Izvorna jezična inačica ove stranice slovački nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Drittijiet fundamentali

Slovačka

Sadržaj omogućio
Slovačka

Qrati Nazzjonali

Istituzzjonijiet Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Ombudsperson

Entitajiet speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

Oħrajn

Qrati Nazzjonali

Lista ta' qrati kriminali

Il-qafas legali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-Slovakkja huwa l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka (l-Att Nru 460/1992 huwa emendat). Il-Kostituzzjoni Slovakka hija l-att bażiku tas-Slovakkja u tieħu preċedenza fuq kull att leġiżlattiv ieħor. It-tieni Kapitolu tal-Kostituzzjoni Slovakka (l-Artikoli 11 sa 54) jipprovdi protezzjoni ġenerali tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jiġifieri tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem (magħrufin bħala d-drittijiet ċivili fid-dokumenti internazzjonali), id-drittijiet politiċi, id-drittijiet tal-minoritajiet nazzjonali u l-gruppi etniċi, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, id-dritt tal-protezzjoni tal-wirt ambjentali u kulturali u d-dritt ta' protezzjoni ġudizzjarja u ta' forom oħrajn ta' protezzjoni. Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma garantiti għal kulħadd fis-Slovakkja, irrispettivament mis-sess, ir-razza, il-kulur tal-ġilda, il-fidi jew ir-reliġjon, it-twemmin politiku jew twemmin ieħor, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, is-sħubija fi grupp nazzjonali jew etniku, is-sjieda tal-proprjetà, il-familja jew sitwazzjoni oħra. Ħadd ma jista' jiġi mweġġa', aġevolat, jew żvantaġġat minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet. Id-drittijiet ta' ħadd ma jistgħu jinkisru sempliċiment għax dan ikun iddeċieda li jeżerċita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħu (l-Artikolu 12(2) u (4) tal-Kostituzzjoni Slovakka). Sakemm ma jkunx mogħti biss b'mod espliċitu liċ-ċittadini tar-Repubblika Slovakka, il-barranin li jkunu jinsabu fis-Slovakkja huma intitolati għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem garantiti fil-Kostituzzjoni Slovakka, inkluż id-dritt ta' ażil (l-Artikolu 52(2) u l-Artikolu 53 tal-Kostituzzjoni Slovakka). Il-kundizzjonijiet u limiti tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-kamp tal-applikazzjoni tal-obbligi fi żmien il-gwerra, ostilitajiet, ċirkostanzi eċċezzjonali u ta' emerġenza huma stabbiliti f'att kostituzzjonali dwar is-Sigurtà Statali fi żmien il-gwerra, ostilitajiet, ċirkostanzi eċċezzjonali u ta' emerġenza (l-Att Nru 227/2002).

Skont l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni Slovakka, kull persuna tista', skont il-proċedura stabbilita bil-liġi, tinforza d-drittijiet tagħha f'qorti indipendenti u imparzjali u, f'każijiet li tiddetermina l-liġi, quddiem awtorità differenti tar-Repubblika Slovakka. Fil-prattika jista' jkun hemm firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, jiġifieri drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali li jistgħu jkunu definiti bil-liġi, u drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali li ma jistgħux ikunu definiti bil-liġi. Il-kontenut ta' drittijiet u libertajiet bħal dawn jista' jinkludi drittijiet ċiviċi, politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, u oħrajn garantiti bil-Kostituzzjoni Slovakka, b'atti kostituzzjonali oħrajn, b'atti u b'leġiżlazzjoni oħrajn, u bi trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali (il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem) li s-Slovakkja hija marbuta bihom. Is-setgħa tal-iskrutinju tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ma tistax tiġi eskluża mis-setgħat tal-qrati.

Xi ħadd li jiddikjara li b'deċiżjoni li ħadet awtorità pubblika, inkisru d-drittijiet tiegħu jew tagħha, jista' jitlob qorti biex tiġi riveduta d-deċiżjoni sakemm il-liġi ma tkunx tistipula mod ieħor. Il-Kostituzzjoni Slovakka u liġijiet rilevanti oħrajn jiggarantixxu d-dritt lil kulħadd għal kumpens tad-dannu kkawżat b'deċiżjoni illegali li tkun ittieħdet minn qorti jew korp statali ieħor jew awtorità pubblika jew ikkawżat minn proċedura uffiċjali żbaljata. Id-dettalji ta' dan huma stabbiliti fl-Att Nru 514/2003 dwar ir-responsabbiltà tad-dannu kkawżat fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika u jemendaw ċerti atti oħrajn. Dan l-att jirregola r-responsabbiltà tal-Istat għad-dannu kkawżat minn korpi pubbliċi meta jeżerċitaw awtorità pubblika, ir-responsabbiltà ta' muniċipalitajiet u unitajiet territorjali ogħla għad-dannu kkawżat minn korpi awtoritarji lokali meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, is-seduta preliminari tad-dikjarazzjonijiet tad-dannu u d-dritt ta' kumpens rigressiv.

Skont l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni Slovakka, imsemmi hawn fuq, it-Taqsima 3 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tiggarantixxi d-dritt li f'qorti tiġi infurzata l-protezzjoni ta' dritt li ġie mhedded jew inkiser. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-qorti u mill-parteċipanti fil-proċedimenti tal-qorti ċivili sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ġusta tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-parteċipanti u sabiex ikunu żgurati mġiba skont il-liġi, it-twettiq onest tad-dmirijiet u r-rispett lejn id-drittijiet ta' ħaddieħor. Fil-proċedimenti tal-qorti ċivili, il-qrati jisimgħu u jaqtgħu sentenzi dwar tilwimiet u kawżi legali oħrajn, jinfurzaw l-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx applikati volontarjament, u jiżguraw li ma jkun sar l-ebda ksur tad-drittijiet jew tal-interessi protetti bil-liġi ta' persuni naturali u ġuridiċi, u li dawn id-drittijiet ma jkunux abbużati għad-detriment ta' dawn il-persuni.

F'konformità mat-Taqsima 7(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-proċedimenti tal-qorti ċivili, il-qrati jisimgħu u jaqtgħu sentenzi dwar tilwimiet u kawżi legali oħra li għandhom x'jaqsmu mal-liġi ċivili, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi dwar il-familja, il-liġi kummerċjali, u l-liġi ekonomika, sakemm dawn ma jkunux instemgħu u nqatgħu minn korpi oħrajn skont il-liġi. Fil-proċedimenti tal-qorti ċivili, il-qrati jirrevedu wkoll il-leġalità ta' deċiżjonijiet li ttieħdu minn awtoritajiet pubbliċi u l-legalità ta' deċiżjonijiet, miżuri u interventi oħrajn minn awtoritajiet pubbliċi, u jiddeċiedu b'konsistenza mal-liġi tal-miżuri legali adottata minn awtoritajiet lokali fuq kwistjonijiet tal-awtorità lokali u, għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-awtorità statali, b'konsistenza mar-Regolamenti Governattivi u mal-ordnijiet ministerjali u ordnijiet ta' awtoritajiet statali ċentrali oħrajn, sakemm il-liġi ma tkunx tistipula li dawn il-kwistjonijiet għandhom jinstemgħu u jinqatgħu minn korpi oħrajn. Kawżi oħrajn jinqatgħu u jinstemgħu minn qrati fi proċedimenti tal-qorti ċivili biss meta jkun stipulat fil-liġi.

Qrati ordinarji fis-Slovakkja

Fis-Slovakkja kwistjonijiet ġudizzjarji jidhru quddiem qrati indipendenti u imparzjali. F'kull livell, il-kwistjonijiet ġudizzjarji huma separati minn dawk ta' korpi statali.

Il-proċedimenti quddiem il-qrati huma msejsa fuq il-prinċipju taż-żewġ istanzi, li skontu huwa possibbli li jsir appell kontra sentenzi tal-qrati li ttieħdu fil-prim'istanza (minn qrati distrettwali). L-appelli, li joħolqu rimedju legali xieraq, jinstemgħu minn qrati superjuri fit-tieni istanza (qrati reġjonali)

Is-sistema tal-qrati ordinarji tikkonsisti mill-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka, il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, tmien qrati reġjonali u 45 qorti distrettwali li jaqtgħu sentenzi ta' kawżi li ma jkunux fil-kompetenza esklussiva tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka; jiġifieri jaqtgħu sentenzi ta' kawżi ċivili u kriminali u jirrevedu wkoll il-legalità ta' deċiżjonijiet li ttieħdu u proċeduri li segwew il-korpi statali (ġustizzja amministrattiva), jekk ikun stipulat bil-liġi. Bħalissa s-Slovakkja ma għandhiex qrati militari stabbiliti bil-liġi.

Ġustizzja amministrattiva

Ir-reviżjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet li ttieħdu u l-proċeduri segwiti mill-awtoritajiet pubbliċi hija regolata mid-dispożizzjonijiet tal-ħames parti tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Att Nru 99/1963, kif emendat).

Fil-ġustizzja amministrattiva, il-qrati jistgħu jwettqu reviżjonijiet imsejsa fuq ilmenti jew appelli relatati mal-legalità ta' deċiżjonijiet li ttieħdu jew proċeduri segwiti minn awtoritajiet pubbliċi. Fil-ġustizzja amministrattiva, il-qrati jirrevedu l-legalità ta' deċiżjonijiet u proċeduri minn awtoritajiet pubbliċi, awtoritajiet lokali u awtoritajiet ta' entitajiet lokali interessati u persuni ġuridiċi oħra kif ukoll persuni naturali, sakemm dawn ikunu intitolati bil-liġi biex jieħdu deċiżjonijiet fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' persuni naturali u ġuridiċi fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika ("deċiżjonijiet u proċeduri ta' korpi amministrattivi"). "Deċiżjonijiet ta' awtoritajiet amministrattivi" tfisser deċiżjonijiet meħuda minnhom fi proċedimenti amministrattivi u deċiżjonijiet oħra li jistabbilixxu, ibiddlu jew iħassru d-drittijiet u l-obbligi ta' persuni naturali jew ġuridiċi jew li bihom id-drittijiet, interessi protetti bil-liġi jew l-obbligi ta' persuni naturali jew persuni ġuridiċi jistgħu jkunu direttament affettwati. "Proċedura segwita minn awtorità amministrattiva" tinkludi wkoll inazzjoni. Il-qrati involuti fil-ġustizzja amministrattiva jiddeċiedu dwar proposti biex jimponu obbligi fuq awtoritajiet pubbliċi biex jaġixxu fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' persuni naturali u ġuridiċi fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u fuq miżuri biex jinfurzaw l-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet permezz ta' proċedura stabbilita fit-Taqsimiet 250b u 250u. Il-qrati involuti fil-ġustizzja amministrattiva jieħdu azzjoni biex jipproteġu interventi illegali minn awtoritajiet pubbliċi u fuq l-infurzabbiltà ta' deċiżjonijiet minn korpi amministrattivi barranin. Fi kwistjonijiet elettorali u f'każijiet li għandhom x'jaqsmu r-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi u l-movimenti politiċi, il-qrati jaġixxu u jiddeċiedu skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-parti u sakemm inhu definit minn regoli speċifiċi. Kif inhu xieraq, u skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-parti, il-qrati jaġixxu u jiddeċiedu wkoll meta dan ikun preskritt minn dispożizzjonijiet speċifiċi jew meta r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet issir minn awtoritajiet pubbliċi kif jeżiġu trattati internazzjonali li magħhom hija marbuta s-Slovakkja.

Dawn il-każijiet partikolari jistgħu jinvolvu dan li ġej:

  • azzjonijiet, jew deċiżjonijiet, dwar ilmenti mressqa kontra deċiżjonijiet meħuda jew proċeduri segwiti minn korpi amministrattivi;
  • azzjonijiet, jew deċiżjonijiet, dwar appelli mressqa kontra deċiżjonijiet meħuda minn korpi amministrattivi li għadhom mhumiex finali;
  • azzjonijiet kontra n-nuqqas ta' azzjoni minn awtoritajiet pubbliċi;
  • azzjonijiet meħuda għal protezzjoni kontra interventi illegali minn awtoritajiet pubbliċi;
  • tip speċjali ta' azzjoni (bħal azzjonijiet fi kwistjonijiet elettorali).

Id-dettalji huma rregolati mit-Taqsimiet 244 sa 250zg tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Il-qrati ma għandhomx is-setgħa li jemendaw il-leġiżlazzjoni adottata mis-setgħa eżekuttiva (leġiżlazzjoni sekondarja). Madanakollu, skont l-Artikolu 144(2) tal-Kostituzzjoni Slovakka, jekk il-qorti jidhrilha li kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra, jew parti minnha jew dispożizzjoni individwali tagħha li hija relatata mal-kawża li qed tinstema', tikser il-Kostituzzjoni, att kostituzzjonali, trattat internazzjonali ta' "prijorità" (skont l-Artikolu 7(5) tal-Kostituzzjoni) jew att, din għadha tissospendi l-azzjoni u tniedi azzjoni biex jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (skont l-Artikolu 125(1)). L-opinjoni legali tal-Qorti Kostituzzjonali, kif tinsab fid-deċiżjoni tagħha, tkun torbot lill-qorti. Madanakollu, it-tressiq ta' azzjoni biex jinbdew il-proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ma jeħlisx lill-qorti mid-dmir tagħha li tieħu azzjoni fil-kawża bil-mod kif stabbilit bil-liġi

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka
Hlavná 110
042 65 Košice 1
SLOVAKIA
Tel.: +421 55 7207211
Faks: +421 55 6227639 (il-president)
Email: info@concourt.sk
Websajt: http://www.concourt.sk/

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka ("il-Qorti Kostituzzjonali") ġiet stabbilita bil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka, Nru 460/1992, bħala korp ġuridiku indipendenti sabiex tipproteġi l-kostituzzjonalità. Is-setgħat u l-kompetenza huma rregolati bl-Artikolu 124 sa 140 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka kif emendata. Id-dettalji tal-organizzazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, il-proċedura li trid tkun segwita quddiem il-Qorti u l-istatus tal-imħallfin tagħha huma stabbiliti fl-Att Nru 38/1993, kif emendata.

F'konformità mat-Taqsima 79 tal-Att Nru 38/1993, is-Sessjoni Plenarja tal-Qorti Kostituzzjonali approvat ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Kostituzzjonali, Nru 114/1993, kif emendati, li jirregolaw f'aktar dettall: il-ħidmiet interni tal-Qorti Kostituzzjonali waqt it-tħejjijiet tagħha għall-proċedimenti u t-teħid tad-deċiżjonijiet; kwistjonijiet relatati mal-istatus tas-Sessjoni Plenarja, is-senati, ir-relaturi tal-imħallfin, l-assessuri u persuni oħra li jieħdu sehem fl-attività tal-Qorti Kostituzzjonali; u proċedimenti dixxiplinarji kontra mħallfin.

Il-Qorti Kostituzzjonali tibda proċedimenti jekk tkun jitressaq rikors minn:

a) mill-anqas wieħed minn kull ħames membri tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka;

b) il-President tar-Repubblika Slovakka;

c) il-Gvern tar-Repubblika Slovakka;

d) qorti, f'konnessjoni mal-attività tagħha tat-teħid tad-deċiżjoni;

e) il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Slovakka;

f) id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet (l-Ombudsman) fi kwistjonijiet ta' konformità tal-liġijiet mal-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 125(1), jekk it-tkomplija tal-infurzar tagħhom jista' jipperikola d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem permezz ta' konvenzjonijiet internazzjonali li tkun irratifikat ir-Repubblika Slovakka u li kienu ppromulgati kif tippreskrivi l-liġi;

g) kull persuna li d-drittijiet tagħha huma aġġudikati kif stabbilit fl-Artikolu 127 u fl-Artikolu 127a tal-Kostituzzjoni.

Il-proċedimenti jibdew dakinhar li jitressaq ir-rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

L-Artikolu 127a tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka tirregola l-istituzzjoni tar-"rikors kostituzzjonali", li jista' jitressaq minn individwu jew minn entità ġuridikaġuridika (ir-"rikorrent") li jasserixxi li d-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tiegħu jew tagħha nkisru b'deċiżjoni finali, miżura, jew intervent ieħor, għajr f'każijiet meta qorti oħra tiddeċiedi dwar il-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Apparti d-dettalji ġenerali, ir-rikors għandu jindika:

a) liema drittijiet jew libertajiet fundamentali nkisru, skont ir-rikorrent;

b) id-deċiżjoni finali, miżura jew intervent ieħor li kiser id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali;

c) min hu l-intimat.

Kopja tad-deċiżjoni finali jew tad-dokument li jiddeskrivi l-miżura, jew evidenza ta' xi intervent ieħor tiġi mehmuża mar-rikors. Jekk ir-rikorrent qed jippretendi danni finanzjarji proporzjonati, dan għandu jiddikjara l-ammont mitlub u r-raġunijiet għalfejn qed jippretendihom. Il-parteċipanti fil-proċedimenti huma ir-rikorrent u l-intimat. It-tressiq tar-rikors ma għandux effett ta' sospensjoni.

Fuq suġġeriment tar-rikorrent, il-Qorti Kostituzzjonali tista' tiddeċiedi fuq miżura temporanja u tipposponi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali , miżura jew intervent ieħor ikkontestat, jekk dan il-kors ta' azzjoni mhuwiex f'kunflitt ma' interess pubbliku importanti u jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, miżura jew intervent ieħor ikkontestat ma tkunx iġġib magħha dannu akbar għar-rikorrent milli jkun iġġarrab għall-persuni l-oħra fl-eventwalità ta' posponiment tal-eżekuzzjoni; b'mod partikolari, din tordna lill-korp li skont ir-rikorrent kiser id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tar-rikorrent sabiex jieqaf b'mod temporanju milli jimplimenta d-deċiżjoni, miżura jew intervent ieħor finali, u tordna partijiet terzi sabiex jieqfu b'mod temporanju milli jużaw l-awtorizzazzjoni mogħtija lilhom bid-deċiżjoni, miżura jew intervent ieħor finali. Il-miżura temporanja tiskadi, mhux aktar tard minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni ewlenija, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tkunx iddeċidiet li twaqqafha qabel. Il-miżura temporanja tista' wkoll titwaqqaf b'mozzjoni tal-Qorti stess, jekk ir-raġunijiet li għalihom kienet esposta ma jkunux għadhom jeżistu.

Rikors mhux ammissibbli sakemm ir-rikorrent ma jkunx għamel użu mir-rimedji legali jew minn mezzi legali oħra li tagħtih b'mod effettiv il-liġi għall-protezzjoni tad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tiegħu, u li r-rikorrent huwa intitolat juża f'konformità mal-leġiżlazzjoni speċjali. Il-Qorti Kostituzzjonali ma tirrifjutax li taċċetta rikors anke meta din il-kundizzjoni ma tkunx intlaħqet, kemm-il darba r-rikorrent jipprova li r-raġunijiet li minħabba fihom ma ntlaħqitx jixirqilhom kunsiderazzjoni speċjali. Rikors jista' jitressaq fi żmien perjodu ta' xahrejn mid-data effettiva tad-deċiżjoni jew fid-data tan-notifika tal-miżura jew ta' intervent ieħor. Fil-każ ta' miżura jew intervent ieħor, dan il-perjodu jibda jiddekorri minn dakinhar meta r-rikorrent kien f'pożizzjoni li jsir jaf bil-miżura, jew intervent ieħor.

Jekk ir-rikorrent jirtira r-rikors tiegħu, il-Qorti Kostituzzjonali twaqqaf il-proċedimenti relatati miegħu, ħlief f'każijiet li tiddeċiedi li l-irtirar mhux ammissibbli, u speċjalment meta r-rikors huwa mressaq kontra deċiżjoni finali, miżura jew intervent ieħor li huwa ksur eċċezzjonalment gravi tad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tar-rikorrent.

Il-Qorti Kostituzzjonali tipproċedi abbażi tal-fatti murija matul il-proċedimenti ta' qabel, kemm-il darba ma tkunx iddeċidiet mod ieħor.

Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tippermetti r-rikors, fis-sejbiet tagħha trid tiddikjara: id-dritt jew il-libertà fundamentali, id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni jew tal-liġi kostituzzjonali jew ta' konvenzjoni internazzjonali li nkisret; u d-deċiżjoni finali, miżura jew intervent ieħor li kiser id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali. Jekk id-dritt jew il-libertà fundamentali nkisret b'deċiżjoni jew miżura, il-Qorti Kostituzzjonali tannulla dik id-deċiżjoni jew il-miżura. Il-Qorti Kostituzzjonali tannulla wkoll kull intervent ieħor li kiser dritt jew libertà fundamentali, jekk in-natura ta' intervent bħal dan tippermetti dan.

Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tippermetti r-rikors, din tista':

a) tordna li l-parti li bl-inattività tagħha kisret dritt jew libertà fundamentali, filwaqt li għandha taġixxi f'din il-kwistjoni f'konformità mal-leġiżlazzjoni speċjali;

a) tibgħat lura l-każ għal aktar proċedimenti;

b) tipprojbixxi li jissokta l-ksur tad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali; jew

c) tordna lill-parti li kisret id-dritt jew il-libertà fundamentali sabiex treġġa' lura s-sitwazzjoni kif kienet qabel inkiser id-dritt jew il-libertà fundamentali.

Il-Qorti Kostituzzjonali tista' taqta' li jitħallsu danni finanzjarji raġonevoli lill-parti li jkun inkisrilha dritt jew libertà fundamentali. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li taqta' li jitħallsu danni finanzjarji raġonevoli, il-korp li kiser id-dritt jew il-libertà fundamentali huwa responsabbli li jħallsu lilr-rikorrent fi żmien xahrejn mid-data effettiva tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tannulla deċiżjoni finali, miżura jew intervent ieħor u tibgħat lura l-każ għal aktar proċedimenti, il-parti li ħarġet id-deċiżjoni f'din il-kwistjoni jew li ddeċidiet fuq il-miżura, jew li għamlet xi intervent ieħor, għandha tkun mitluba tiddiskuti l-kwistjoni mill-ġdid u tasal għal deċiżjoni. F'dawn il-proċedimenti jew matul dan il-proċess, il-parti hija marbuta bl-opinjoni legali tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-parti li ħarġet id-deċiżjoni f'din il-kwistjoni, jew li ddeċidiet fuq il-miżura, jew li għamlet xi intervent ieħor hija marbuta bid-deċiżjoni li tiġi eżegwita meta din tingħata.

Istituzzjonijiet Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Iċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem
Kýčerského 5
811 05 Bratislava
SLOVAKIA
Tel.: + 421 2 20850111
+ 421 2 20850114
Faks: + 421 2 20850135
Email: info@snslp.sk
Websajt: http://www.snslp.sk/

Iċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, stabbilit skont l-Att Nru 308/1993 tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka dwar it-twaqqif taċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif emendat, ilu jopera fis-Slovakkja b'effett mill-1 ta' Jannar 1994. L-abbozz tal-liġi tressaq mill-gvern tar-Repubblika Slovakka abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Gvern Slovakk Nru 430 tal-15 ta' Ġunju 1993, li permezz tagħha l-gvern ta kunsens għall-implimentazzjoni ta' "proġett li jistabbilixxi ċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem" ibbażat fi Bratislava, wara inizjattiva min-Nazzjonijiet Uniti. B'adozzjoni tal-Att Nru 136/2003 li jemenda u jissupplimenta l-Att Nru 308/1993 taċ-Ċentru Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka dwar l-istabbiliment taċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Att Nru 365/2004 dwar it-trattament indaqs f'ċerti oqsma, dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-emenda u s-supplimentazzjoni ta' ċerti atti (l-Att Kontra d-Diskriminazzjoni), ħidmet iċ-Ċentru twessgħet. Hija entità ġuridikaġuridika indipendenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tat-tfal.

Iċ-Ċentru bħala entità ġuridikaġuridika indipendenti, jaqdi rwol indispensabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tat-tfal u l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament indaqs. Iċ-Ċentru huwa l-uniku istituzzjoni Slovakka għad-drittijiet ugwali (il-"korp nazzjonali għall-ugwaljanza" maħtur), jiġifieri li tivvaluta l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament indaqs skont l-Att Kontra d-Diskriminazzjoni.

Il-Kompetenza

L-istatus legali u l-kompetenza taċ-Ċentru huma rregolati bl-Att Nru 308/1993 taċ-Ċentru Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka dwar l-istabbiliment taċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem ("iċ-Ċentru"), kif emendat. B'mod partikolari, skont it-Taqsima 1(2) tal-Att, iċ-Ċentru:

  • jissorvelja u jivvaluta l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-prinċipju tat-trattament indaqs skont il-leġiżlazzjoni speċjali;
  • jiġbor u, fuq talba, jagħti informazzjoni dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu fir-Repubblika Slovakka;
  • iwettaq investigazzjonijiet u stħarriġiet dwar id-dispożizzjoni tal-informazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u jiġbor u jxerred informazzjoni f'dan il-qasam;
  • iħejji attivitajiet edukattivi u jieħu sehem f'kampanji ta' informazzjoni sabiex tiżdied it-tolleranza fis-soċjetà;
  • jagħti assistenza legali lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u manifestazzjonijiet ta' intolleranza;
  • fuq talba tal-individwi jew l-entitajiet ġuridiċiġuridiċi, jew fuq inizjattiva tiegħu, joħroġ opinjonijiet tal-esperti dwar kwistjonijiet tal-osservanza tal-prinċipju tat-trattament indaqs f'konformità mal-leġiżlazzjoni speċjali;
  • iwettaq stħarriġiet indipendenti dwar id-diskriminazzjoni;
  • iħejji u jippubblika rapporti u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni;
  • jipprovdi servizzi ta' librerija;
  • jipprovdi servizzi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

Iċ-Ċentru huwa involut fid-dispożizzjoni tal-avviż legali dwar kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni, manifestazzjonijiet ta' intolleranza, u ksur tal-prinċipju tat-trattament indaqs għar-residenti kollha fir-Repubblika Slovakka; dan għandu s-setgħa legali, fuq talba, li jirrappreżenta partijiet fi proċedimenti relatati mal-ksur tal-prinċipju tat-trattament indaqs. Kull sena, iċ-Ċentru jippubblika rapport dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Slovakka.

Is-setgħat

  • jagħti assistenza legali lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u intolleranza;
  • abbażi ta' prokura, jirrappreżenta fi proċedimenti relatati mal-ksur tal-prinċipju tat-trattament indaqs;
  • għandu dritt jitlob li l-qrati jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew awtoritajiet statali oħra, awtoritajiet tal-gvern lokali, korpi b'interess speċjali jew istituzzjonijiet oħra jipprovdu liċ-Ċentru b'informazzjoni dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, fi żmien stabbilit.

L-assistenza mogħtija

Kull individwu jew entità ġuridikaġuridika li jidhrilha li kienet diskriminata kontra l-azzjoni jew l-inazzjoni ta' xi waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq, tista' tirrikorri fiċ-Ċentru. Meta jressaq ilment, l-ilmentatur għandu jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa u jippreżenta d-dokumenti kollha rilevanti.

Il-Kooperazzjoni

Iċ-Ċentru jista' jitlob informazzjoni wkoll dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tat-tfal u jista' jilħaq ftehim magħhom dwar il-metodu u safejn għandha tkun disponibbli din l-informazzjoni.

Il-proċedura biex jitressaq ilment

Iċ-ċittadini jistgħu jressqu lmenti:

  • bil-miktub (fuq formula u bid-dokument mibgħut bil-posta, bil-faks, jew bl-email);
  • personalment.

Ombudsperson

L-Ombudsman
Nevädzova 5
821 01 Bratislava
SLOVAKIA
Tel.: +421 2 48287401
+421 2 43634906
Faks: +421 2 48287203
Email: sekretariat@vop.gov.sk
Websajt: http://www.vop.gov.sk/

Skont l-Artikolu 151a(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka, "id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet huwa korp indipendenti tar-Repubblika Slovakka li, fil-kamp ta' applikazzjoni u kif stabbilit bil-liġi, jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' individwi u entitajiet ġuridiċiġuridiċi fi proċedimenti quddiem korpi tal-amministrazzjoni pubblika u awtoritajiet pubbliċi oħrajn, jekk l-azzjoni, it-teħid ta' deċiżjoni jew l-inazzjoni tagħhom tkun f'kunflitt mal-liġi. F'każijiet stabbiliti bil-liġi, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jista' jkollu rwol li jżomm responsabbli lil kwalunkwe persuna li taħdem fil-korpi tal-amministrazzjoni pubblika, jekk it-tali persuni jkunu kisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem jew il-libertajiet ta' individwi jew entitajiet ġuridiċi. L-awtoritajiet pubbliċi kollha għandhom jagħtu l-assistenza meħtieġa lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet."

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jista' jiġi kkuntattjat minn kull persuna li jidhrilha li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħha nkisru minħabba l-azzjoni, it-teħid ta' deċiżjoni jew l-inazzjoni ta' awtorità pubblika, b'mod li huwa kontra l-liġi jew il-prinċipji ta' stat demokratiku rregolat bil-liġi. Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li d-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet għandu rwol jiddefendihom huma stabbiliti fit-Titolu 2 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka (jiġifieri d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem fl-Artikoli 14 sa 25, id-drittijiet politiċi fl-Artikoli 26 sa 32, id-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali u gruppi etniċi fl-Artikoli 33 sa 34, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fl-Artikoli 35 sa 43, id-dritt tal-protezzjoni tal-wirt ambjentali u kulturali fl-Artikoli 44 sa 45, id-dritt ta' protezzjoni ġudizzjarja u ta' protezzjoni legali oħra fl-Artikoli 46 sa 50, id-dritt ta' ażil ta' ċittadini barranin ippersegwitati għall-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi), kif ukoll f'konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jaġixxi abbażi ta' lment minn individwu jew entità ġuridika jew fuq inizjattiva tiegħu stess. Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ma jistax jinterferixxi fl-attivitajiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-qrati, mhuwiex parteċipanti fil-proċedimenti u ma jistax jippreżenta applikazzjoni biex jistitwixxi proċedimenti quddiem qorti; id-deċiżjonijiet tal-qorti ma jintbagħtux għandu, u dan ma għandux dritt jeżerċita rimedji legali. Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ma għandux l-awtorità li jsolvi tilwimiet bejn individwi.

Kull persuna għandha d-dritt li tirrikori għand id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet:

  • bil-miktub (bil-posta, bil-faks, bl-email, jew bil-formula elettronika)

lill-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet

  • personalment jew bi prova bil-miktub ta' lment orali
  • fl-Uffiċċju ċentrali tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet matul jum tax-xogħol bejn it-8 a.m. u l-4 p.m., mingħajr il-ħtieġa ta' appuntament;
  • matul jiem tax-xogħol fir-reġjuni tas-Slovakkja. Għall-uffiċċji reġjonali, għandu jsir appuntament minn qabel permezz ta' wieħed min-numri ta' kuntatt.

L-ilment għandu jindika b'mod ċar il-kwistjoni, l-awtorità pubblika li qed issir l-allegazzjoni kontriha, u x'qed jiddikjara dak li qed iressaq l-ilment.

Sabiex titħaffef l-investigazzjoni tal-ilment, huwa rrakkomandat li l-kopji tad-dokumenti kollha disponibbli għal min ressaq l-ilment għandhom ikunu mehmuża wkoll bħala prova tal-ilmenti tiegħu Jekk l-ilment ma jikkonċernax lil min ressqu, għandha jiġi ppreżentat il-kunsens bil-miktub tal-parti affettwata sabiex ikun jista' jitressaq l-ilment, jew prokura bil-miktub għal dan il-għan.

Jekk min qed iressaq l-ilment ma jagħtix ismu, kunjomu u l-indirizz tiegħu (fil-każ ta' entità ġuridika, isimha u l-indirizz tal-uffiċċju tagħha) fl-ilment indirizzat lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet, dan ikun ilment anonimu li d-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet mhux obbligat jikkonsidra. Min qed iressaq l-ilment jista' jitlob lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet sabiex dan ma jiżvelax l-identità tiegħu. F'dawn il-każijiet, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jipproċedi biss skont kopja tal-ilment li fiha ma jingħatawx id-dettalji personali. Jekk min qed iressaq l-ilment talab li tinsatar l-identità tiegħu, iżda n-natura tal-ilment hija tali li ma jkunx jista' jiġi indirizzat mingħajr xi dettalji personali inklużi, il-persuna kkonċernata għandha tiġi mgħarrfa b'dan mingħajr dewmien.

Il-persuna kkonċernata għandha wkoll tiġi mwissija li l-ipproċessar tal-ilment jissokta biss jekk din tagħti kunsens bil-miktub, fi żmien stipulat, sabiex tiġi inkluża informazzjoni personali li hija meħtieġa.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jeżamina l-ilment.

Jekk id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet isib li l-ilment, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, huwa rimedju legali skont il-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura fi kwistjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew petizzjoni jew rimedju legali skont ġudikatura amministrattiva, jew rikors kostituzzjonali, dan jgħarraf b'dan minnufih lilmin ressaq l-ilment u jagħti istruzzjonijiet dwar il-proċedura korretta.

Jekk id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jagħraf ċirkostanzi li qed jissuġġerixxu li persuna qed tkun miżmuma kontra l-liġi f'post ta' detenzjoni, priġunerija, kastig dixxiplinarju għas-suldati, trattament preventiv, edukazzjoni preventiva, trattament istituzzjonali jew edukazzjoni istituzzjonali, jew f'ċella tal-pulizija, dan għandu jgħarraf b'dan minnufih lill-Prosekutur Pubbliku rilevanti bħala lment li qed isejjaħ għal azzjoni f'konformità mal-leġiżlazzjoni speċjali, u għandu jgħarraf lill-amministrazzjoni tal-post inkwistjoni, u lill-persuna kkonċernata.

Jekk l-ilment għandu x'jaqsam ma' investigazzjoni ta' deċiżjoni finali ta' awtorità pubblika, jew jekk id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jasal għall-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-awtorità pubblika tmur kontra l-liġi jew kontra xi regolament ġuridiku ieħor li ġeneralment jorbot, dan jista' jirreferi l-kwistjoni lill-ProsekuturPubbliku rilevanti għal azzjoni, jew jista' jieħu xi miżura oħra, filwaqt li jgħarraf b'dan lil min ressaq l-ilment. Huwa jista' jagħmel l-istess fil-każ ta' lment li jkun fih proposti għal miżuri li jaqgħu taħt l-awtorità tal-Uffiċċju tal-Prekursur Pubbliku. Il-Prekursur Pubbliku jeħtieġlu jgħarraf, fiż-żmien preskritt bil-liġi, lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet bil-miżura li ħa sabiex ineħħi l-illegalità.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet iwarrab l-ilment, jekk

a) il-kwistjoni li jirreferi għaliha l-ilment ma taqax taħt l-awtorità tiegħu;

b) il-kwistjoni li jirreferi għaliha l-ilment qed tinstema' quddiem qorti u l-proċedimenti ma jistgħu jkunu aġġornati, jew il-qorti diġà tat id-deċiżjoni tagħha dwar din il-kwistjoni;

c) il-kwistjoni li jirreferi għaliha l-ilment tkun qed tiġi eżaminata jew tkun diġà ġiet eżaminata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;

d) fil-kwistjoni li jirreferi għaliha l-ilment, qed tittieħed azzjoni jew qed tintlaħaq deċiżjoni dwarha minn awtorità pubblika kompetenti, li ma taqax taħt il-kompetenza tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet; jew, il-kwistjoni li jirreferi għaliha l-ilment, diġà ngħatat deċiżjoni dwarha minn awtorità pubblika li ma taqax taħt il-kompetenza tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet;

e) min ressaq l-ilment jirtira l-ilment tiegħu jew juri li mhux jinsisti għal aktar investigazzjoni; jew

id-dettalji msemmija fit-Taqsima 13(4) ma jkunux ingħataw jew ġew speċifikati fiż-żmien preskritt.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jista' jwarrab l-ilment, jekk isib li:

a) l-ilment ma jkollux x'jaqsam mal-persuna li ressqitu, sakemm min ressqu ma jkunx ressaq il-kunsens bil-miktub tal-parti affettwata sabiex ikun jista' jressaq l-ilment, jew prokura bil-miktub għal dan il-għan.

b) fid-data meta jitwassal l-ilment, ikunu għaddew aktar minn tliet snin mill-miżura jew mill-każ li qed jirreferi għalihom l-ilment;

c) it-talba tidher li hija bla bażi;

d) l-ilment huwa anonimu;

e) ikun ilment li jirreferi għal kwistjoni li d-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ikun diġà kkonsidra, u l-ilment ripetut ma fih ebda fatti ġodda.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jgħarraf lil min ressaq l-ilment li l-ilment twarrab u r-raġunijiet għalfejn sar dan; iżda dan ma japplikax għal ilmenti anonimi.

Jekk l-investigazzjoni tal-ilment ma tipprovax li nkisru drittijiet jew libertajiet fundamentali, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jirrapporta dan bil-miktub lil min ressaq l-ilment u lill-awtorità pubblika li l-ilment tressaq kontra l-proċedura, it-teħid ta' deċiżjoni jew l-inattività tagħha.

Jekk l-investigazzjoni tal-ilment tipprova li nkisru drittijiet jew libertajiet fundamentali, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet jirrapporta s-sejbiet tal-investigazzjoni, kif ukoll il-miżura proposta lill-awtorità pubblika li tressaq l-ilment kontra l-proċedura, it-teħid ta' deċiżjoni jew l-inattività tagħha.

L-awtorità pubblika hija mitluba, fi żmien 20 jum minn meta tirċievi l-azzjoni, li tavża lid-Difensur Pubbliku bl-opinjoni tiegħu dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni u bil-miżura li ttieħdet.

Jekk id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ma jaqbilx mal-opinjoni tal-awtorità pubblika, jew jekk jidhirlu li l-miżura mhix adegwata, huwa għandu jgħarraf b'dan lill-korp b'awtorità fuq l-awtorità pubblika li l-ilment tressaq kontriha jew, jekk ma hemmx dan il-korp, lill-gvern tar-Repubblika Slovakka.

Il-korp b'awtorità fuq l-awtorità pubblika li tressaq l-ilment kontriha jew, jekk ma hemmx dan il-korp, il-gvern tar-Repubblika Slovakka jeħtieġ skont il-paragrafu 3 li jgħarraf lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet, fi żmien 20 jum minn meta jirċievi n-notifika, bil-miżuri li ħa f'din il-kwistjoni.

Jekk id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet iqis li l-miżuri li ttieħdu mhumiex adegwati, huwa għandu jgħarraf b'dan lill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jew lil korp awtorizzat minnu.

Notifika bil-miktub dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni u l-miżuri li ttieħdu tintbagħat mid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet lil min ressaq l-ilment u lill-persuna li nkisru d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħha bl-azzjoni, it-teħid ta' deċiżjoni jew l-inattività tal-awtoritajiet pubbliċi.

Entitajiet speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

Entità dwar l-Ugwaljanza

Iċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem
Kýčerského 5
811 05 Bratislava
SLOVAKIA
Tel.: + 421 2 20850111
+ 421 2 20850114
Faks: + 421 2 20850135
Email: info@snslp.sk
Websajt: http://www.snslp.sk/

Entità dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

L-Uffiċċju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali tar-Repubblika Slovakka ("l-Uffiċċju"), bħala korp statali, jaqdi rwol biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' individwi matul l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Dan iwettaq ħidmietu u dmirijietu b'mod indipendenti u skont il-liġi. Primarjament, ħidmietu huma dawn li ġejjin:

  • jisservelja kontinwament il-qagħda tal-protezzjoni tad-dejta personali, ir-reġistrazzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u jżomm reġistri dwar is-sistemi ta' informazzjoni;
  • jirrakkomanda miżuri lill-operaturi sabiex tkun protetta d-dejta personali fis-sistemi ta' informazzjoni; għal dan il-għan u safejn jippermettulu setgħatu, joħroġ rakkomandazzjonijiet għall-operaturi;
  • joħroġ opinjonijiet li jorbtu fil-każ ta' dubju dwar jekk il-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut u l-metodi tal-ipproċessar u l-użu ta' dejta personali humiex proporzjonati mal-għan li qed jiġu pproċessati għalih, humiex kompatibbli ma' dan il-għan jew humiex rilevanti b'mod kronoloġiku jew materjali għal dan il-għan;
  • joħroġ opinjonijiet li jorbtu fil-każ ta' dubji dwar il-flussi transkonfinali ta' dejta personali;
  • joħroġ opinjonijiet li jorbtu fil-każ ta' dubji dwar ir-reġistrazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni;
  • jinvestiga notifiki mressqa skont it-Taqsima 45, jew atti meta mitluba jew fuq inizjattiva tiegħu stess skont it-Taqsima 44a, u jordna miżuri ta' rimedju sabiex jissolvew in-nuqqasijiet;
  • malli jissuspetta ksur tal-obbligi imposti minn dan l-Att, jista' jsejjaħ operatur jew proċessur sabiex jitlob spjegazzjoni;
  • jiċċekkja l-ipproċessar ta' dejta personali f'sistemi ta' informazzjoni;
  • jimponi pieni meta jinstab ksur tal-obbligi stabbiliti f'dan l-Att;
  • iressaq notifika lill-aworitajiet kriminali meta jissuspetta li jkun twettaq att kriminali;
  • jirreġistra sistemi ta' informazzjoni u jiżvela l-istatus tar-reġistrazzjoni;
  • jieħu sehem fl-abbozzar ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali;
  • joħroġ leġiżlazzjoni safejn jippermettulu setgħatu;
  • jieħu pożizzjonijiet dwar abbozzi ta' liġijiet u abbozzi oħrajn ta' leġiżlazzjoni li tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali;
  • iressaq rapporti lill-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka mill-anqas kull sentejn dwar il-qagħda tal-protezzjoni tad-dejta personali.

Oħrajn

Iċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali

Námestie slobody 12
P.O. BOX 18
810 05 Bratislava 15
Tel: +421 2 49683521
+421 2 49683522
Faks: +421 2 49683520
Email: info@legalaid.sk
Websajt: www.legalaid.sk

Sa mill-1 ta' Jannar 2006, iċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali kien qed jopera fir-Repubblika Slovakka. Huwa ġie stabbilit bħala organizzazzjoni b'baġit statali bil-kwartieri ġenerali tiegħu fi Bratislava f'konformità mal-Att Nru 327/2005 dwar id-dispożizzjoni tal-għajnuna legali lil persuni bi bżonn materjali. Iċ-Ċentru għandu uffiċċju jew fergħat fi kważi kull belt reġjonali tar-Repubblika Slovakka, bl-eċċeżżjoni ta' Nitra u Trnava (jiġifieri fi Bratislava, Banská Bystrica, Žilina, Košice u Prešov), u f'muniċipalitajiet Slovakki oħrajn (Liptovský Mikuláš, Tvrdošín, Humenné, Hlohovec, Rimavská Sobota, Nové Zámky u Svidník).

Iċ-Ċentru jiżgura li l-għajnuna legali tingħata lil individwi li, minħabba li għandhom bżonn materjali, ma jistgħux jużaw servizzi legali għad-dikjarazzjoni u l-protezzjoni kif xieraq tad-drittijiet tagħhom. Iċ-Ċentru jiżgura li l-għajnuna legali tingħata fi kwistjonijiet ċivili, dwar ix-xogħol u tal-liġi tal-familja għal kull individwu li jilħaq ir-rekwiżiti legali (tilwim fis-Slovakkja). F'tilwim transkonfinali, dan jagħti għajnuna legali fi kwistjonijiet ċivili, dwar ix-xogħol u tal-liġi tal-familja u fi kwistjonijiet tal-liġi kummerċjali, skont din il-liġi, għal kull individwu li jilħaq ir-rekwiżiti legali li għandu l-post ta' residenza tiegħu jew il-post tas-soltu ta' residenza tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE.

Għal applikanti għall-għajnuna legali f'każijiet li fihom element ta' diskriminazzjoni, iċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali ("iċ-Ċentru") jaqdi rwol li jirkeb fuq ir-rwol taċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, li permezz tiegħu dan jikkomunika fuq kwistjonijiet relatati ma' applikanti bħal dawn. L-avukati taċ-Ċentru jiltaqgħu mal-kwistjoni ta' diskriminazzjoni primarjament fil-kuntest ta' diskriminazzjoni dwar l-impjiegi għar-raġunijiet ta' etniċità.

Individwu huwa intitolat jirċievi għajnuna legali jekk għandu bżonn materjali u jekk it-tilwim ma jidhirx li huwa inutli u l-valur tat-talba jaqbeż il-valur tal-paga minima, ħlief f'tilwimiet li fihom il-valur tat-talba ma jistax jiġi stmat fi flus. L-individwu jrid jilħaq ir-rekwiżiti għal għajnuna legali li jissemmew hawn fuq matul il-perjodu tal-għajnuna legali. Jekk id-dħul tal-applikant jaqbeż il-limitu preskritt bil-liġi għal bżonn materjali, iċ-Ċentru jista' jagħti għajnuna legali jekk din tkun xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-għajnuna legali mitluba.

Il-proċedura biex tintalab għajnuna legali ("il-proċedimenti") tibda meta titressaq applikazzjoni bil-miktub flimkien mad-dokumenti li juru l-fatti msemmija fl-applikazzjoni, li l-applikant iressaq fuq formula stampata. Id-dokumenti li juru li l-applikant jinsab f'qagħda ta' bżonn materjali ma jridux ikunu antiki aktar minn tliet xhur. L-applikazzjoni jrid ikun fiha l-isem u l-kunjom tal-applikant, il-post ta' residenza permanenti jew temporanju tiegħu u n-numru tar-reġistrazzjoni tat-twelid. Meta jintalab miċ-Ċentru, l-applikant fi żmien raġonevoli stabbilit miċ-Ċentru, irid jagħti aktar informazzjoni u dokumenti li jikkonċernaw fatti kruċjali għall-valutazzjoni tat-talba; iż-żmien allokat għal dan ma jridx ikun anqas minn għaxart ijiem. L-applikant huwa parti għall-proċedimenti. L-applikazzjoni titressaq lill-uffiċċju xieraq taċ-Ċentru, skont il-post ta' residenza permanenti jew temporanju tal-applikant. L-applikant jeħtieġlu jagħti informazzjoni sħiħa u korretta fl-applikazzjoni u fil-konsultazzjoni preliminari Fi żmien 30 jum minn meta titwassal l-applikazzjoni li jkun fiha d-dettalji mitluba bil-liġi, iċ-Ċentru jasal għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni; dan iż-żmien ma jistax ikun estiż. Ma jintlaqgħux appelli kontra d-deċiżjoni. F'deċiżjoni li tippermetti talba għall-għajnuna legali, iċ-Ċentru jaħtar avukat biex jirrappreżenta fil-qorti lill-persuna intitolata, jekk dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi tagħha. Deċiżjoni li ma tippermettix talba għall-għajnuna legali trid tkun tinkludi, minbarra d-dettalji meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċjali, spjegazzjoni li jekk ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għalfejn it-talba ma tħallietx issir, l-applikant jista' jressaq mill-ġdid applikazzjoni dwar l-istess kwistjoni. Jekk, minħabba n-nuqqas ta' għoti ta' assistenza mill-persuna intitolata, id-dispożizzjoni tal-għajnuna legali ġiet miċħuda lill-persuna intitolata b'deċiżjoni taċ-Ċentru, jew jekk il-persuna intitolata waqqfet il-proċedimenti mingħand ġustifikazzjoni, iċ-Ċentru jista' għal dawn ir-raġunijiet, b'deċiżjoni tiegħu, ma jaċċettax li terġa' ssir it-talba biex tingħata għajnuna legali.

It-Taqsimiet 17 sa 21 tal-Att Nru 327/2005 jirregolaw l-għoti ta' għajnuna legali f'tilwimiet transkonfinali fejn il-qorti ġudizzjarja kompetenti hija qorti fir-Repubblika Slovakka, u t-Taqsimiet 22 sa 24c tal-Att Nru 327/2005 jirregolaw l-għoti ta' għajnuna legali f'tilwimiet transkonfinali fejn il-qorti ġudizzarja kompetenti hija qorti fi Stat Membru ieħor ħlief ir-Repubblika Slovakka.

Iċ-Ċentru Għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ
Špitálska 8
P.O. Box 57
814 99 Bratislava
Tel.: + 421 2 20463208
+421 2 20463248
Faks: + 421 2 20463258
Email: cipc@cipc.gov.sk
Websajt: http://www.cipc.sk/

Iċ-Ċentru Għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ ("iċ-Ċentru") huwa awtorità pubblika b'kompetenza fit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Iċ-Ċentru ġie stabbilit mill-Ministeru tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja tar-Repubblika Slovakka b'effett mill-1 ta' Frar 1993 bħala l-organizzazzjoni li tmexxi direttament il-baġit biex tkun żgurata u tingħata għajnuna legali għat-tfal u ż-żgħażagħ fir-rigward tal-pajjiżi barranin.

Il-kompetenza taċ-Ċentru hija definita mill-Att Nru 305/2005 dwar il-protezzjoni soċjali tat-tfal u dwar it-tutela soċjali, li jemenda u jissupplimenta ċerti atti. Iċ-Ċentru jwettaq il-ħidmiet ta' korp appuntat sabiex jimplimenta l-ftehimiet internazzjonali u l-atti legali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri:

  • jaġixxi bħala korp li jirċievi u jibgħat fil-qasam tat-talbiet għal manteniment f'konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali;
  • jaġixxi bħala korp ċentrali kkonċernat mal-ħtif internazzjonali tat-tfal f'konformità ma' konvenzjonijiet internazzjonali u atti legali tal-Unjoni Ewropea;
  • jaqdi rwol ta' korp ċentrali fil-qasam tal-ħtif internazzjonali tat-tfal f'konformità mal-konvenzjoni internazzjonali;
  • joħroġ ċertifikati f'konformità mal-konvenzjoni internazzjonali;
  • iwettaq ħidmiet oħra fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tat-tfal fejn huwa involut pajjiż barrani, f'konformità mal-leġiżlazzjoni speċjali;
  • jagħti pariri legali bla ħlas fil-qasam tal-liġi tal-familja fejn ikun hemm aspett barrani, speċjalment fejn jidħlu l-manteniment u l-kura għall-minuri, u fil-qasam tal-adozzjoni;
  • jaħdem mal-korpi li jibagħtu u jirċievu ta' stati kontraenti oħrajn, mal-awtoritajiet ċentrali ta' stati kontraenti oħrajn u ma' uffiċċji rappreżentattivi, aġenziji ċentrali tal-amministrazzjoni statali, banek, fergħat ta' banek barranin, korpi tal-gvern lokali, korpi għall-awtonomija territorjali, u korpi akkreditati.
L-aħħar aġġornament: 18/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Povratne informacije

Koristite se obrascem u nastavku kako biste podijelili svoje komentare i povratne informacije o našoj novoj internetskoj stranici