Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Švedska

Vsebino zagotavlja
Švedska

Kif nirrapporta reat?

Tista’ tirrapporta reat lill-pulizija billi ċċempel fuq in-numru 114 14 (+46 77 114 14 00 minn barra l-Iżvezja) jew billi tmur f’għassa tal-pulizija. Tista’ tirrapporta wkoll reat permezz tal-internet fil-każ ta’ serq bi żgass, frodi b’kard tal-ħlas, serq jew telf (iżda mhux tal-passaport jew tal-karta tal-identità nazzjonali tiegħek). Jekk għandek identità protetta, ma għandekx tirrapporta reat permezz tal-internet. F’emerġenza, jew waqt li jkun qed iseħħ reat, ċempel l-SOS Alarm fuq in-numru 112. Link għal rapport elettroniku

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Meta tkun għamilt rapport tal-pulizija, il-każ tiegħek jiġi assenjat numru u tingħata wkoll id-dettalji ta’ kuntatt li teħtieġ sabiex tikseb informazzjoni dwar il-każ tiegħek. Inkella, tista’ tistaqsi lill-pulizija dwar x’qed jiġri fil-każ tiegħek billi tikkuntattjahom bit-telefon, permezz tal-posta elettronika lill-għassa tal-pulizija lokali tiegħek jew billi żżur l-eqreb għassa tal-pulizija għalik. Jekk tkun trid tkellem lill-uffiċjal tal-pulizija responsabbli mill-każ tiegħek, tista’ tuża n-numru tat-telefon nazzjonali għall-pulizija, 114 14. L-iswiċċbord tikkonnettjak mal-uffiċjal responsabbli mill-każ tiegħek.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Għal xi tipi ta’ reati, il-vittmi huma intitolati għar-rappreżentanza legali tagħhom stess, magħrufa bħala “konsulent legali għall-parti li tkun ġarrbet id-dannu" (målsägandebiträde). Dan japplika b’mod partikolari għar-reati sesswali u l-vjolenza domestika, iżda wkoll għal reati oħrajn fejn ikun hemm ħtieġa speċjali. Jista’ jinħatar rappreżentant hekk kif tinbeda l-investigazzjoni (preliminari) u l-għajnuna tingħata lilek mingħajr ħlas. Jekk tħoss li għandek bżonn rappreżentant legali, għandek tiddiskuti dan mill-aktar fis possibbli mal-prosekutur pubbliku (åklagare) jew mal-uffiċjal tal-pulizija responsabbli mill-investigazzjoni preliminari. Tista’ wkoll tissottometti t-talba tiegħek direttament lill-qorti distrettwali (tingsrätt). Il-qorti distrettwali tiddetermina jekk intix intitolat għal rappreżentanza u taħtar il-konsulent legali. Inti tista’ tissuġġerixxi lil min tixtieq li jkollok. Il-konsulent legali, li ġeneralment ikun avukat, għandu r-responsabbiltà li jissalvagwardja l-interessi tiegħek u jipprovdi appoġġ u assistenza matul l-investigazzjoni preliminari u l-proċess. Il-konsulent legali huwa marbut bis-segretezza u jista’ jgħinek tiddefendi l-kawża tiegħek u tippreżenta talba għad-danni. Dan il-kompitu jiġi fi tmiemu wara l-proċedimenti tal-qorti u l-għajnuna sabiex jiġu rkuprati d-danni jew jinkiseb kumpens ieħor mhijiex parti mir-rwol tal-"konsulent legali għall-parti li ġarrbet dannu".

Jekk tutur (ġeneralment ġenitur) ikun suspettat li kkommetta reat fil-konfront ta’ ibnu jew bintu, dawn tal-aħħar jistgħu jiġu assenjati rappreżentant speċjali. L-istess jgħodd meta l-persuna suspettata bir-reat tkun relatata mill-qrib mat-tutur. Ir-rappreżentant jissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal matul l-investigazzjoni preliminari u l-proċess. Avukat, assistent konsulent legali f’ditta legali jew persuna oħra jistgħu jinħatru bħala rappreżentant speċjali. Hemm ukoll rekwiżiti għal għarfien u esperjenza u kwalitajiet personali li jagħmlu lil din il-persuna addattata b’mod speċjali għall-kompitu.

Il-protezzjoni legali hija inkluża fil-poloz tal-assigurazzjoni tad-djar. Dan ifisser, pereżempju, li l-assigurazzjoni tista’ tirrimborża l-ispejjeż legali tiegħek jekk it-talba tiegħek għad-danni ma tiġix ittrattata fil-proċedimenti kriminali. L-assigurazzjoni ġeneralment tinkludi dispożizzjoni li tgħid li inti trid tħallas parti mill-ispejjeż (l-eċċess). Irreferi għall-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek għal aktar informazzjoni.

Tista’ tikseb pariri legali skont l-Att Żvediż dwar l-Għajnuna Legali (Rättshjälpslagen) f’kull tip ta’ kawża. Il-pariri jistgħu jirrigwardjaw, pereżempju, talba għad-danni fejn il-prosekutur pubbliku ma jgħinekx jew in-negozjati mal-kumpanija tal-assigurazzjoni. Inti tista’ tikkuntattja ditta legali li tipprovdi pariri legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali. Tista’ tikkonsulta avukat sa massimu ta’ sagħtejn għal miżata fissa. Il-miżata hija ta’ madwar SEK 1 600 fis-siegħa. Skont il-pożizzjoni finanzjarja tiegħek, il-miżata tista’ tkun aktar baxxa.

Jekk ma jkollok ebda assigurazzjoni ta’ protezzjoni legali u l-każ tiegħek ma jkunx jista’ jissolva permezz tal-parir legali mogħti, inti tista’ tikseb għajnuna legali soġġetta għal valutazzjoni tal-ħtiġijiet tiegħek. Imbagħad, l-Istat iħallas parti mill-ispiża tar-rappreżentanza legali tiegħek. Tista’ wkoll tikseb għajnuna bl-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tal-preżentazzjoni tal-evidenza, kif ukoll bi spejjeż oħrajn. Avukat, il-qorti jew l-Awtorità Nazzjonali tal-Għajnuna Legali (Rättshjälpsmyndighet) jistgħu jagħtuk parir dwar kif tapplika għal għajnuna legali.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk tiġi mħarrek mill-pulizija jew mill-prosekutur pubbliku, inti tkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tiegħek sabiex tmur għall-interrogazzjoni. Dawn jistgħu jkunu spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, kumpens għad-dħul mitluf jew telf finanzjarju ieħor. Madankollu, il-kumpens għad-dħul mitluf huwa limitat għal ammont speċifiku. Ikkuntattja lill-pulizija sabiex titlob dan it-tip ta’ rimborż.

Jekk tiġi mħarrek mill-pulizija jew mill-prosekutur pubbliku, inti tkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tiegħek sabiex tmur għall-interrogazzjoni. Xi drabi, il-president tal-qorti jistaqsi jekk għandekx xi talba għal kumpens meta titlesta l-interrogazzjoni tiegħek. Madankollu, ġeneralment, il-kwistjoni tal-ħlas tiġi ttrattata fiż-żona tal-akkoljenza tal-qorti wara l-proċess. Imbagħad, inti tkun tista’ titlob rimborż, kif ukoll issir taf kemm ser tingħata. Il-ħlas isir direttament fiż-żona tal-akkoljenza. L-ispejjeż għoljin jistgħu jkunu soġġetti għal differiment; ikkuntattja lill-qorti għal aktar informazzjoni.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel immur il-qorti?

Jekk il-każ tiegħek ingħalaq u int ma tkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni, tista’ titlob sabiex il-każ jiġi eżaminat mill-prosekutur pubbliku. Ikkuntattja lill-pulizija, li min-naħa tagħhom jgħaddu l-kwistjoni lill-prosekutur fuq talba tiegħek. Jekk ma tkunx kuntent(a) b’deċiżjoni meħuda mill-prosekutur pubbliku, tista’ tapplika mal-eqreb prosekutur aktar anzjan għal proċess mill-ġdid (överprövning).

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Iva, ġeneralment ikun meħtieġ li tkun involut fil-proċess, minħabba li x-xhieda tiegħek hija importanti għall-qorti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-każ.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jiena meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Skont il-liġi Svediża, inti definit(a) bħala parti danneġġata (målsägande) matul l-investigazzjoni preliminari u l-proċess. Inti ma tistax tkun parti fil-kawża qabel ma l-prosekutur pubbliku jkun beda l-proċedimenti. Tista’ tkun parti fil-kawża:

  • meta prosekutur ikun beda l-proċedimenti;
  • jekk ikollok talba għad-danni, u / jew
  • jekk tassisti fil-prosekuzzjoni.

Tista’ tassisti fil-prosekuzzjoni fi kwalunkwe ħin matul il-proċess; imbagħad, inti jkollok kważi l-istess pożizzjoni proċedurali bħall-prosekutur u tkun tista’, pereżempju, tippreżenta x-xhieda tiegħek lill-qorti. Iżda ma għandek bżonn tipprova xejn dwar ir-reat.

Tista’ tressaq akkużi individwali fuq inizjattiva tiegħek stess jew inkella tqajjem akkuża speċifika jekk il-prosekutur ikun waqqa’ jew irtira akkuża ġenerali. Imbagħad, inti trid tipprova lill-qorti li r-reat seħħ.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Jekk mintix parti fil-kawża, inti tiġi nnotifikat(a) bid-data u l-ħin tal-proċess. Madankollu, inti tiġi nnotifikat biss jekk tkun tlabt dan matul l-investigazzjoni preliminari. Jekk inti parti fil-kawża, għandek id-dritt li tkun preżenti matul il-proċess kollu, anki jekk il-proċedimenti ma jkunux pubbliċi.

Inti tista’ tiġi mħarrek mħarrka sabiex tidher fil-qorti jekk il-prosekutur ikun talab li tiġi interrogat(a) jew jekk tkun ippreżentajt talba għad-danni. Inti se tirċievi taħrika bid-data u l-ħin meta trid tidher u d-dettalji tar-raġunijiet aċċettabbli sabiex ma tidhirx fil-qorti. Jekk tkun marid jew ikollok xi raġuni aċċettabbli oħra sabiex ma tidhirx, inti trid tgħarraf lill-qorti mill-aktar fis possibbli qabel il-proċedimenti. Il-qorti mbagħad tgħidlek jekk il-preżenza tiegħek hijiex meħtieġa jew le. Jekk tonqos milli tidher mingħajr raġuni valida, tkun qed tirriskja multa.

Matul il-proċess, inti għandek id-dritt li tagħmel talba għad-danni. Inti għandek dan id-dritt biss jekk tkun parti li tkun ġarrbet id-dannu. Se jsirulek ukoll mistoqsijiet mill-prosekutur u mill-persuna akkużata (jew mill-avukat tagħha). Il-mistoqsijiet mhumiex ser isirulek taħt ġurament. Jekk inti parti fil-kawża, inti jew il-konsulent legali tiegħek tistgħu tagħmlu mistoqsijiet lill-persuna akkużata, lix-xhieda u lill-esperti. Fi tmiem il-proċess, ser ikollok ukoll l-opportunità li tgħid xi ħaġa fil-konklużjoni.

Jekk tiġi mħarrek mill-pulizija jew mill-prosekutur pubbliku, inti tkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tiegħek sabiex tmur għall-interrogazzjoni. It-tipi ta’ spejjeż li jistgħu jiġu rrimborżati huma dawk tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni u t-telf tad-dħul (sa SEK 700 kuljum).

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Iva, probabbilment li l-prosekutur ikun irid li jsirulek xi mistoqsijiet matul il-proċess. Madankollu, parti danneġġata ma tistax tidher bħala xhud. Dak ifisser li inti ma titkellimx taħt ġurament. Jekk inti parti fil-kawża, għandek id-dritt li tagħti x-xhieda tiegħek matul il-proċess.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Jekk inti parti fil-kawża, għandek id-dritt li tiġi infurmat(a) b’diversi modi dwar il-proċedimenti legali u dwar dak li ġara fil-kawża tiegħek. Bl-Isvediż, dan jissejjaħ "partsinsyn". Jekk inti parti li ġarrabt dannu iżda mhux parti fil-kawża, ma għandekx l-istess dritt li tiġi infurmat(a) dwar il-proċess.

Matul l-investigazzjoni preliminari mill-pulizija, ser tiġi mistoqsi(ja) jekk tixtieqx li tkun infurmat(a) dwar is-sentenza mogħtija fil-kawża. Jekk kont parti matul il-proċess, il-qorti tibgħatlek is-sentenza. Jekk ma kontx parti, is-sentenza tintbagħatlek jekk inti tkun tlabt li taraha.

Ser inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Jekk inti parti fil-kawża, għandek id-dritt li tiġi infurmat(a) b’diversi modi dwar il-proċedimenti legali u dwar dak li qed jiġri fil-kawża tiegħek. Bl-Isvediż, dan jissejjaħ "partsinsyn" u huwa maħsub sabiex tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta’ parti għall-informazzjoni sabiex tiġi segwita l-kawża tagħha f’azzjoni jew proċess. Dan jista’ jfisser, pereżempju, li inti jista’ jkollok aċċess għal dokumenti jew materjali oħrajn f’kawża fuq talba jew instigazzjoni tal-qorti. Il-qorti għandha wkoll "dmir ta’ komunikazzjoni", li jfisser li hija trid tiżgura, b'inizjattiva tagħha stess, li parti tingħata aċċess għad-dokumenti jew għal materjal ieħor ta’ investigazzjoni ppreżentati fil-kawża minn xi ħadd ieħor minbarra l-parti nnifisha. Il-parti tista’ tibgħat ukoll il-kummenti tagħha dwar il-materjal lill-qorti.

Jekk inti parti li tkun ġarrbet id-dannu iżda mhux parti fil-kawża, ma għandekx l-istess dritt li tiġi infurmat(a) dwar il-proċess.

L-aħħar aġġornament: 03/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Povratne informacije

S spodnjim obrazcem sporočite svoje pripombe in povratne informacije o našem novem spletišču