Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Qrati nazzjonali

Il-qrati tal-kontea, il-qrati amministrattivi, il-qrati distrettwali u l-Qorti Suprema

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Qorti u informazzjoni ulterjuri jinsabu fis-sit tal-Qrati.

Il-Qrati tal-Kontea jisimgħu l-kawżi ċivili, kriminali u tal-kontravvenzjonijiet kollha bħala qorti tal-ewwel istanza. Appell kontra sentenza ta’ qorti ta’ kontea jista’ jitressaq quddiem qorti distrettwali. Hemm erba’ qrati tal-kontea fl-Estonja: il-Qorti tal-Kontea ta' Harju, il-Qorti tal-Kontea ta' Viru, il-Qorti tal-Kontea ta' Tartu u l-Qorti tal-Kontea ta' Pärnu.

Il-qrati amministrattivi jisimgħu kawżi amministrattivi bħala qorti tal-ewwel istanza. Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati amministrattivi, il-proċedura għall-preżentazzjoni ta' kawża quddiem qorti amministrattiva u r-regoli għal proċedimenti amministrattivi huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva. Hemm żewġ qrati distrettwali fl-Estonja: Il-Qorti Amministrattiva ta' Tallinn u l-Qorti Amministrattiva ta' Tartu.

Il-qrati distrettwali, bħala qorti tat-tieni istanza, jistħarrġu d-deċiżjonijiet tal-qorti tal-kontea u tal-qorti distrettwali abbażi ta’ kontestazzjonijiet jew appelli mressqa kontrihom. L-istħarriġ tal-kawżi fil-qrati distrettwali jsiru b’mod kolleġġjali, jiġifieri l-appelli jiġu ttrattati minn sezzjoni tal-qorti magħmula minn tliet imħallfin. Hemm żewġ qrati distrettwali fl-Estonja: Il-Qorti Distrettwali ta’ Tallinn u l-Qorti Distrettwali ta’ Tartu.

L-ogħla qorti tal-Estonja hija l-Qorti Suprema. Skont il-Kostituzzjoni Estonjana, il-Qorti Suprema hija Qorti tal-Kassazzjoni u Qorti Kostituzzjonali. Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Suprema hija stabbilita fl-Att dwar il-Qrati. Il-Qorti Suprema hija responsabbli għal:

  • it-twettiq ta’ stħarriġ kostituzzjonali;
  • stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-qorti fil-kassazzjoni;
  • l-eżaminar tar-rikorsi għal rieżami;
  • it-twettiq ta’ funzjonijiet oħrajn li jirriżultaw mil-liġi.

Appell fil-kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Suprema minn kwalunkwe parti li ma tkunx ssodisfata bid-deċiżjoni ta’ qorti inferjuri. Il-Qorti Suprema tilqa’ appelli fil-kassazzjoni meta r-raġunijiet stabbiliti fl-appell jissuġġerixxu li qorti inferjuri tkun applikat regola sostantiva ħażin jew tkun kisret serjament regola proċedurali, li potenzjalment twassal għal deċiżjoni inkorretta.

Jekk individwu jqis li persuna fid-dritt pubbliku (bħall-Istat jew il-gvern lokali) tkun kisritlu drittijietu jew irrestrinġietlu l-libertajiet tiegħu permezz ta' att amministrattiv jew proċess huwa jkun jista' jtella' l-kwistjoni quddiem il-qorti amministrattiva. Tilwim li jirrigwarda r-riforma tal-proprjetà jew ir-riformi tal-artijiet, is-servizzi pubbliċi, l-amministrazzjoni fiskali, iċ-ċittadinanza u kwistjonijiet ta' migrazzjoni, kif ukoll l-akkwist pubbliku, il-proprjetà tal-istat, il-bini u l-ippjanar u r-responsabilità Statali jinstemgħu quddiem il-qrati distrettwali.

Kawżi li jinvolvu ksur ta' drittijiet skont id-dritt ċivili, bħal tilwim kuntrattwali, kawżi familjari, tilwim li jikkonċerna d-dritt tas-suċċessjoni u tal-proprjetà, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet u l-ġestjoni ta' għaqdiet bla skop ta' qligħ, kif ukoll tilwim dwar il-proprjetà intellettwali u kawżi ta' falliment u kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-kontea.

Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem

Mill-1 ta’ Jannar 2019, il-Kanċillier tal-Ġustizzja ġie inkarigat bil-kompitu li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 48/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta’ Diċembru 1993 intitolata “National institutions for the promotion and protection of human rights”. Il-korpi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu japplikaw għal akkreditazzjoni internazzjonali formali. Il-Kanċillier tal-Ġustizzja talab formalment li jibda l-proċess ta’ akkreditazzjoni, iżda sat-30 ta’ Settembru 2020 il-proċess għadu ma tlestiex.

Ombudsman

Ir-rwol ta’ Ombudsman jokkupah il-Kanċillier tal-Ġustizzja.

L-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja: Kohtu 8, 15193 Tallinn, l-Estonja

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettaq il-funzjonijiet ta’ Ombudsman, gwardjan tal-kostituzzjonalità u l-legalità tal-atti leġiżlattivi, u l-Ombudsman għat-Tfal.

Fil-kapaċità tiegħu ta' Ombudsman, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jimmonitorizza l-attivitajiet tal-awtoritajiet li jaqdu funzjonijiet pubbliċi u jara li l-awtoritajiet statali josservaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies u prassi amministrattiva tajba. Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jivverifika:

  • l-attivitajiet ta' entitajiet u awtoritajiet statali;
  • l-attivitajiet ta' entitajiet u awtoritajiet governattivi lokali;
  • l-attivitajiet tal-entitajiet jew l-awtoritajiet ta' persuni ġuridiċi fid-dritt pubbliku jew entitajiet privati li jaqdu funzjonijiet pubbliċi.

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq talba lill-Kanċillier tal-Ġustizzja biex jikkontrolla l-attivitajiet ta' awtoritajiet li jaqdu dmirijiet pubbliċi.

Jekk il-Kanċillier tal-Ġustizzja jsib li l-attivitajiet ta' awtorità li taqdi funzjonijiet pubbliċi jkunu illegali, huwa jibgħat opinjoni lill-awtorità fejn jistqarr kif din tkun kisret il-liġi u, fejn hemm bżonn, jirrakkomandalha ssegwi prassi amministrattiva legali u tajba jew jagħmel proposta biex jiġi rimedjat il-ksur. Fiż-żewġ każijiet, qabel ma tinħareġ opinjoni huwa jivvaluta jekk l-awtorità tkunx ikkonformat mal-liġi u jekk il-komunikazzjoni mal-individwu tkunx konformi mal-prassi amministrattiva tajba. Fl-opinjoni tiegħu, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jista' jikkritika, jagħti opinjoni jew jagħti rakkomandazzjonijiet immirati lejn ir-remedjar tal-ksur.

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja

L-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja: Kohtu 8, 15193 Tallinn, l-Estonja

Kulħadd għandu d-dritt li jressaq talba lill-Kanċillier tal-Ġustizzja biex jara jekk Att jew biċċa leġiżlazzjoni oħra tkunx konformi mal-Kostituzzjoni u liġijiet oħra. Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jara li l-leġiżlazzjoni maħruġa mis-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi u l-gvernijiet lokali tkun tikkonforma mal-Kostituzzjoni u liġijiet oħra.

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jara:

  • li l-Atti jikkonformaw mal-Kostituzzjoni;
  • li regolamenti tal-Gvern tar-Repubblika jikkonformaw mal-Kostituzzjoni u leġiżlazzjoni oħra;
  • li r-regolamenti ministerjali jikkonformaw mal-Kostituzzjoni u leġiżlazzjoni oħra;
  • li r-regolamenti tal-kunsilli governattivi lokali u tal-gvernijiet muniċipali u tal-bliet jikkonformaw mal-Kostituzzjoni u leġiżlazzjoni oħra;
  • il-legalità tal-atti leġiżlattivi maħruġa minn persuni ġuridiċi fid-dritt pubbliku.

Jekk il-Kanċillier tal-Ġustizzja jsib li att leġiżlattiv imur kontra l-Kostituzzjoni jew ma jkunx jikkonforma ma' liġijiet oħra:

  • jista' jippreżenta proposta lil min ħareġ l-att biex l-att jinġieb konformi mal-Kostituzzjoni u jew mal-liġi rilevanti fi żmien 20 jum.
    Jekk il-proposta tiġi injorata, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jitlob lill-Qorti Suprema tiddikjara l-att leġiżlattiv invalidu.
  • huwa jista' jibgħat rapport lill-Qorti Suprema fejn jiġbdilha l-attenzjoni bil-problemi fil-leġiżlazzjoni.

Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-Ombudsman għat-Tfal (funzjoni moqdija mill-Kanċillier tal-Ġustizzja)

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettaq id-dmirijiet ta’ protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

L-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja: Kohtu 8, 15193 Tallinn, l-Estonja

Id-dmirijiet tal-konsulenti fid-Dipartiment għad-Drittijiet tat-Tfal u ż-Żgħażagħ huma l-iktar:

  • it-trattament tat-talbiet li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal f'każijiet li jinvolvu stħarriġ kostituzzjonali u l-Ombudsman;
  • it-tħejjija u t-twettiq ta' żjarat ta' spezzjoni lill-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal;
  • it-tħejjija ta' rikorsi u opinjonijiet f'kawżi ta' stħarriġ kostituzzjonali;
  • l-għoti ta' tagħlim dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-tfal u s-sensibilizzazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, is-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' taħriġ dwar id-drittijiet tat-tfal;
  • it-twettiq ta' stħarriġ u studji dwar kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal;
  • l-organizzazzjoni ta' kooperazzjoni bejn għaqdiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, għaqdiet taċ-ċittadini, NGOs, għaqdiet professjonali u awtoritajiet xjentifiċi u statali.

Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-Kanċillier tal-Ġustizzja:

  • isolvi tilwim ta’ diskriminazzjoni bejn partijiet privati abbażi tal-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn;
  • huwa l-korp preventiv nazzjonali stabbilit mill-Artiklu 3 tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;
  • jissorvelja r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni fl-organizzazzjoni tal-ġbir, l-ipproċessar, l-użu u s-superviżjoni ta’ data personali u informazzjoni relatata b’mod sigriet;
  • iwettaq il-kompiti ta’ promozzjoni u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, f’konformità mal-Artikolu 33(2) tagħha.

Korp tal-ugwaljanza

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Trattament Indaqs, Roosikrantsi 8b, 10119 Tallinn, l-Estonja

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Trattament Indaqs huwa espert indipendenti u imparzjali li jaġixxi skont l-Att tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Att dwar it-Trattament Indaqs. Ir-rwol tal-Kummissarju huwa li jimmonitorizza l-konformità mar-rekwiżiti ta' dawn iż-żewġ Atti. Il-Kummissarju jagħti pariri u jgħin lin-nies f'tilwim li għandu x'jaqsam ma' diskriminazzjoni u joħroġ opinjonijiet esperti dwar każijiet ta' diskriminazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Trattament Indaqs:

  • jirċievi talbiet minn individwi u joħroġ opinjonijiet f'każijiet ta' diskriminazzjoni;
  • janalizza l-impatt tal-leġiżlazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' nisa u rġiel u nies fi gruppi ta' minoranza fis-soċjetà;
  • jagħmel proposti lill-Gvern tar-Repubblika u lill-entitajiet governattivi u lill-gvernijiet lokali u lill-entitajiet tal-gvernijiet lokali dwar leġiżlazzjoni li trid tiġi emendata;
  • jagħti pariri u informazzjoni lill-Gvern tar-Repubblika, lill-entitajiet governattivi u lill-entitajiet tal-gvern lokali dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Att dwar it-Trattament Indaqs;
  • jadotta miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel.

Il-Kummissarju jipprovdi opinjonijiet lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u nies b'interess leġittimu fil-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw it-trattament indaqs. Il-fini ta' dawn l-opinjonijiet hija li jipprovdu valutazzjoni li, flimkien mal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-Att dwar it-Trattament Indaqs u l-ftehimiet internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Estonja u leġiżlazzjoni oħra, tippermetti li ssir valutazzjoni ta' jekk inkisirx il-prinċipju ta' trattament indaqs fir-relazzjoni ġuridika kkonċernata.

Biex tirċievi opinjoni, trid tibgħat talba lill-Kummissarju li jkun fiha deskrizzjoni tal-fatti li jindikaw li kien hemm diskriminazzjoni. Biex jagħti opinjoni, il-Kummissarju għandu d-dritt li jikseb informazzjoni minn kull min ikollu fil-pussess tiegħu l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu aċċertati l-fatti relatati mal-każ ta' diskriminazzjoni, u li jitlob spjegazzjonijiet bil-miktub li jikkonċernaw il-fatti relatati mad-diskriminazzjoni allegata u li jintbagħtulu dokumenti jew kopji tagħhom fiż-żmien stipulat mill-Kummissarju.

Il-korp tal-protezzjoni tad-data

Spettorat tal-Protezzjoni tad-Data, Tatari 39, 10134 Tallinn, l-Estonja

L-Ispettorat tal-Protezzjoni tad-Data jiddefendi d-drittijiet kostituzzjonali li ġejjin:

  • id-dritt li tkun infurmat bil-prestazzjoni ta’ kompiti pubbliċi;
  • id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;
  • id-dritt li wieħed jaċċessa d-data tiegħu stess.

Jekk id-drittijiet ta’ persuna jinkisru fl-ipproċessar ta’ data personali jew billi jingħata aċċess għal informazzjoni pubblika, dawn jistgħu japplikaw għall-Ispettorat tal-Protezzjoni tad-Data.

L-Ispettorat tal-Protezzjoni tad-Data jrid jiġi infurmat jekk ir-rekwiżiti għall-ipproċessar tad-data personali jinkisru fi ħdan il-kumpanija jew il-korp. Madankollu, dan mhuwiex meħtieġ jekk il-ksur x’aktarx li ma jikkostitwix theddida għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. L-Ispettorat tal-Protezzjoni tad-Data jrid jiġi pprovdut ukoll bid-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-kumpanija jew tal-korp ikkonċernat.

L-eħfef mod biex tikkuntattja lill-Ispettorat tal-Protezzjoni tad-Data huwa permezz tas-sit https://www.aki.ee/en/contacts.

Korpi speċjalizzati oħrajn

Ma hemm l-ebda korpi speċjalizzati oħrajn.

Oħrajn

Il-Kamra tal-Avukati Estonjana, Rävala pst 3, 10143 Tallinn, l-Estonja

Il-Kamra tal-Avukati Estonjana hija assoċjazzjoni ta' avukati Estonjani, li l-attività ewlenija tagħha hija li tipprovdi servizzi ta' pariri legali liċ-ċittadini. Il-Kamra tal-Avukati Estonjana hija assoċjazzjoni professjonali ta' avukati stabbilita fl-14 ta' Ġunju 1919 li taġixxi skont il-prinċipji ta' amministrazzjoni governattiva lokali u torganizza l-għoti ta' servizzi legali fl-interess privat u pubbliku. L-attivitajiet tal-Kamra tal-Avukati Estonjana jinkludu l-organizzazzjoni ta' żvilupp professjonali ta' avukati, relazzjonijiet mal-avukati, mal-awtoritajiet statali u għadd ta' għaqdiet lokali u barranin u s-sehem attiv fl-abbozzar tal-liġijiet. Il-Kamra torganizza wkoll il-prestazzjoni tal-funzjoni tad-dritt pubbliku-privat – tipprovdi difiża u rappreżentanza f'materji ċivili u amministrattivi bi ħlas li jsir mill-Istat.

B'mod ġenerali, trid tiġi ppreżentata talba biex wieħed jikseb għajnuna legali. Talbiet għal għajnuna legali statali ġeneralment jintbagħtu lill-qorti. It-talba għal għajnuna legali statali tingħadda lill-awtorità investigattiva jew lill-Uffiċjal tal-Prosekutur jekk il-persuna tkun suspettata f'kawża kriminali fejn il-parteċipazzjoni ta' avukat mhix obbligatorja.

Talba għal għajnuna legali statali trid tintbagħat bl-Estonjan. It-talba tista' tintbagħat ukoll bl-Ingliż jekk min ikun qed jitlobha jkun persuna fiżika residenti fi Stat Membru differenti tal-Unjoni Ewropea jew ikun ċittadin ta' Stat Membru ieħor tal-UE, jew persuna ġuridika bbażata fi Stat Membru differenti tal-UE.

Fuq talba tal-awtorità investigattiva, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jew tal-qorti, il-Kamra tal-Avukati Estonjana taħtar avukat biex jagħti l-għajnuna legali statali. B'mod ġenerali, individwu ma għandux id-dritt li jagħżel liem avukat jipprovdilu l-għajnuna legali statali. Madankollu, persuna għandha d-dritt li titlob l-għajnuna legali statali li trid tiġi pprovduta minn avukat partikolari jekk l-avukat ikun qabel li jipprovdi għajnuna legali statali. F'dak il-każ, isem l-avukat li jkun ta l-kunsens tiegħu jrid jiġi indikat immedjatament fit-talba għal għajnuna legali statali.

Fi proċedimenti fejn il-parteċipazzjoni ta' avukat tkun meħtieġa mil-liġi, persuna ma jkollha xejn x'tagħmel biex tirċievi għajnuna legali statali (sakemm ma tkunx qabbdet avukat hija stess) - l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti huwa mitlub li jqabbad avukat għall-persuna u l-persuna ma għandhiex għalfejn tressaq talba.

L-aħħar aġġornament: 22/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.