Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Il-Qrati nazzjonali

L-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

Ombudsman

Entitajiet Speċjalizzati tad-Drittijiet tal-Bniedem

Oħrajn

Il-Qrati nazzjonali

Il-Qrati Distrettwali jittrattaw kwistjonijiet kriminali, ċivili u petizzjonarji. Deċiżjoni minn qorti tal-prim'istanza normalment tkun tista' tintbagħat għall-konsiderazzjoni f'qorti superjuri. Deċiżjoni ta' Qorti Distrettwali tiġi appellata fil-Qorti tal-Appell. Deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell tista' min-naħa tagħha tiġi appellata fil-Qorti Suprema jekk il-Qorti Suprema tagħti l-kunsens għall-appell.

Il-Qrati Amministrattivi jittrattaw l-appelli li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet. Deċiżjoni mill-Qorti Amministrattiva tiġi appellata lill-Qorti Amministrattiva Suprema.

Il-qrati speċjali jinkludu il-Qorti tas-Suq, il-Qorti tax-Xogħol, il-Qorti tal-Assikurazzjoni u l-Qorti Superjuri tal-Akkuża.

L-informazzjoni ta' kuntatt tal-qrati tinsab fil-websajts li ġejjin:

Informazzjoni ta’ kuntatt bil-Finlandiż
Informazzjoni ta’ kuntatt bl-Ingliż

L-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

Fl-2012, twaqqaf ċentru funzjonalment awtonomu u indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari. Ir-rwol taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa li jxerred l-informazzjoni u jippromwovi l-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem. Iċ-Ċentru se jħejji rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem kif ukoll jieħu inizjattivi u joħroġ stqarrijiet biex jippromwovi dawn id-drittijiet. Iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem se jipparteċipa wkoll fi sforzi internazzjonali għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem. Iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem ma jittrattax ilmenti jew każijiet individwali oħrajn li huma l-kompetenza tal-ogħla korp superviżorju legali.

Ombudsman

L-Ombudsman Parlamentari

L-Ombudsman Parlamentari jista' jiġi kkuntattjat jekk ikun suspettat li l-awtoritajiet jew l-uffiċjali ma jkunux ikkonformaw mal-liġi jew issodisfaw l-obbligi tagħhom. Pereżempju, huwa illegali li wieħed jikser id-drittijiet fundamentali. Kulħadd jista' jilmenta mal-Ombudsman. L-ilment jista' jirrelata ma' kwistjoni li tikkonċerna l-ilmentatur, imma huwa possibbli wkoll li wieħed jilmenta f'isem ħaddieħor jew flimkien ma' oħrajn. L-Ombudsman jinvestiga l-ilment jekk ikun hemm raġunijiet biex jemmen li awtorità tkun aġixxiet illegalment. L-ilmenti jiġu investigati bla ħlas. Bħala parti mill-investigazzjoni, l-Ombudsman jisma' lill-persuna jew lill-awtorità li tkun is-suġġett tal-ilment. Barra minn hekk, huwa jitlob rapporti u stqarrijiet minn bosta awtoritajiet u jista', jekk ikun hemm bżonn, jordna li spetturi mill-uffiċċju tiegħu jmexxu l-investigazzjonijiet. L-ilmenti jiġu investigati bla ħlas.

Mill-bosta miżuri li jista' jagħżel l-Ombudsman, l-iktar severa hija l-prosekuzzjoni kriminali għal atti illeċiti. Bħala alternattiva għaliha, l-Ombudsman jista' joħroġ ċanfira uffiċjali lill-uffiċjal ikkonċernat. F'ħafna każijiet, huwa jesprimi fehmtu dwar kif il-proċedura segwita kienet illegali jew involviet negliġenza u joħroġ tfakkira dwar il-proċedura korretta. L-Ombudsman jista' wkoll jagħmel proposta għall-irranġar tal-iżball u jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill tal-Istat dwar in-nuqqasijiet li jkun osserva fid-dispożizzjonijiet jew ir-regolamenti ġuridiċi.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari

Indirizz stradali: Arkadiankatu 3, Helsinki
Indirizz postali: 00102 Parliament
Sit web: https://www.oikeusasiamies.fi/en/web/guest
Posta elettronika: oikeusasiamies@eduskunta.fi
Telefown: +358 9 4321
Faks: +358 9432 2268

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jista' jiġi kkuntattjat fi kwistjoni li tikkonċerna direttament lill-ilmentatur jew fi kwalunkwe kwistjoni oħra, jekk l-ilmentatur iħoss li l-awtoritajiet, l-uffiċjali jew persuni jew entitajiet oħra li jaqdu funzjonijiet pubbliċi jkunu aġixxew inkorrettement jew ikunu injoraw l-obbligi tagħhom, jew li membru tal-Kamra tal-Avukati jkun injora l-obbligi tiegħu. Barra minn hekk, kull min jemmen li ma ġiex osservat dritt fundamentali jew dritt tal-bniedem iggarantit mill-Kostituzzjoni jista' jikkuntattja lill-Kanċillier tal-Ġustizzja. Persunal imħarreġ fil-liġi jipproċessa l-ilmenti u jikseb kull dokumentazzjoni supplimentari neċessarja. L-ilmentatur normalment jiġi pprovdut l-opportunità li jressaq tweġiba lill-intimat. L-ilmentatur imbagħad jirċievi deċiżjoni bil-miktub bil-posta. Is-servizzi tal-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja huma bla ħlas għall-ilmentatur.

Jekk jinstab li proċedura kienet illegali jew inkorretta, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jkun jista' joħroġ ċanfira lill-uffiċjal jew istruzzjonijiet dwar il-proċedura t-tajba għal referenza futura. F'każijiet iktar serji, huwa jista' jordna li jinħarġu imputazzjonijiet kontra dak l-uffiċjal. Jekk iħoss li jkun hemm bżonn, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jkollu s-setgħa li jipproponi li d-dispożizzjonijiet jew l-istruzzjonijiet ikunu emendati, deċiżjoni tal-qorti tiġi annullata jew isir xi appell straordinarju ieħor. Investigazzjoni li ssir mill-Kanċillier tal-Ġustizzja tista' fiha nfisha tirriżulta fl-awtorità jew l-uffiċjal jikkoreġu l-iżball tagħhom.

L-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja

Indirizz stradali: Snellmaninkatu 1, Helsinki
Indirizz postali: P O Box 20, FIN-00023 Government
Sit web: https://www.okv.fi/en/
Posta elettronika: kirjaamo@okv.fi
Telefown: +358 295 162 902
Faks: +358 9 1602 3975
Kuntatt: tiedotus@okv.fi

Entitajiet Speċjalizzati tad-Drittijiet tal-Bniedem

L-Ombudsman għat-Tfal

Id-dmirijiet tal-Ombudsman għat-Tfal li ġejjin huma stipulati fil-liġi:

  • Il-monitoraġġ tal-benessri tat-tfal u taż-żgħażagħ u l-implimentazzjoni ta' drittijiethom.
  • L-influwenzar ta' min jieħu d-deċiżjonijiet mill-perspettiva tat-tfal.
  • Iż-żamma ta' kuntatti mat-tfal u ż-żgħażagħ u t-twassil tal-informazzjoni mingħandhom għal għand min jieħu d-deċiżjonijiet
  • It-twassil tal-informazzjoni li tikkonċerna lit-tfal għal għand il-professjonisti li jaħdmu mat-tfal, mal-awtoritajiet u mal-pubbliku
  • L-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn dawk responsabbli għall-politika tat-tfal
  • Il-promozzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman għat-Tfal

Indirizz: Vapaudenkatu 58 A, 40100 Jyväskylä
Sit web: http://www.lapsiasia.fi/en/
Posta elettronika: lapsiasiavaltuutettu@oikeus.fi
Telefown: +358 295 666 850
Faks: +358 14 337 4248

Entità għall-Ugwaljanza

L-Ombudsman għall-Ugwaljanza

L-Ombudsman għall-Ugwaljanza huwa responsabbli: għas-superviżjoni tal-konformità mal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u reklamar diskriminatorju għall-impjiegi, b'mod partikolari, il-promozzjoni tal-għan tal-Att permezz tal-inizjattivi, il-pariri u l-linji gwida; l-għoti ta' informazzjoni dwar l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-applikazzjoni tiegħu; u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'setturi differenti tas-soċjetà. Barra minn hekk, l-Ombudsman għall-Ugwaljanza jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ħarsien tas-sess f'minoranza kontra d-diskriminazzjoni.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-Ugwaljanza

Indirizz postali: P O Box 22, FIN-00023 Government
Indirizz stradali: Hämeentie 3, Helsinki
Sit web: https://www.tasa-arvo.fi/web/EN/
Posta elettronika: tasa-arvo@oikeus.fi
Telefown: +358 295 666 840
Help line telefonika: +358 295 666 842 (Tne - Ħam 9 - 11 u 13 - 15, Ġim 9 - 11)
Faks: +358 9 1607 4582

Ombudsman kontra d-diskriminazzjoni (Yhdenvertaisuusvaltuutettu)

L-Ombudsman għall-Ugwaljanza jippromwovi l-ugwaljanza u jittratta d-diskriminazzjoni. L-Ombudsman huwa awtorità indipendenti.

L-Ombudsman kontra d-diskriminazzjoni jista’ jiġi kkuntattjat jekk persuna tkun esperjenzat jew osservat diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, l-oriġini, in-nazzjonalità, il-lingwa, ir-reliġjon, it-twemmin, l-opinjonijiet, l-attivitajiet politiċi, l-attivitajiet tat-trade unions, ir-relazzjonijiet familjari, is-saħħa, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, jew raġunijiet oħra relatati mal-persuna. Il-kompiti tal-Ombudsman jinkludu wkoll il-promozzjoni tal-kundizzjonijiet, id-drittijiet u l-istatus ta’ gruppi li huma f’riskju ta’ diskriminazzjoni, bħall-barranin. Barra minn hekk, l-Ombudsman jissorvelja l-espulsjoni ta’ ċittadini barranin u jaġixxi bħala Relatur Nazzjonali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin.

Fil-prattika, il-ħidma tal-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni tinvolvi, pereżempju, l-għoti ta’ pariri, l-investigazzjoni ta’ każijiet individwali, il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, it-taħriġ, il-ġbir tad-data, l-influwenzar tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki tal-awtoritajiet, u assistenza legali. Il-kompiti u d-drittijiet tal-Ombudsman huma minquxa fl-Att dwar in-Nondiskriminazzjoni u fl-Att dwar l-Ombudsman Kontra d-Diskriminazzjoni.

Diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru jew l-identità tal-ġeneru tiġi ttrattata mill-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman kontra d-Diskriminazzjoni

Indirizz postali: P O Box 24, FIN-00023 Government

Indirizz stradali: Ratapihantie 9, Helsinki
Sit web: https://www.syrjinta.fi/web/EN/
Posta elettronika: yvv@oikeus.fi
Telefown: +358 295 666 800.
Servizz għall-konsumatur: + 358 295 666 817 (fost il-ġimgħa bejn l-10 u 12, b’eċċezzjonijiet matul ix-xhur tas-sajf)
Faks: +358 295 666 829
Kuntatt: +358 295 666 813 jew +358 295 666 806

Entità tal-Protezzjoni tad-Data

Ombudsman tal-Protezzjoni tad-Data

  • jissorvelja l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u liġijiet oħrajn li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data personali
  • jgħarraf bir-riskji, bir-regoli, bis-salvagwardji, bl-obbligi u bid-drittijiet involuti fl-ipproċessar ta’ data personali
  • iwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet
  • jimponi pieni amministrattivi għall-ksur tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)
  • jagħti opinjonijiet dwar ir-riformi leġiżlattivi u amministrattivi li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali
  • jagħti opinjonijiet dwar reati relatati mal-ipproċessar ta’ data personali
  • jissorvelja l-ipproċessar tad-data ta’ kreditu u d-data dwar il-kreditu korporattiv
  • jittratta t-talbiet għall-ħruġ ta’ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data u n-notifiki ta’ tħassib ieħor dwar l-ipproċessar tad-data personali
  • jirċievi notifiki minn uffiċjali tal-protezzjoni tad-data
  • jirċievi notifiki ta’ ksur ta’ data personali
  • jistabbilixxi lista ta’ meta jkunu meħtieġa valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data
  • jivvaluta konsultazzjonijiet ex ante dwar l-ipproċessar ta’ data b’riskju għoli
  • jadotta kodiċijiet ta’ kondotta u klawżoli kuntrattwali xierqa
  • jinkoraġġixxi l-introduzzjoni ta’ ċertifikazzjoni, l-akkreditazzjoni ta’ korp ta’ ċertifikazzjoni u jittratta l-irtirar ta’ ċertifikati maħruġa
  • jikkoopera ma’ awtoritajiet oħra tal-protezzjoni tad-data tal-UE fuq bażi ta’ punt uniku ta’ servizz
  • jieħu sehem fl-attivitajiet u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u jirreferi l-kwistjoni lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jkun xieraq

L-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-Protezzjoni tad-Data

Indirizz postali: PO Box 800, 00531 Helsinki
Indirizz stradali: Lintulahdenkuja 4, 00530
Sit web: https://tietosuoja.fi/en/home
E-mail: tietosuoja@om.fi
Telefown: +358 2956 66700
Help line telefonika: + 358 2956 66777 (mit-Tnejn sal-Erbgħa bejn id-9 u l-11, b’eċċezzjonijiet fis-sajf)

Oħrajn

Għajnuna Legali

Il-fini tal-għajnuna legali hija li l-individwi jingħataw il-possibilità li jingħataw għajnuna legali professjonali kompletament jew parzjalment imħallsa mill-istat. L-għajnuna legali tkopri l-kwistjonijiet ġuridiċi kollha. Madankollu, l-għajnuna legali normalment ma tingħatax jekk l-applikant ikollu assikurazzjoni għall-ispejjeż legali li tkopri l-ispejjeż tal-każ ikkonċernat. Fil-proċedimenti kriminali, il-konvenut ikun intitolat taħt ċerti ċirkostanzi għal difensur pubbliku mħallas mill-istat, irrispettivament mill-istat finanzjarju tiegħu. Il-vittma ta' delitt vjolenti serju jew delitt sesswali jista' jiġi pprovdut b'avukat għall-kawża imħallas mill-istat, irrispettivament mid-dħul tagħha. L-għajnuna legali mhix disponibbli għall-kumpaniji jew il-korporazzjonijiet. Fi kwistjonijiet pendenti barra l-pajjiż, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż tal-pariri legali.

Fil-proċedimenti fil-qorti, l-għajnuna legali tkun offruta mill-Avukati Pubbliċi tal-Għajnuna Legali; fi kwistjonijiet oħra, l-għajnuna legali tiġi pprovduta mill-Avukati Pubbliċi tal-Għajnuna Legali li jaħdmu f'Uffiċċji Statali tal-Għajnuna Legali. Dawn l-Uffiċċji normalment jinsabu fl-istess muniċipalitajiet tal-Qrati Distrettwali. L-informazzjoni ta' kuntatt tal-Uffiċċji Statali tal-Għajnuna Legali jinsabu fis-sit https://oikeus.fi/en/index/yhteystiedot.html.

Ċentru tal-Pariri għar-Refuġjati

Iċ-Ċentru tal-Pariri għar-Refuġjati huwa NGO li tipprovdi għajnuna u pariri legali lil min ifittex ażil, refuġjati jew barranin oħra fil-Finlandja. Iċ-Ċentru jaħdem ukoll biex jippromwovi l-pożizzjoni ta' min ifittex ażil, ir-refuġjati u immigranti oħra fil-Finlandja u jsegwi l-politika ta' ażil u refuġju tal-Unjoni Ewropea.

Indirizz: Pasilanraitio 9 B, 00240 Helsinki
Sit web: https://www.pakolaisneuvonta.fi/en/legal-services/
Posta elettronika: pan@pakolaisneuvonta.fi
Telefown: +358 9 2313 9300
Faks:+358 9 2313 9310
L-aħħar aġġornament: 27/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.