lmenti dwarhom u l-każ ikun għadu jaqa’ fil-limitu ta’ żmien stabbilit. F’każijiet bħal dawn, huwa l-kap tal-għassa tal-pulizija li jmexxi l-proċedura tal-ilmenti.
X’jeżamina l-Bord?
Il-Bord meta mhuwiex permess li jibda proċedura jew li jmexxi eżami dwar is-sustanza ta’ każ?
Billi mhuwiex awtorizzat li jagħmel dan bil-liġi, il-Bord ma għandux is-setgħa u, għalhekk, mhuwiex intitolat li:
Barra minn hekk, jekk att oġġezzjonabbli mill-pulizija jkun seħħ matul proċedimenti oħrajn li jkunu għadhom għaddejjin, pereżempju proċedimenti kriminali jew amministrattivi, l-ilmentatur għandu juża r-rimedji disponibbli u jasserixxi l-oġġezzjonijiet tagħhom f’dawk il-proċedimenti li jkunu għaddejjin, sakemm l-ilmentatur ma jkunx oġġezzjona għall-mod kif twettaq att proċedurali (pereżempju t-ton tal-vuċi użat fl-interrogazzjoni ta’ xhud, il-mod kif saru t-tfittxijiet f’dar), f’liema każ il-Bord huwa intitolat ukoll li jwettaq l-eżami.
X’għandek tkun taf dwar il-proċedura
Sabiex ikollu l-każ tiegħu investigat, l-ilmentatur għandu l-għażla li japplika għand il-kap tal-aġenzija tal-pulizija li wettqet il-miżura li jkunu saru lmenti dwarha jew inkella għand il-Bord. B’hekk, l-ilmentatur jista’ jagħżel jekk l-ilment tiegħu jiġix eżaminat minn aġenzija fi ħdan l-istruttura organizzazzjonali tal-Pulizija (il-kap tal-aġenzija li wettqet il-miżura) jew inkella minn korp indipendenti barra l-Pulizija (il-Bord). Fl-istess ħin, din id-dispożizzjoni hija intenzjonata biex isservi s-separazzjoni taż-żewġ proċeduri minn xulxin u tippermetti li waħda minnhom biss titmexxa fi kwalunkwe ħin – jiġifieri dik magħżula mill-ilmentatur.
Barra minn hekk, il-Bord huwa intitolat li jagħmel inkjesti dwar kwalunkwe lment ippreżentat lill-Pulizija u, jekk isir konxju ta’ każ fejn japplikaw il-kundizzjonijiet sabiex jintervjeni, huwa jinnotifika lill-ilmentatur u lill-aġenzija tal-pulizija li tittratta l-każ, kif xieraq. Fi żmien tmint ijiem minn meta jirċievi n-notifika, l-ilmentatur jista’ jitlob lill-aġenzija tal-pulizija sabiex tivvaluta l-ilment wara eżami mwettaq mill-Bord. L-aġenzija tal-pulizija li tittratta l-każ għandha tissospendi l-proċedura tagħha hekk kif tirċievi n-notifika tal-Bord. Dan ir-riferiment jista’ jinbeda mill-ilmentaturi nfushom matul il-proċedura tal-ilmenti tal-pulizija sakemm tingħata d-deċiżjoni amministrattiva finali u, jekk il-kundizzjonijiet għar-riferiment jiġu ssodisfati, il-każ tal-ilment ikompli jiġi investigat skont il-proċedura tal-Bord.
F’eżami dwar is-sustanza ta’ lment, il-Bord għandu l-għan li jistabbilixxi jekk il-miżuri tal-pulizija deskritti fl-ilment twettqux skont ir-regoli, kinux meħtieġa, ġustifikati u proporzjonati u jekk kisrux xi wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-ilmentatur.
Jekk matul l-eżami jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ilmentatur, il-Bord għandu jivvaluta wkoll kemm huwa serju dan il-ksur fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Jekk il-Bord jikkonkludi li:
mela allura l-Bord irid jibgħat il-valutazzjoni tiegħu lill-kap tal-aġenzija tal-pulizija kompetenti, li min-naħa tiegħu jrid jieħu d-deċiżjoni skont il-proċedura tal-ilmenti abbażi tar-regoli uffiċjali li jirregolaw lill-Pulizija u wara li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni legali stabbilita fil-valutazzjoni mill-Bord. L-ilmentatur jista’ jappella din id-deċiżjoni, li tinkludi l-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni, f’konformità mal-Att dwar ir-regoli ġenerali tas-servizzi u l-proċeduri amministrattivi. L-ilmentaturi jistgħu joġġezzjonaw bil-quddiem mal-Bord, billi jirreferu l-proċedura tal-ilmenti lill-aġenzija tal-pulizija kompetenti, pereżempju, jekk huma jemmnu li se jsofru preġudizzju hemmhekk jew jekk jibżgħu mill-konsegwenzi possibbli. Madankollu, f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li l-Bord itemm il-proċedura, minħabba li l-każ ma jkun jista’ jiġi riferut lil ħadd minħabba l-oġġezzjoni tal-ilmentatur.
Jekk il-Bord isib ksur serju tad-drittijiet fundamentali, huwa – skont l-aġenzija kkonċernata – jibgħat il-valutazzjoni tiegħu lill-Kap Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali Ungeriża, lid-direttur ġenerali tal-korp responsabbli għall-kompiti interni ta’ prevenzjoni u kxif tal-kriminalità jew lid-direttur ġenerali tal-korp kontra t-terroriżmu, li min-naħa tiegħu jrid jieħu deċiżjoni dwar l-ilment abbażi tar-regoli applikabbli u wara li jikkunsidra l-pożizzjoni legali stabbilita fil-valutazzjoni tal-Bord. Jekk id-deċiżjoni tal-korp li jittratta l-każ tkun differenti mill-valutazzjoni tal-Bord, ikunu jridu jiġu stabbiliti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata tali deċiżjoni. Ovvjament, huwa possibbli wkoll li deċiżjoni tal-pulizija mogħtija b’dan il-mod tkun tista’ tiġi appellata quddiem il-qrati. Il-valutazzjoni tal-Bord tista’ tintuża f’dawk il-proċeduri tal-qorti.
Aktar regoli dettaljati dwar il-ħidma tal-Bord jistgħu jinstabu fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu fuq is-sit web tiegħu.
Indirizz postali: H-1358 Budapest, Széchenyi rakpart 19.
Telefon: +36-1/441-6501
Fax: +36-1/441-6502
Posta elettronika: info@repate.hu
Sit web: https://www.repate.hu/index.php?lang=hu
Is-servizz tal-prosekuzzjoni tal-Ungerija huwa organizzazzjoni kostituzzjonali indipendenti soġġetta biss għal-liġi.
Is-servizz tal-prosekuzzjoni huwa mmexxi u ġestit mill-Prosekutur Ġenerali, li jintgħażel mill-Assemblea Nazzjonali minn fost il-prosekuturi pubbliċi għal mandat ta’ disa’ snin u b’hekk huwa responsabbli lejn il-Parlament skont il-liġi pubblika. Il-Prosekutur Ġenerali huwa mitlub li jirrapporta dwar l-operazzjonijiet tas-servizz kull sena.
Il-korpi tas-servizz tal-prosekuzzjoni fl-Ungerija huma:
Jista’ jiġi stabbilit uffiċċju tal-prosekuzzjoni prinċipali jew uffiċċju tal-prosekuzzjoni fil-livell tad-distrett indipendenti sabiex iwettaq investigazzjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni u kompiti oħrajn tas-servizz tal-prosekuzzjoni f’każijiet ġustifikati.
Hemm ħames uffiċċji tal-prosekuzzjoni prinċipali tal-appell u wieħed u għoxrin uffiċċju tal-prosekuzzjoni prinċipali (wieħed metropolitan, dsatax tal-kontei u wieħed investigattiv ċentrali) taħt id-direzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. L-istruttura organizzazzjonali tal-uffiċċji tal-prosekuzzjoni prinċipali – bl-eċċezzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Prinċipali Investigattiv Ċentrali – hija essenzjalment maqsuma bejn l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-liġi kriminali u dawk li jaqgħu taħt il-liġi pubblika.
L-uffiċċji tal-prosekuzzjoni distrettwali u fil-livell tad-distrett taħt id-direzzjoni tal-uffiċċji tal-prosekuzzjoni prinċipali tal-kontei u dawk metropolitani jittrattaw każijiet mhux assenjati lil korp tal-prosekuzzjoni ieħor mil-leġiżlazzjoni jew skont l-istruzzjonijiet tal-Prosekutur Ġenerali u jwettqu kompiti relatati mal-investigazzjonijiet tas-servizzi tal-prosekuzzjoni.
L-istituzzjoni xjentifika u ta’ riċerka tas-servizz tal-prosekuzzjoni, l-Istitut Nazzjonali tal-Kriminoloġija (Országos Kriminológiai Intézet), tifforma parti mill-organizzazzjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni, iżda mhijiex korp ta’ prosekuzzjoni. Hija taħdem fuq l-iżvilupp ta’ teoriji u prattiki fix-xjenzi tar-riċerka dwar il-kriminalità, tal-kriminoloġija u tal-liġi kriminali.
Il-Prosekutur Ġenerali u s-servizz tal-prosekuzzjoni huma indipendenti u bħala l-prosekutur pubbliku li jintervjeni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huma l-uniku infurzatur tad-dritt tal-Istat li jikkastiga. Is-servizz tal-prosekuzzjoni jipprosegwixxi reati kriminali, jieħu azzjoni kontra atti u ommissjonijiet illegali oħrajn u jippromwovi l-prevenzjoni tal-kriminalità.
Il-Prosekutur Ġenerali u s-servizz tal-prosekuzzjoni
Is-servizz tal-prosekuzzjoni
Għall-protezzjoni tal-interess pubbliku, is-servizz tal-prosekuzzjoni jaħdem sabiex jiżgura li l-liġi tiġi rrispettata minn kulħadd. Meta l-liġijiet jinkisru, is-servizz tal-prosekuzzjoni jieħu azzjoni fl-interess tal-legalità, fil-każijiet u bil-mod definiti fil-liġi. Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor mil-liġi, is-servizz tal-prosekuzzjoni huwa obbligat li jieħu azzjoni jekk korp mitlub biex iwaqqaf ksur tal-liġi jonqos milli jieħu l-azzjoni meħtieġa, minkejja li jkun intalab jagħmel dan skont il-Liġi Fundamentali, att ta’ liġi jew biċċa leġiżlazzjoni oħra jew strument legali tal-amministrazzjoni tal-Istat, jew inkella jekk tkun meħtieġa azzjoni immedjata mill-prosekutur sabiex iwaqqaf il-ksur ta’ dritt li jirriżulta minn ksur tal-liġi.
Is-setgħat u r-responsabbiltajiet ta’ interess pubbliku mhux kriminali li jridu jiġu eżerċitati mis-servizz tal-prosekuzzjoni bħala kontributur għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma stipulati f’leġiżlazzjoni speċjali. Prosekutur pubbliku jeżerċita dawn is-setgħat primarjament billi jressaq proċeduri tal-qorti u proċedimenti mhux kontenzjużi, kif ukoll billi jniedi proċeduri minn awtoritajiet amministrattivi u jippreżenta appelli.
Prosekutur Ġenerali: Dr. Péter Polt
Sede: 1055 Budapest, Markó u. 16.
Indirizz postali: 1372 Budapest, Pf. 438.
Numru tat-telefon: +36-1354-5500
Posta elettronika: info@mku.hu
Sit web: http://mklu.hu/
Is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi (Áldozatsegítő Szolgálat) jipprovdi assistenza primarjament lil vittmi li jkunu sofrew dannu, b’mod partikolari fiżikament jew mentalment (trawma psikoloġika, xokk), jew li jkunu sofrew telf bħala l-konsegwenza diretta ta’ reat kriminali jew reat kontra l-proprjetà. L-Istat jevalwa l-ħtiġijiet tal-vittmi u jipprovdilhom servizzi adattati kif xieraq.
Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi huma pprovduti minn unitajiet organizzazzjonali ddedikati tal-uffiċċju tal-gvern metropolitan (tal-kontei). Il-vittmi jistgħu jfittxu l-għajnuna minn kwalunkwe servizz ta’ appoġġ għall-vittmi sabiex jasserixxu l-pretensjonijiet tagħhom u jistgħu jissottomettu t-talba tagħhom għal assistenza finanzjarja immedjata, ċertifikazzjoni ta’ status bħala vittma u kumpens lil kwalunkwe servizz ta’ appoġġ għall-vittmi (PDF).
It-talbiet għal assistenza finanzjarja immedjata, ċertifikazzjoni ta’ status bħala vittma jew kumpens iridu jiġu sottomessi fuq il-formoli rilevanti (Formola ta’ applikazzjoni, Applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni ta’ status bħala vittma). Is-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi jipprovdi assistenza fil-mili tal-formoli.
Il-proċeduri ta’ appoġġ għall-vittmi huma mingħajr ħlas.
It-talbiet għal assistenza finanzjarja immedjata jistgħu jiġu sottomessi fi żmien ħamest ijiem mir-reat kriminali jew mir-reat kontra l-proprjetà. It-talbiet għal kumpens jistgħu jiġu sottomessi fi żmien tliet xhur wara li jiġi kommess ir-reat kriminali – bl-eċċezzjonijiet skont l-Att dwar l-appoġġ għall-vittmi ta’ reat kriminali u l-kumpens mill-Istat.
L-appelli kontra d-deċiżjonijiet meħuda mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jridu jiġu sottomessi fi żmien 15-il jum lis-servizz ta’ appoġġ għall-vittmi, iżda jridu jiġu indirizzati lill-Uffiċċju tal-Ġustizzja.
Skont l-Att, is-servizzi pprovduti huma:
Linja ta’ Appoġġ għall-Vittmi aċċessibbli mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum minn netwerks fl-Ungerija:
+36 (1) 80 225 225
Servizzi ta’ Appoġġ għall-Vittmi
Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-appoġġ għall-vittmi.
Skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali, l-objettiv prinċipali tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali (Jogi Segítségnyújtó Szolgálat) huwa li jipprovdi assistenza legali professjonali lil persuni bi bżonnijiet soċjali għall-infurzar tad-drittijiet tagħhom u għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet legali tagħhom – f’limiti ta’ żmien partikolari u f’forma speċifika.
It-talba għal għajnuna legali tista’ tiġi sottomessa personalment jew bil-posta (Għajnuna Legali - dettalji ta’ kuntatt) lill-unità organizzazzjonali (‘uffiċċju reġjonali’) responsabbli għall-għajnuna legali fl-uffiċċju tal-gvern (metropolitan) kompetenti tar-residenza abitwali jew domiċilju tal-applikanti, jew fin-nuqqas ta’ dan, l-indirizz tal-korrispondenza jew il-post tax-xogħol tagħhom billi jimlew u jiffirmaw formola (http://igazsagugyihivatal.gov.hu/dokumentumok-jogi-segitsegnyujtas) u jinkludu d-dokumenti mehmuża meħtieġa. Is-sottomissjoni tat-talba hija mingħajr ħlas.
B’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (finali) maħruġa mill-uffiċċju reġjonali, il-persuna tista’ mbagħad tikseb aċċess għas-servizzi ta’ kwalunkwe avukat li jkun fuq servizz (avukati, ditti legali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) fuq il-lista ta’ avukati li jkunu fuq servizz miżmuma mill-Uffiċċju tal-Ġustizzja (http://www.kimisz.gov.hu/alaptev/nepugyvedje/nevjegyzek).
L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali jridu jiġu sottomessi fi żmien 15-il jum lill-uffiċċju reġjonali, iżda jridu jiġu indirizzati lill-Uffiċċju tal-Ġustizzja.
A.) Appoġġ għall-proċeduri barra l-qorti
B.) Appoġġ għall-proċeduri tal-qorti
Ċ.) F’kawżi sempliċi, is-Servizz jagħti pariri bil-fomm qosra mingħajr ma jittestja l-mezzi tal-klijent.
A.) Fi proċeduri tal-qorti ċivili u proċedimenti mhux kontenzjużi:
B.) Fi proċedimenti kriminali:
Ċ.) Regoli komuni:
Il-klijenti jridu jipprovdu prova tal-introjtu tagħhom u tal-introjtu ta’ kwalunkwe persuni li jgħixu f’unità domestika komuni magħhom permezz tad-dokumenti speċifikati fl-Att dwar l-Għajnuna Legali.
L-Att jispeċifika l-każijiet li fihom ma jkunx jista’ jingħata appoġġ, bħal fit-tfassil ta’ kuntratti, sakemm il-partijiet li jikkonkludu l-kuntratt ma japplikawx għall-appoġġ b’mod konġunt u sakemm il-kundizzjonijiet għall-appoġġ ma jiġux issodisfati f’kull aspett, jew għal każijiet doganali, eċċ.
Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna legali.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.