Drittijiet fundamentali

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Qrati nazzjonali

Istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet fundamentali

Ombudsman

Entitajiet speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem

Oħrajn

Qrati nazzjonali

Kull imħallef Bulgaru jista' jisma' kawżi bħala mħallef fl-ewwel istanza dwar il-liġi tad-drittijiet fundamentali tal-UE, peress li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija parti mil-leġiżlazzjoni Ewropea primarja (tapplika bl-istess mod bħat-Trattat ta' Liżbona). Għalhekk, iċ-ċittadini Bulgari jippreżentaw talba fil-Qorti Provinċjali ("Окръжен съд") u jinvokaw il-Karta jekk iħossu li ġew imċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom. Il-qrati Bulgari għandhom l-istess setgħat fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li huma mnaqqxa fil-Kostituzzjoni Bulgara, u fir-rigward tat-trattati internazzjonali kollha li l-Bulgarija hija parti fihom.

Ilmenti kontra deċiżjonijiet amministrattivi individwali jistgħu jiġu ppreżentati fil-qrati amministrattivi u fil-Qorti Amministrattiva Suprema ("Върховен административен съд").

Kull qorti fil-Bulgarija għandha s-sit web tagħha li juri kif inhija mqassma u x'tagħmel. Is-sit tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (Висшия съдебен съвет) jipprovdi lista dettaljata tal-qrati Bulgari bl-indirizzi u s-siti tagħhom (bil-Bulgaru biss).

Istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet fundamentali

Irreferi għat-taqsima "Ombudsman" iktar 'l isfel.

Ombudsman

L-Ombudsman tar-Repubblika tal-Bulgarija (Омбудсман на Република България)

indirizz:

Ul. George Washington No 22
Sofia 1202, Bulgaria tel.
Tel. +359 2 810 69 55
Posta elettronika: priemna@ombudsman.bg
Websajt: http://www.ombudsman.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

L-Ombudsman jimpjega l-mezzi stipulati mil-liġi biex jinvestiga fejn permezz ta' azzjoni jew omissjoni, id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini jkunu affettwati jew ivvjolati mill-awtoritajiet statali u muniċipali u l-amministrazzjonijiet tagħhom, u minn persuni fdati bil-forniment tas-servizzi pubbliċi. Il-mandat tal-Ombudsman huwa wiesa', u jkopri kull dritt politiku, ekonomiku, ċivili, soċjali, kulturali u drittijiet oħrajn taċ-ċittadini. Huwa l-korp li jissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini kollha, inklużi t-tfal, il-persuni b'diżabilità, il-minoranzi, il-barranin, eċċ.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

L-imenti jistgħu jintbagħtu lill-Ombudsman bil-posta, personalment, bil-posta elettronika, jew anke oralment, u jkunu rreġistrati uffiċjalment minn uffiċjal. Dawn jiġu ttrattati mid-dipartiment li jirċevihom ("priemna") u mir-reġistru ("delovodstvo"). Id-dipartiment li jirċievi, li ilu jeżisti mill-5 ta' Jannar 2006, ikun miftuħ kuljum. Hemmhekk, l-esperti tad-dipartiment jieħdu ħsieb il-membri tal-pubbliku personalment jew bit-telefown. L-Ombudsman jilqa' wkoll il-membri tal-pubbliku personalment b'appuntament nhar ta' Ħamis bejn id-9:00 u n-12:30.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Kull membru tal-pubbliku, irrispettivament miċ-ċittadinanza, is-sess, il-persważjoni politika jew ir-reliġjon jista' jibgħat ilmenti jew informazzjoni lill-Ombudsman. Ilmenti jew informazzjoni anonimi dwar ġrajjiet li jmorru lura iktar minn sentejn ma jiġux eżaminati. L-Ombudsman jista' jiftaħ investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva personali tiegħu jekk jitqies li jkun fl-interess pubbliku.

L-ilmenti jiddaħħlu f'reġistru, u mbagħad il-kap tal-uffiċċju tal-Ombudsman jgħaddihom lid-dipartiment xieraq skont in-natura tal-ilment. Il-kap tad-dipartiment jassenja l-każ lil amministratur tal-każijiet, li jkollu xahar biex jinvestiga. Għal każijiet li jeħtieġu investigazzjoni iktar fil-fond, dan it-terminu jiġi estiż bi tliet xhur. L-amministratur tal-każ jista' jitlob lill-ilmentatur għal aktar informazzjoni jew jitlob lill-awtorità amministrattiva kompetenti jieħdu ċerti passi jew jipprovdu ċerta informazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali u muniċipali u l-amministrazzjonijiet tagħhom, l-entitajiet ġuridiċi u l-membri tal-pubbliku jridu jipprovdu volontarjament informazzjoni fdata lilhom u jikkooperaw mal-Ombudsman b'konnessjoni mal-ilmenti mibgħuta lill-korp. Jekk l-ilment jikkonċerna kwistjoni li tista' tiġi riferuta lil korp amministrattiv ogħla jew istituzzjoni speċjalizzati oħra (kumitat jew aġenzija), l-Ombudsman jista' jagħti parir lill-ilmentatur jikkuntattja lill-istituzzjoni kkonċernata, sakemm il-kwistjoni ma tkunx waħda li tirrikjedi eżami mill-Ombudsman. Meta każ ma jkunx kopert mill-mandat tal-Ombudsman, minflok ma jeżaminah, l-Ombudsman jinnotifika lill-ilmentatur b'dan u jagħtih parir jikkuntattja lill-awtorità kompetenti. Jekk l-ilmentatur jaqbel, l-Ombudsman jista' jgħaddi l-ilment lil dik l-awtorità.

L-Ombudsman jista', fi kwalunkwe mument, joffri li jimmedja bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli, billi tintbagħat offerta ta’ medjazzjoni lill-ilmentatur u lill-korp jew lill-persuna li sar l-ilment kontriha. Jekk jaqblu t-tnejn, l-Ombudsman jgħin b'kull mod li jista' biex tiġi solvuta t-tilwima, pereżempju billi jistabbilixxi kuntatt jew jgħin fin-negozjati bejn iż-żewġ partijiet.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Skont ir-riżultati miksuba matul l-investigazzjoni, minbarra t-tweġiba tal-ilmentatur, jistgħu jingħataw rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti fuq miżuri li tista' tieħu biex jiġu eliminati r-raġunijiet u l-prattiki li jwasslu biex jinkisru d-drittijiet tal-persuna. L-Ombudsman joħroġ opinjonijiet ta' spiss fuq kwistjonijiet partikolari, li mbagħad ikunu ppubblikati fis-sit u jingħaddew lill-awtorità kompetenti u lill-mezzi tax-xandir. Jekk jinstab li l-problema ġejja mill-qafas legali eżistenti, l-Ombudsman jista' joħroġ rakkomandazzjoni lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tal-Ministri biex jagħmlu l-emendi leġiżlattivi xierqa. Jekk jinstab li l-liġijiet jiksru l-Kostituzzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet ċivili, l-Ombudsman għandu s-setgħa jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Kostituzzjonali jew jistabbilixxi jekk ikunx realment il-każ. Barra minn hekk, jekk isib kontradizzjonijiet fil-każistika, l-Ombudsman għandu s-setgħa jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni jew il-Qorti Amministrattiva Suprema għal deċiżjoni interpretattiva.

Entitajiet speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem

L-Awtorità Nazzjonali tal-Ugwaljanza (Орган по въпросите на равенството)

1. Il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni (Комисия за защита от дискриминация)

indirizz:

Bul. Dragan Tsankov No 35
Sofia 1125, Bulgaria
Tel.: + 359 2 807 30 30
Fax: + 359 2 807 30 58
Posta elettronika: kzd@kzd.bg
Websajt: http://www.kzd-nondiscrimination.com/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni (Комисия за защита от дискриминация)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-każijiet jistgħu jitressqu quddiem il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni:

  • fuq il-bażi ta' lment bil-miktub mill-persuna jew persuni milquta;
  • fuq l-inizjattiva personali tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni;
  • fuq il-bażi ta' informazzjoni li tasal mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew mingħand l-istat jew korpi pubbliċi.

L-ilment jew informazzjoni jridu jitressqu quddiem il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni fi żmien tliet snin mill-infrazzjoni kommessa. Jekk ikunu skorrew it-tliet snin, l-ilment ma jiġix eżaminat jew, jekk tkun diġà għaddejja investigazzjoni, il-każ jingħalaq. Jekk il-kwistjoni tkun diġà tressqet il-qorti, il-Kummissjoni ma tiftaħx proċedimenti. Jekk l-ilment jew informazzjoni jiġu rtirati jew jekk l-ilmentatur ma jikkoreġix żball fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni, il-każ jingħalaq.

L-ilment irid jinkludi:

  • isem l-ilmentatur;
  • l-indirizz ta' kuntatt jew l-indirizz irreġistrat tal-ilmentatur;
  • deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li huma l-bażi tal-ilment: fil-każ ta' azzjonijiet imwettqa f'kapaċità personali, x'atti jew omissjonijiet twettqu u meta, fejn u minn min, jew f'każ ta' impjegati, jew fil-każ ta' impjegati tal-konvenut, x'atti jew omissjonijiet ġejjin mill-obbligi statutorji jew kuntrattwali tagħhom u relatati mal-attivitajiet tagħhom iwasslu biex il-konvenut ikun responsabbli għad-diskriminazzjoni kommessa);
  • dettalji speċifiċi tar-rimedju mitlub. Dan irid ikun fis-setgħat tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni, li huma stipulati fl-Att dwar il-Ħarsien mid-Diskriminazzjoni. L-ilmentaturi jridu jipprovdu evidenza, pereżempju dokumenti bil-miktub jew evidenza speċifika li jħossu li għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni (li tindika, pereżempju, il-persuni li jixtiequ li jiġu interrogati bħala xhieda u l-post tal-evidenza bil-miktub fil-pussess ta' terzi li mhumiex jipparteċipaw fil-proċedimenti).
  • id-data u l-firma tal-ilmentatur jew tar-rappreżentant tiegħu.
  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-president tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni jalloka l-fajl lil bord speċjalizzat fit-tip ta' diskriminazzjoni involuta. Il-bord jaħtar president u relatur minn fost il-membri tiegħu. Ir-relatur jiġbor l-evidenza meħtieġa bil-miktub biex jiġu ddokumentati l-fatti. L-investigazzjoni trid titlesta fi żmien 30 jum. Għal każijiet kumplessi, il-president tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni jista' jestendi dan il-perjodu bi 30 jum ieħor. Meta l-investigazzjoni titlesta, ir-relatur jippreżenta r-riżultati tiegħu lill-president tal-bord. Il-president jistabbilixxi data għal seduta pubblika u jistieden lill-partijiet jattendu.

Il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni għandha s-setgħa:

  • titlob dokumenti u informazzjoni oħra relatata mal-investigazzjoni;
  • titlob kjarifika minn dawk li jkunu investigati;
  • tinterroga x-xhieda.

L-individwi kollha u l-awtoritajiet pubbliċi u statali huma obbligati jikkooperaw mal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni billi jagħtuha informazzjoni u dokumentazzjoni u jipprovdul kjarifika bil-miktub kull meta jintalbu. Rifjut iwassal għal multa.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Fl-ewwel laqgħa, il-president tal-bord jistieden lill-partijiet isolvu t-tilwima tagħhom amikevolment. Jekk jagħmlu dan, il-ftehim li jirriżulta jkun approvat minn deċiżjoni u l-każ jingħalaq. Jekk il-partijiet jaslu għal soluzzjoni parzjali, il-proċedimenti jkomplu għall-parti li ma jkunx instab qbil dwarha. Il-ftehim huma eżekutorju u l-Kummissjoni tara li jkun eżegwit.

Jekk ma jinstab l-ebda qbil, il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni tiddeċiedi l-każ fuq il-merti tiegħu fi żmien 14-il jum wara s-seduta pubblika.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni tista':

  • tistabbilixxi jekk kienx hemm infrazzjoni;
  • tistabbilixxi min wettaq l-infrazzjoni u min hu l-vittma;
  • timponi piena u/jew miżuri amministrattivi, jekk issib li kien hemm infrazzjoni.

Il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni tista' tieħu l-miżuri amministrattivi vinkolanti li ġejjin:

  • tista' tagħti lill-impjegaturi u lill-uffiċjali pubbliċi istruzzjonijiet vinkolanti biex jikkoreġu infrazzjonijiet ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni;
  • tista' tissospendi deċiżjonijiet jew regoli illegali maħruġa mill-impjegaturi li jirriżultaw jew jistgħu jirriżultaw f'diskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni tinforza l-konformità mad-deċiżjonijiet tagħha, b'konformità mal-liġi.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni huma suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti Amministrattiva ta' Sofija fi żmien 14-il jum.

2. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Националния съвет по равнопоставеността на жените и мъжете към Министерския съвет)

indirizz:

Council of Ministers
bul. Dondukov No 1
Sofia 1594, Bulgaria
Websajt: http://www.mlsp.government.bg/equal/index.asp
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri (Националния съвет по равнопоставеността на жените и мъжете към Министерския съвет)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jiżgura li l-entitajiet governattivi u l-għaqdiet nongovernattivi jaħdmu flimkien fl-iżvilupp u t-twettiq tal-politika nazzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi jiġu ffaċilitati l-konsultazzjonijiet, il-kooperazzjoni u l-koordinament.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi:

  • jagħti pariri lill-Kunsill tal-Ministri;
  • jeżamina l-abbozzi ta' atti leġiżlattivi u atti oħrajn relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u joħroġ opinjonijiet dwarhom;
  • jeżamina l-abbozzi ta' deċiżjonijiet imfassla mill-Kunsill tal-Ministri u joħroġ opinjoni dwar jekk ikunux konsistenti mal-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;
  • jikkoordina l-azzjonijiet tal-korpi statali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-obbligi internazzjonali mill-Bulgarija f’dan il-qasam;
  • jipproponi miżuri politiċi nazzjonali dwar is-sessi, jew indipendentement jew flimkien mal-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni;
  • iżomm kuntatt mal-kontropartijiet tiegħu f'pajjiżi oħra u mal-għaqdiet internazzjonali b'kompiti simili u li joperaw fl-istess qasam;
  • jgħin lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi jimplimentaw proġetti nazzjonali u reġjonali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet familjari/tal-ġenituri mal-attivitajiet professjonali, u jimmonitorizza r-riżultati;
  • jorganizza riċerka dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-attivitajiet tiegħu.
  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Żvilupp u implimentazzjoni tal-politika nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Il-Korp tal-Protezzjoni tad-Data

1. Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali Комисията за защита на личните данни)

indirizz:

Bul. Prof. Tsvetan Lazarov No 2
Sofia 1592, Bulgaria
+ 359 2 91 53 518
Fax: + 359 2 91 53 525
Posta elettronika: kzld@cpdp.bg
Websajt: http://www.cpdp.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali Комисията за защита на личните данни)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali tassisti lill-gvern fl-implimentazzjoni tal-politika tal-protezzjoni tad-data personali.

Hija għandha s-setgħa li tinvestiga l-ilmenti li jitolbu l-ħarsien ta' drittijiet miċħuda skont l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Kulħadd għandu d-dritt li jirrapporta l-ksur ta' drittijietu skont l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Data Personali, fi żmien sena minn meta jindunaw bih u mhux wara ħames snin li jokkorru. Ladarba jiġi ppreżentat ilment lill-Kummissjoni, dan ikun allokat lid-Direttorat għall-Proċeduri Legali u s-Superviżjoni, li jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni u l-ammissibilità tal-ilment. Il-Kummissjoni mbagħad tiltaqa' bil-bibien magħluqa biex tiddeċiedi jekk l-ilment ikunx ammissibbli u liema proċedura għandha tiġi segwita. Hija tista' tiftaħ inkjesta, tiġbor il-provi jew tikseb il-fehmiet ta' terzi. Jekk l-ilment ikun ammissibbli, il-partijiet involuti jkunu dovutament infurmati u tiġi ffissata data għal smigħ pubbliku. Il-partijiet jiġu mistiedna jattendu flimkien ma' kull parti kkonċernata oħra. Il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fi żmien 30 jum mill-wasla tal-ilment. Kopja tad-deċiżjoni tintbagħat lill-partijiet fl-ilment u kull parti kkonċernata oħra. Il-Kummissjoni tista' toħroġ istruzzjonijiet vinkolanti lill-parti li tkun wettqet il-ksur, timponi data sa meta tkun trid titneħħa l-kawża tal-ksur jew timponi piena amministrattiva. Id-deċiżjoni hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema fi żmien 14-il jum mill-wasla tagħha.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Membri tal-pubbliku, entitajiet ġuridiċi jew korpi governattivi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni relatat mal-Att dwar il-Protezzjoni ta' Data Personali.

Il-Kummissjoni tista' toħroġ istruzzjonijiet vinkolanti lill-amministratturi tad-data personali

u timponi projbizzjonijiet temporanji fuq l-ipproċessar ta' data personali meta jinkisru standards ta' protezzjoni ta' data personali.

Awtoritajiet speċjalizzati oħrajn

1. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Minoranzi Etniċi u l-Integrazzjoni ("Националния съвет по етническите и интеграционните въпроси към Министерски съвет")

indirizz:

Council of Ministers
bul. Dondukov No 1
Sofia 1594, Bulgaria
+359 2 940 36 22
Fax: +359 2 940 21 18
Posta elettronika: Rositsa.Ivanova@government.bg - segretarja tal-NSSIEV
Websajt: http://www.nccedi.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Minoranzi Etniċi u l-Integrazzjoni tal-Kunsill Ministerjali ("Националния съвет по етническите и интеграционните въпроси към Министерски съвет")

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Kull kwistjoni relatata mal-etniċità tiġi ttrattata minn dan il-korp u s-segretarjat tiegħu.

Għalkemm is-segretarjat ma għandu l-ebda dipartiment speċifiku li jittratta l-ilmenti jew it-talbiet, l-esperti tiegħu jittrattawhom meta jinqala' l-bżonn.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Minoranzi Etniċi u l-Integrazzjoni huwa korp konsultattiv u ta' koordinament li jassisti lill-Kunsill tal-Ministri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-minoranzi etniċi u l-integrazzjoni tagħhom.

Huwa jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-korpi statali u l-għaqdiet nongovernattivi li jiddefendu l-interessi tal-minoranzi etniċi u l-promozzjoni tar-relazzjonijiet interetniċi.

Barra minn hekk, huwa jikkoordina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma 2005–2015 u tal-impenji meħuda mill-korpi statali skont il-ġuriżdizzjoni operattiva tagħhom fir-rigward tad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma.

Kull provinċa għandha l-kunsill għall-minoranzi etniċi u l-integrazzjoni tagħha li jaħdem mal-gvernatur provinċali. Dawn huma korpi konsultattivi u ta' koordinazzjoni li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika dwar kwistjonijiet etniċi u ta' integrazzjoni fil-livell distrettwali.

Il-kunsilli muniċipali jistgħu jistabbilixxu l-kunsilli lokali tagħhom stess għall-minoranzi etniċi u l-integrazzjoni.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Barra mid-dmirijiet amministrattivi estensivi tiegħu, is-Segretarjat tal-Kunsill Nazzjonali għall-Minoranzi Etniċi u l-Integrazzjoni huwa responsabbli għaż-żamma tar-rabtiet operattivi u biex jipprovdi għajnuna metodoloġika lill-kunsilli provinċali u lokali għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet etniċi u ta' integrazzjoni.

2. L-Aġenzija għan-Nies b'Diżabilità (Агенция за хора с увреждания)

indirizz:

Ul. Sofroni Vrachanski No 104-106
Sofia 1233, Bulgaria

Tel. +359 2 940 80 95; 832 90 73

Fax: +359 2 832 41 62

Posta elettronika: ahu@mlsp.government.bg
Websajt: http://ahu.mlsp.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

L-Aġenzija għan-Nies b'Diżabilità (Агенция за хора с увреждания)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

L-aġenzija tittratta l-iktar applikazzjonijiet għall-inklużjoni fir-reġistru tal-fornituri ta' kura u għodod mediċi u r-reġistri ta' kumpaniji speċjalizzati mmexxija minn persuni b’diżabilità għal persuni b’diżabilità li jindirizzaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Hija ġġestixxi wkoll proġetti għal diversi programmi ffinanzjati mill-Aġenzija.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

L-applikazzjonijiet huma rreġistrati fis-sistema ta' informazzjoni awtomata "Dokman", u wara d-direttur eżekuttiv jgħaddihom lill-kap tal-uffiċċju tal-Aġenzija u lid-diretturi tiegħu, li jallokahom lill-ġesturi tal-każijiet xierqa.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

L-applikazzjoni tiġi pproċessata jew tintbagħat tweġiba.

3. L-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal (Държавната агенция за закрила на детето)

indirizz:

Ul. Triaditsa No 2
Sofia 1051, Bulgaria
+359 2 933 90 10, +359 2 933 90 16
Fax: +359 2 980 24 15
Posta elettronika: sacp@sacp.government.bg
Websajt: http://sacp.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

L-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal (Държавната агенция за закрила на детето)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Id-drittijiet tat-tfal, kif stipulati fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, huma ggarantiti fil-Bulgarija mill-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, adottat fl-2000, u mill-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal, maħluqa fl-2001. B'hekk, il-Bulgarija hija impenjata li tipprovdi għajnuna xierqa lill-ġenituri u lit-tuturi u toħloq infrastruttura ta' istituzzjonijiet u servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal.

Il-protezzjoni tat-tfal fil-Bulgarija hija r-responsabilità ta':

  • il-President tal-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal (Държавната агенция за закрила на детето), li jassistihom fl-eżerċizzju tas-segħat tiegħu;
  • il-fergħat tas-Servizzi Soċjali;
  • il-Ministri: tax-Xogħol u l-Politika Soċjali; tal-Intern; tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u x-Xjenzi; tal-Ġustizzja; tal-Affarijiet Barranin; tal-Kultura; tas-Saħħa; u s-sindki lokali.
  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

L-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal jagħti protezzjoni speċjali lil tfal f'riskju u jirregola d-dritt tat-tfal kollha li jkunu mħarsa mill-vjolenza, li tinkludi li jkunu mġiegħla jieħdu sehem f'attivitajiet dannużi għall-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew edukattiv tagħhom; li jkunu esposti għal metodi ta' trobbija tat-tfal dannużi għas-sens ta’ dinjità tagħhom, jew għal vjolenza fiżika, mentali jew forom oħra ta' vjolenza u għal influwenza li tmur kontra l-interessi tagħhom; milli jintużaw biex jittallbu, għall-prostituzzjoni, għat-tixrid tal-pornografija, għall-ġbir ta' dħul illegali jew milli jkunu esposti għall-abbuż sesswali. .

Il-Bulgarija għandha l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal fis-seħħ li ġejjin:

  • fl-ambjent familjari: pariri, għajnuna, għajnuna legali, konsulenza psikoloġika u servizzi soċjali. Dawn il-miżuri jittieħdu mill-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali fuq talba tal-ġenituri, tuturi, kuraturi tat-tfal jew tat-tfal stess, jew fuq l-inizjattiva personali tal-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali. Is-servizzi huma fornuti mill-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali jew fornituri oħrajn;
  • lil hinn mill-ambjent familjari: tqegħid ta' tfal f'familja ta' qraba jew ħbieb qrib tal-familja jew f'familja li trabbihom, u servizzi soċjali pprovduti fir-residenza tat-tfal jew f'istituzzjoni speċjalizzata. Miżuri ta' dan it-tip jiġu ordnati mill-qorti. L-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali tirranġa għall-abitazzjoni temporanja sakemm il-qorti tagħti l-ordni tagħha;
  • huwa biss meta kull tentattiv li t-tfal jitqiegħdu f'ambjent familjari ikun falla li jitqiegħdu f'istituzzjoni speċjalizzata.
  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

L-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal tinforza d-drittijiet tat-tfal billi:

  • twettaq spezzjonijiet biex tiżgura li d-drittijiet tat-tfal ikunu mħarsa f'kull skola pubblika jew privata, kull kindergarten u ċentru li jieħu ħsieb it-tfal jew dipartiment tas-servizzi tagħhom, kull faċilità medika, kull fergħa tas-Servizzi Soċjali, kull fornitur ta' servizzi soċjali għat-tfal u kull organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ attiva fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal;
  • tissorvelja ċ-ċentri li joffru servizz speċjalizzat biex jieħdu ħsieb tfal;
  • tinforza l-istandards minimi fis-servizzi soċjali. Għal dawn ta' hawn fuq kollha, l-Aġenzija toħroġ istruzzjonijiet vinkolanti biex tiġi rimedjata vjolazzjoni. Min jonqos milli jimxi mal-istruzzjonijiet vinkolanti jingħata multa jew piena finanzjarja oħra li tiġi imposta wara proċess twil. Jekk investigazzjoni tiżvela li nkisru d-drittijiet ta' tifel jew tifla, l-Aġenzija l-ewwel toħroġ istruzzjoni vinkolanti (att amministrattiv individwali), li jista' jiġi appellat quddiem il-qorti qabel skadenza legali ta' 14-il jum. Jekk dan ma jseħħx, l-istruzzjoni vinkolanti tidħol fis-seħħ. Ladarba tiskadi l-istruzzjoni, it-trażgressur irid jinforma lill-Aġenzija li jkun ikkonforma.

4. L-Aġenzija Statali għar-Refuġjati (Държавна агенция за бежанците при Министерския съвет)

indirizz:

Bul. Knyaginya Maria Luiza No 114 B
Serdika
1233 Sofia; Bulgaria
Tel.: +359 2 80 80 901 - president
Fax: +359 2 295 59 905
Posta elettronika: sar@saref.government.bg
Websajt: http://www.aref.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

L-Aġenzija Statali għar-Refuġjati (Държавна агенция за бежанците)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Applikazzjonijiet għall-ażil u r-riunifikazzjoni tal-familja jiġu eżaminati skont l-Att dwar l-Ażil u r-Refuġjati (l-Artikolu 34 jirregola r-riunifikazzjoni tal-familja). Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-ażil u r-riunifikazzjoni tal-familja huma suġġetti għal appell skont dan l-Att. L-applikazzjonijiet l-oħra kollha huma rregolati mir-regoli interni tal-proċedura tal-Aġenzija għall-għoti tal-protezzjoni.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-liġi ewlenija li tirregola d-drittijiet ta' persuni li jfittxu ażil, refuġjati u persuni li jfittxu status umanitarju (protezzjoni sussidjarja) fil-Bulgarija hija l-Att dwar l-Ażil u r-Refuġjati. Dan l-Att, flimkien mal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva u l-Att dwar il-Barranin fil-Bulgarija, jiffurmaw il-qafas legali għas-sistema tal-ażil Bulgara.

Skont l-Att dwar l-Ażil u r-Refuġjati, hemm erba’ tipi ta’ protezzjoni speċjali:

  • ażil: dan jingħata mill-President tal-Bulgarija liċ-ċittadini barranin li ġew persegwitati minħabba t-twemmin jew l-azzjonijiet tagħhom ta' sostenn għad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti internazzjonalment;
  • status ta' refuġjat;
  • status umanitarju (li huwa ekwivalenti għall-protezzjoni sussidjarja deskritta fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kwalifiki – 2004/83/KE);
  • protezzjoni temporanja: mogħtija skont ċerti kundizzjonijiet fi żminijiet ta' influss massiv ta' refuġjati;
  • L-Aġenzija Statali għar-Refuġjati hija responsabbli għall-eżami ta' applikazzjonijiet għal status umanitarju jew ta’ refuġjat. Il-president tagħha huwa l-uniku uffiċjal li jista' jagħti status umanitarju jew ta' refuġjat fil-Bulgarija.

Bħalissa, l-applikazzjonijiet kollha għal status ta' refuġjat huma pproċessati fiċ-ċentru għar-refuġjati ta' Sofija u r-raħal ta' Banya, ħdejn Nova Zagora.

Min jitlob ażil irid jidher personalment fl-Aġenzija. L-applikazzjonijiet li jsiru fil-fruntiera jew ma' kwalunkwe awtorità oħra jridu jingħaddew lill-Aġenzija minnufih.

Min jitlob ażil jiġi rreġistrat dakinhar li titressaq l-applikazzjoni tiegħu mal-Aġenzija.

L-Aġenzija trid tagħti informazzjoni lil applikanti għall-ażil dwar il-proċedura, drittijiethom u dmirijiethom, u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna legali u soċjali. Din l-informazzjoni trid tiġi ppreżentata f'lingwa li jkunu jistgħu jifhmu u tinqaralhom minn interpretu eżattament qabel ma tiġi rreġistrata l-applikazzjoni tagħhom. Huma jingħataw kopja f'dik il-lingwa. Huma għandhom jimlew formola, fejn iniżżlu biss il-karatteristiċi bijoliġiċi tagħhom. L-applikazzjoni mbagħad tiġi ttrattata skont il-proċedura ta' Dublin. Min ikun qed jitlob ażil jitteħdulu l-marki tas-swaba' biex dawn jiddaħħlu fis-sistema Eurodac, u jiġu mistoqsija għadd ta' mistoqsijiet standard dwar il-vjaġġ tagħhom.

Jekk il-Bulgarija tkun responsabbli mill-ipproċessar tal-applikazzjoni, din tiġi ttrattata fi proċedura rapida, u d-dipartiment li jkun eżamina l-applikant (id-delegat tal-president) huwa responsabbli li jieħu din id-deċiżjoni. Dak id-dipartiment jista' jirrifjuta l-ażil jekk il-każ ma jkunx jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Att dwar l-Ażil u r-Refuġjati, jagħlaq il-każ jew jgħaddi l-fajl għal iktar ipproċessar skont il-proċedura standard.

Jekk fi żmien tlett ijiem ma tittieħed l-ebda deċiżjoni, l-applikazzjoni tiġi ttrattata awtomatikament skont il-proċedura standard. Id-deċiżjoni tad-dipartiment li jeżamina trid tkun approvata mill-uffiċjali kompetenti. Fejn ikun hemm bżonn, il-fajl jista' jiġi rritornat għal aktar investigazzjoni. Ladarba d-deċiżjoni tkun ġiet approvata, din titniżżel uffiċjalment bil-miktub, tiġi approvata mid-dipartiment tal-metodoloġija, tiġi ffirmata minn ċertu għadd ta' uffiċjali u tintbagħat lill-president tal-Aġenzija għall-iffirmar.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

L-għoti ta' status ta' refuġjat, status umanitarju jew ir-rifjut tal-applikazzjoni għall-ażil.

5. Il-Kummissjoni Permanenti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Etika tal-Pulizija (Постоянна комисия по правата на човека и полицейската етика)

indirizz:

Ministry of the Interior
Ul 6 Septemvri No 29
Sofia 1000, Bulgaria
Tel.: + 359 2 982 50 00 – (switchboard)
Websajt: http://www.mvr.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kummissjoni Permanenti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Etika tal-Pulizija (Постоянна комисия по правата на човека и полицейската етика)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-Kummissjoni tagħmilha ta' pont bejn il-Ministru tal-Intern u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, u għalhekk għandha rwol importanti. Hija għandha fergħat fl-uffiċċji provinċali tal-Ministeru.

Il-Kummissjoni teżamina l-materjali kollha relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jaslu għand id-dipartimenti tal-Ministeru.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Xogħol il-Kummissjoni jinvolvi kooperazzjoni attiva mal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, inkoraġġiment tal-prassi polizjeski pożittivi u armonizzazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija fl-UE tal-Bulgarija. Hija topera skont pjan ta’ ħidma li jiġi aġġornat annwalment. Il-pjan ta' ħidma annwali jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:

  • studju tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u proposti għat-titjib;
  • inkoraġġiment għal imġiba etika u rispett għad-drittijiet tal-bniedem fix-xogħol ta' kuljum tal-pulizija;
  • offerta ta' taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem lill-uffiċjali tal-pulizija.
  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.
  • rispett tad-dritt tas-suspettati li jkunu fil-kustodja tal-pulizija;
  • rispett tal-kodiċi tal-etika;
  • twettiq ta' kontrolli biex ikun żgurat ir-rispett tal-liġi u tar-regoli u r-regolamenti tal-Ministeru, inklużi dawk li jikkonċernaw l-etika tal-pulizija u d-drittijiet tal-bniedem.

6. Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Reliġjon u l-Petizzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali (Комисия по правата на човека, вероизповеданията, жалбите и петициите на гражданите към Народното събрание)

indirizz:

Pl. Narodno Sabranie No 2 (Hemicycle)
Pl. Knyaz Aleksandar I No 1 (Commissions and cabinets of Members of Parliament)
Sofia 1169, Bulgaria
Switchboard: +359 2 939 39
Fax: +359 2 981 31 31

Posta elettronika: infocenter@parliament.bg
Posta elettronika: humanrights@parliament.bg
Websajt: http://www.parliament.bg/

  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Reliġjon u l-Petizzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali (Комисия по правата на човека, вероизповеданията, жалбите и петициите на гражданите към Народното събрание)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

L-attivitajiet tal-Kumitat ikopru leġiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem, u materji oħrajn, li jinkludu kwistjonijiet ippreżentati minn ċittadini, organizzazzjonijiet nongovernattivi, assoċjazzjonijiet u fundazzjonijiet fil-forma ta' lmenti, talbiet, informazzjoni, petizzjonijiet, suġġerimenti, eċċ.

Is-suġġett huwa divers ħafna u jkopri l-aspetti kollha tas-soċjetà li ma jkunux ittrattati mill-qrati. Il-parti l-kbira tal-ilmenti jikkonċernaw problemi soċjali, segwiti mis-sistema ġudizzjarja, id-drittijiet tal-konsumatur, azzjonijiet u ommissjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet fil-Ministeru għall-Intern, deċiżjonijiet urbanistiċi ġenerali u dettaljati, kostruzzjonijiet illegali, u r-riistituzzjoni ta' sjieda ta' art agrikola jew forestali. Tintalab kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet edukattivi u tal-kura tas-saħħa, azzjonijiet u ommissjonijiet mill-awtoritajiet lokali u l-gvern lokali, kwistjonijiet reliġjużi, ilmenti relatati mal-azzjonijiet ta' awtoritajiet statali, diskriminazzjoni, kwistjonijiet ta' minoranzi etniċi, eċċ.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-Kumitat huwa l-ħolqa diretta tal-Parlament Bulgaru maċ-ċittadini tal-pajjiż. Ir-rwol tiegħu huwa strettament definit. Ir-regoli tal-proċedura jistipulaw fid-dettall kif l-għadd kbir ta' lmenti, applikazzjonijiet, talbiet u suġġerimenti mibgħuta lill-Kumitat bil-posta jew bil-posta elettronika u/jew li jaslu għand ir-reġistru tal-Assemblea Nazzjonali jiġu rreġistrati, trażmessi u arkivjati u kif kull pass f’dan il-proċess jiġi rreġistrat. Kull dokument jingħata numru ta' referenza, li jiġi rreġistrat f'reġistru speċjali u jkun assenjat lil ġestur tal-każijiet, li jeżaminah u jibgħat tweġiba jew, fejn xieraq, jgħaddi l-fajl lill-awtorità xierqa fil-ħin. Il-Kumitat jagħti attenzjoni partikolari lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali li jonqsu milli jissodisfaw l-iskadenzi statutorji għat-tweġibiet stipulati fil-Kodiċi ta' Proċedura Amministrattiva. Il-ġesturi tal-każijiet tal-Kumitat jagħtu wkoll pariri bit-telefown dwar drittijiet proċedurali u jispjegaw f'liema każijiet ikunu jistgħu jgħinu.

Petizzjonijiet anonimi ma jiġux eżaminati.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Iċ-ċittadini jingħataw pariri u għajnuna għad-difiża tad-drittijiet ċivili ggarantiti mill-kostituzzjoni Bulgara.

7. Id-Direttorat Ġenerali għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi kriminali tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Главна дирекция "Изпълнение на наказанията")

indirizz:

Bul. General N. Stoletov No 21
Sofia 1309, Bulgaria
Tel.: + 359 2 813 91 90
Fax: +359 2 931 15 74
Posta elettronika: mailto:gdin_ias@abv.bg; gdin@gdin.bg
Websajt: http://www.gdin.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Id-Direttorat Ġenerali għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi kriminali tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Главна дирекция "Изпълнение на наказанията")

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Ilmenti mid-detenuti jikkonċernaw l-iktar miżuri dixxiplinari, trasferimenti f'faċilitajiet oħra, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, il-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-kura medika u l-imġiba tal-persunal tal-faċilità.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-miżuri dixxiplinari imposti mill-Artikolu 101 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi Kriminali u d-Detenzjoni huma suġġetti għal appell fi żmien sebat ijiem wara l-avviż quddiem id-Direttur Ġenerali tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi kriminali jekk jinħarġu mid-direttur tal-ħabs jew faċilità korrettiva oħra, jew quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja jekk jinħarġu mid-Direttur Ġenerali. Reklużjoni tista' tiġi appellata quddiem il-Qorti Distrettwali għall-faċilità fi żmien tlett ijiem mill-avviż.

Reklużjoni li ddum iktar minn xahrejn mingħajr id-dritt ta' parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' grupp (l-Artikolu 120 tal-Att) iridu jkunu imposti mid-Direttur Ġenerali tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi kriminali u jista' jkun hemm appell minnhom quddiem il-Qorti Provinċali rilevanti fi żmien tlett ijiem mill-avviż.

It-trasferimenti jiġu ordnati mid-Direttur Ġenerali tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi kriminali u huma suġġetti għal appell quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja fi żmien 14-il jum wara l-avviż dwarhom.

Deċiżjonijiet biex jiġu imposti kundizzjonijiet iktar stretti ta' reklużjoni jinħarġu mill-Kummissjoni għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi Kriminali (Artikolu 74(1) tal-Att) u jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Provinċali għall-faċilità fi żmien 14-il jum wara l-avviż.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 1(1) tar-Responsabilità għall-Ħsara Inflitta tal-Istat u l-Muniċipalitajiet għad-Danni mġarrba miċ-ċittadini, ilmenti dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-kura medika u l-imġiba tal-persunal tal-faċilità jinstemgħu mill-qrati amministrattivi skont il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva. Id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu appellati darba. L-allegazzjonijiet skont l-Artikolu 71(1) tal-Att dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni jinstemgħu mill-qrati distrettwali jew mill-Kummissjoni kontra d-Diskriminazzjoni. Din il-proċedura hija rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu appellati darbtejn. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema skont il-Kodiċi ta' Proċedura Amministrattiva.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Ladarba jkunu daħlu fis-seħħ, id-deċiżjonijiet amministrattivi u d-deċiżjonijiet tal-qorti isiru vinkolanti u jkunu implimentati mid-Direttorat Ġenerali u d-dipartimenti reġjonali tiegħu.

8. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (Национална комисия за борба с трафика на хора към Министерския съвет)

indirizz:

Blvd G. M. Dimitrov No 52, 1797 Sofia, Bulgaria
Tel. + 359 2 807 80 50
Fax: + 359 2 807 80 59
Posta elettronika: office@antitraffic.government.bg
Websajt: http://antitraffic.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-Kunsill Ministerjali (Национална комисия за борба с трафика на хора към Министерския съвет)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Informazzjoni dwar it-traffikar ta' bnedmin jistgħu jingħataw lis-segretarjat tal-Kummissjoni mill-vittmi stess jew minn xi ħadd li jaġixxi f'isimhom.

Il-Kummissjoni tittratta lmenti minn membri tal-pubbliku dwar il-funzjoni amministrattiva tagħha. Il-limiti taż-żmien biex jiġu ttrattati dawn l-ilmenti huma stipulati fil-liġi.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-Kummissjoni tgħaddi informazzjoni lis-servizz governattiv rilevanti biex isegwi l-każ, jinvestiga u/jew jiċċara l-affarijiet. Skont l-Artikolu 20 tal-Att dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, il-vittmi huma ggarantiti l-anonimat u d-data personali tagħhom hija mħarsa. Jekk il-vittma tkun minorenni, il-Kummissjoni trid tavża mill-ewwel lill-Aġenzija Statali għall-Protezzjoni tat-Tfal, li tieħu azzjoni kif mitlub mill-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal.

Skont l-Artikolu 4(4) tal-Att dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, ir-rappreżentanti ta' entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ u organizzazzjonijiet internazzjonali b'uffiċċji l-Bulgarija li huma attivi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin jistgħu jattendu laqgħat tal-Kummissjoni. Biex dan isir, skont l-Artikolu 12 tar-Regolamenti Interni tal-Kummissjoni, dawn iridu jressqu talba bil-miktub u jipprovdu ċerti dokumenti ta' prova.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Jekk id-dokumenti mibgħuta jkollhom xi ħaġa nieqsa jew ikun fihom l-iżbalji, il-Kummissjoni tista' titlob li jimtlew jew jitranġaw qabel ċerta data ta' skadenza. Fi żmien 30 wara l-wasla tat-talba u d-dokumenti ta' prova tagħha, il-president tal-Kummissjoni jew uffiċjal awtorizzat jieħu deċiżjoni, li tkun suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema.

9. Il-Kummissjoni Ċentrali għad-Delinkwenza Ġovanili (Централната комисия за борба срещу противообществените прояви на малолетните и непълнолетните към Министерския съвет)

indirizz:

Bul. Knyaz Dondukov No 9, 4th floor
Sofia 1000, Bulgaria
Tel.: + 359 2 981 11 33
Fax: +359 2 987 40 01
Websajt: http://www.ckbppmn.government.bg/obshti/funktzii.html
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kummissjoni Ċentrali għall-Ġlieda kontra d-Delinkwenza Ġovanili (Централната комисия за борба срещу противообществените прояви на малолетните и непълнолетните към Министерския съвет)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-ħidma tal-Kummissjoni tinkludi:

  • il-koordinament tal-ħidma tal-korpi governattivi u tal-entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-delinkwenza ġovanili;
  • il-ġestjoni u s-sorveljanza tax-xogħol tal-kummissjonijiet lokali għad-delinkwenza ġovanili ta' madwar il-pajjiż;
  • l-analiżi u l-ġbir ta' data statistika, xejriet tal-istudji u tbassir;
  • il-parteċipazzjoni fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-problemi li jiffaċċaw il-minorenni;
  • is-sensibilizzazzjoni pubblika tal-imġiba problematika tal-adolexxenti;

l-infurmar lill-pubbliku bis-sitwazzjonijiet li x'aktarx jipprovokaw imġiba delinkwenti, il-miżuri edukattivi li jistgħu jittieħdu, l-istat tad-delinkwenza ġovanili fil-pajjiż u d-direzzjoni li qed tieħu fl-evoluzzjoni tagħha.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-kummissjonijiet lokali għad-delinkwenza ġovanili huma responsabbli għall-isforzi ta' organizzazzjoni, ġestjoni u superviżjoni fil-livell muniċipali biex tiġi prevenuta u mnaqqsa l-imġiba antisoċjali ġovanili.

Huma għandhom ukoll setgħat ta' eżami tal-każijiet ta' delinkwenza ġovanili. Il-Kodiċi Kriminali għandu kapitolu intitolat "Dispożizzjonijiet speċjali għall-minorenni", li jikkorrispondi għall-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għar-Regola 11 tar-Regoli ta' Beijing. Skont dan il-kapitolu, tingħata preċedenza għall-miżuri edukattivi, li huma stipulati fl-Artikolu 13 tal-Att dwar id-Delinkwenza Ġovanili. Miżuri bħal dawn jittieħdu lil hinn mis-sistema tal-ġustizzja kriminali u jservu funzjoni purament edukattiva u soċjali. Dawn jinkludu pariri li jindirizzaw problemi ta' mġiba, inkoraġġiment għal involviment iktar mill-qrib mill-ġenituri u appoġġ minn edukaturi professjonali.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Miżuri xierqa jittieħdu wara li l-kawżi tal-imġiba problematika tkun analizzata. Fejn ikun hemm negliġenza, jistgħu jittieħdu miżuri wkoll fir-rigward tal-ġenituri.

10. L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Għajnuna Legali (Национално бюро за правна помощ)

indirizz:

Ul. Razvigor No 1
Sofia 1421, Bulgaria
Tel.: +359 2 81 93 200
Fax: + 359 2 865 48 12
Posta elettronika: nbpp@nbpp.government.bg
Websajt: http://www.nbpp.government.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

L-Uffiċċju Nazzjonali għall-Għajnuna Legali (Национално бюро за правна помощ)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Talbiet għal għajnuna legali jridu jintbagħtu lill-President tal-Uffiċċju.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Biex ikunu eliġibbli għall-għajnuna legali, l-applikanti jridu:

  • ikunu jirċievu jew ikunu eliġibbli għal benefiċċji soċjali mensili;
  • ikunu f'istituzzjoni soċjali speċjalizzata, jew
  • ikunu familji għat-trobbija jew qraba jew ħbieb qrib il-familja li jingħataw ir-responsabilità tat-tfal skont l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal.

L-applikant irid jibgħat waħda minn dawn li ġejjin:

  • stqarrija oriġinali mid-direttur tal-fergħa lokali tal-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali (magħruf ukoll bħala d-direttorat tas-servizzi soċjali) li tiċċertifika li l-applikant kien, fil-waqt tal-applikazzjoni, qed jirċievi benefiċċji soċjali mensili skont l-Artikolu 9 tad-Dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni għall-Att dwar Għajnuna Soċjali;

jew

  • stqarrija oriġinali mid-direttur tal-fergħa lokali tal-Aġenzija tas-Servizzi Soċjali li tiċċertifika li l-applikant jikkwalifika għall-benefiċċji soċjali mensili.

u

  • L-applikant irid jibgħat ukoll stqarrija li tagħti d-dettalji tar-riżorsi finanzjarji ta' familtu.
  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Il-president tal-Uffiċċju jiddeċiedi tingħatax jew jinċaħadx l-għajnuna legali.

Id-deċiżjoni tiegħu hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta' Sofija skont il-Kodiċi ta' Proċedura Amministrattiva.

11. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Għajnuna u l-Kumpens għall-Vittmi tal-Kriminalità (Национален съвет за подпомагане и компенсация на пострадали от престъпления)

indirizz:

Ministry of Justice
ul. Slavyanska No 1
Sofia 1040, Bulgaria
Tel.: + 359 2 9 237 359
Fax: +359 2 980 62 93
Posta elettronika: compensation@justice.government.bg
Websajt: http://www.compensation.bg/
  • Isem l-unità/l-entità istituzzjonali li tilqa' t-talbiet/l-ilmenti/il-pretensjonijiet li jiġu mill-ksur tad-drittijiet (jekk applikabbli);

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Għajnuna u l-Kumpens għall-Vittmi tal-Kriminalità (Национален съвет за подпомагане и компенсация на пострадали от престъпления)

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet ipproċessati mill-istituzzjoni;

Il-Kunsill jittratta applikazzjonijiet għall-kumpens finanzjarju stipulat fl-Att dwar l-Appoġġ u l-Kumpens għall-Vittmi tal-Kriminalità. Biex tikkwalifika għal kumpens, il-vittma trid tkun sofriet telf finanzjarju minħabba atti ta' terroriżmu; qtil; offiża serja u intenzjonata fuq il-persuna; stupru jew attakk fuq il-pudur li jkun ikkawża ħsara għal saħħet il-vittma; traffikar tal-bnedmin; reati kriminali kommessi f'isem ċirku tal-kriminalità organizzata; u reati kriminali premeditati u serji oħrajn li jirriżultaw f'mewt jew offiża serja fuq il-persuna (l-Artikolu 3(3) tal-Att). Ir-reat irid ikun sar wara t-30 ta' Ġunju 2005. Il-liġi tistipula l-kumpens għat-telf li ġej li jirriżulta direttament minn reat kriminali:

1. spejjeż mediċi ħlief dawn rimborżati mill-Fond tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa Nazzjonali;

2. qligħ mitluf;

3. spejjeż legali;

4. telf tal-mezzi ta' sosteniment;

5. spejjeż funerarji;

6. danni materjali oħrajn.

Iridu jiġu pprovduti dokumenti ta' appoġġ.

  • Deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura/proċedimenti li l-applikazzjonijiet/ilmenti/pretensjonijiet jiġu pproċessati skonthom;

Il-vittmi tar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3(3) tal-Att dwar l-Appoġġ u l-Kumpens għall-Vittmi jistgħu jippreżentaw pretensjonijiet ta' kumpens finanzjarju lill-gvernatur tal-provinċja tagħhom jew lill-Kunsill fi żmien xahrejn wara li jidħol fis-seħħ att legali ta' awtorità ġudizzjarja msemmi speċifikatament fl-Artikolu 12 tal-Att. Il-Kunsill irid jeżamina l-pretensjoni fi żmien tliet xhur mill-wasla tagħha.

  • Deskrizzjoni qasira tar-riżultati possibbli tal-proċedura/proċedimenti.

Il-Kunsill jiltaqa' tal-inqas darba kull tliet xhur biex jiddeċiedi dwar il-pretensjonijiet ta' kumpens. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b'maġġoranza sempliċi ta' dawk preżenti, iridu jagħtu r-raġunijiet għall-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda u huma suġġetti għal appell.

Oħrajn

Bażi ta’ data tal-NGOs - http://www.ngobg.info/bg/search/advanced.html

L-aħħar aġġornament: 17/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.