Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Jien vittma tal-kriminalità. Lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?

Jekk int vittma tal-kriminalità, tista’ tmur f’Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficinas de Asistencia a las Víctimas del delito).

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma servizz multidixxiplinarju pubbliku mingħajr ħlas li jindirizza l-ħtiġijiet tal-vittmi, immexxi mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Hemm Uffiċċji fil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi fil-bliet kapitali provinċjali kollha, kif ukoll fi bliet oħrajn.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek appoġġ komprensiv, ikkoordinat u speċjalizzat bħala vittma tal-kriminalità, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet legali, psikoloġiċi u soċjali speċifiċi tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ terroriżmu, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional), għalkemm tista’ tmur fl-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità fil-provinċja tiegħek jekk tixtieq. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità mbagħad jikkoordina mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali.

Il-kura u l-appoġġ offruti mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma pprovduti f’serje ta’ fażijiet:

  • Fażi ta’ akkoljenza u orjentazzjoni: il-fażi ta’ orjentazzjoni hija meta l-Uffiċċju jipprovdilek informazzjoni komprensiva dwar l-azzjonijiet li trid tieħu, il-kwistjonijiet li trid tindirizza u l-konsegwenzi possibbli. Din il-fażi ġeneralment isseħħ permezz ta’ intervista, wiċċ imb’wiċċ jew fuq it-telefon, fejn ikollok iċ-ċans li tispjega l-problemi u l-ħtiġijiet tiegħek. Abbażi tal-ispjegazzjoni tiegħek, inti tingħata gwida, tiġi vvalutata l-possibbiltà ta’ interventi minn sorsi oħrajn u jsiru riferimenti, jekk ikun hemm bżonn.
  • Fażi ta’ informazzjoni: bħala vittma, billi tibda mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali, saħansitra qabel tressaq ilment, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni li taqbel maċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet personali tiegħek, kif ukoll in-natura tar-reat kriminali li esperjenzajt u d-danni li ġarrabt. Din l-informazzjoni tikkonċerna ċerti aspetti bħal:
  • Kif tista’ tagħmel ilment u l-proċedura għat-tressiq tiegħu.
  • Is-servizzi speċjalizzati u r-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli, irrispettivament minn jekk jitressaqx ilment, u kif jinkiseb l-aċċess għalihom.
  • Il-miżuri ta’ kura u appoġġ (mediċi, psikoloġiċi jew materjali) disponibbli u l-proċedura sabiex jinkisbu, inkluża, fejn xieraq, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva.
  • Kif tista’ tikseb pariri u difiża legali u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas.
  • Akkumpanjament għalik, matul il-proċedimenti, għall-proċess, jekk tkun teħtieġ dan, u/jew għall-awtoritajiet kriminali differenti.
  • Possibbiltà għalik li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan.
  • Pariri dwar drittijiet ekonomiċi relatati mal-proċedimenti, b’mod partikolari rigward l-għajnuna u l-kumpens li għalihom tista’ tkun intitolat abbażi tad-danni kkawżati mir-reat kriminali u, fejn xieraq, liema proċedura għandha tintuża sabiex titlobhom.
  • Il-proċedura li trid issegwi sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek bħala vittma tal-kriminalità jekk tgħix barra Spanja.
  • Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli sabiex tittratta l-proċedimenti tiegħek u l-mezzi għall-komunikazzjoni magħha u informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess, kif ukoll il-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.
  • Is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva (eż. medjazzjoni) disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli.
  • Il-każijiet li fihom tista’ tiġi rimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura applikabbli sabiex titlobhom, eċċ.
  • Fażi ta’ intervent: l-intervent mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jseħħ f’oqsma differenti:
  • Interventi legali: l-Uffiċċji jipprovdulek l-assistenza legali li teħtieġ u, b’mod speċifiku, jagħtuk informazzjoni dwar it-tip ta’ assistenza li tista’ tirċievi fil-kuntest tal-proċedimenti ġudizzjarji, id-drittijiet li tista’ teżerċita bħala parti mill-proċedimenti, il-mod li bih u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tikseb aċċess għal pariri legali u t-tipi ta’ servizzi jew organizzazzjonijiet li tista’ tikkuntattja sabiex jagħtuk appoġġ.

Fil-każijiet kollha, l-assistenza legali tkun ġenerali fir-rigward tal-mod li bih jitwettqu l-proċedimenti u l-mod kif jiġu eżerċitati drittijiet differenti, billi l-avukat tiegħek huwa responsabbli għall-gwida u l-għajnuna legali f’kull każ.

  • Interventi mediċi u psikoloġiċi: il-kura psikoloġika offruta mill-Uffiċċji tikkonsisti fil-valutazzjoni u t-trattament tas-sitwazzjoni tiegħek sabiex titnaqqas il-kriżi kkawżata mir-reat, sabiex tlaħħaq mal-proċedimenti ġudizzjarji li jirriżultaw mir-reat u l-akkumpanjament matul il-proċedimenti u t-tisħiħ tal-istrateġiji u l-abbiltajiet tiegħek, li jippermettu għajnuna mill-ambjenti ta’ madwarek.

L-Uffiċċji joħolqu pjan ta’ appoġġ psikoloġiku f’każ li inti tkun vittma partikolarment vulnerabbli jew fil-bżonn ta’ protezzjoni speċjali.

  • Interventi ekonomiċi: fir-rigward tal-għajnuna ekonomika li għaliha tkun intitolat jekk kont vittma ta’ reat kriminali vjolenti jew reat kriminali kontra l-libertà sesswali, l-Uffiċċji primarjament ikollhom irwol ta’ informazzjoni u jistgħu jgħinu fit-trattament tal-pretensjonijiet.
  • Interventi soċjali u ta’ kura: f’dan il-qasam, l-Uffiċċji ser ikunu kkoordinati fil-kura li jipprovdulek u, fejn xieraq, jirreferuk għas-servizzi soċjali, l-istituzzjonijiet tal-kura jew l-organizzazzjonijiet disponibbli sabiex jiżguraw li inti jkollok akkomodazzjoni sikura, kura medika immedjata u kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tista’ tkun intitolat għaliha, b’attenzjoni partikolari mogħtija għall-ħtiġijiet li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta’ invalidità, kura fl-isptar, mewt u dawk ikkawżati minn sitwazzjoni possibbli ta’ vulnerabbiltà.
  • Fażi ta’ monitoraġġ: l-Uffiċċji ser jimmonitorjaw il-każ tiegħek, speċjalment jekk inti vittma vulnerabbli, matul il-proċess kriminali kollu u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara li jintemm il-proċess. F’din il-fażi, l-Uffiċċji ser janalizzaw is-sitwazzjoni legali, medika u psikoloġika, soċjali u ta’ kura, kif ukoll ekonomika tiegħek wara r-reat kriminali f’perjodi differenti. Iż-żmien xieraq għall-monitoraġġ jiġi ddeterminat skont is-sitwazzjoni tiegħek.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, il-funzjonijiet ewlenin tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali huma dawn li ġejjin:

  • li jipprovdilek informazzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti ġudizzjarji li jistgħu jaffettwawk abbażi tar-reat kriminali mwettaq;
  • li jagħtik pariri dwar dak kollu li huwa relatat mal-proċedimenti kriminali u amministrattivi li jistgħu jaffettwawk;
  • li joffrilek akkumpanjament personali għall-proċessi li jsiru rigward l-atti terroristiċi li jistgħu jaffettwawk;
  • li jipprovdilek appoġġ emozzjonali u terapewtiku, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Ministeru tal-Intern;
  • li jippromwovi l-protezzjoni tas-sikurezza u l-privatezza tiegħek bħala vittma tal-kriminalità fil-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti ġudizzjarji;
  • li jinformak dwar il-kumpensi ewlenin għall-vittmi tat-terroriżmu u fil-każijiet kollha jirreferik għad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern;
  • li jinnotifikak dwar dak kollu li huwa relatat mal-infurzar tas-sentenza ta’ priġunerija, sakemm is-sentenza tkun ġiet skontata kompletament, b’mod partikolari f’każijiet fejn dawk ikkundannati jkunu ngħataw benefiċċji jew inħelsu.

Għall-vittmi tat-terroriżmu, id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern ser jaġixxi bħala one-stop shop għal kwalunkwe proċedimenti li jistgħu jinbdew min-nies u l-familji affettwati minn azzjoni terroristika quddiem l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Istat, billi jirreferi kwalunkwe talbiet magħmula lill-korp kompetenti u jassumi r-relazzjoni mal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, id-Direttorat Ġenerali ser jikkollabora mal-korpi kompetenti tal-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Istat u l-amministrazzjonijiet pubbliċi l-oħrajn fir-rigward tal-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu sabiex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva għall-vittmi.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu ser ikun responsabbli għall-immaniġġjar, il-ġestjoni u l-abbozzar ta’ deċiżjonijiet dwar għajnuna u kumpens għal dawk affettwati minn reati ta’ terroriżmu.

Hotline ta’ appoġġ għall-vittmi

Matul il-fażi ta’ akkoljenza jew orjentazzjoni, inti tista’ tattendi personalment fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella tikkuntattjahom bit-telefon.

Għal ċerti reati bħal vjolenza sessista, fi Spanja hemm servizzi tat-telefon għal assistenza u gwida, eż. is-Servizz Telefoniku 016 għal Informazzjoni u Pariri Legali dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Sess (Servicio telefónico de información y asesoramiento jurídico en materia de violencia de género).

Fil-każ ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli, bħal minorenni, hemm servizzi speċifiċi, bħall-Hotline tal-Fondazzjoni ANAR (Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti f’Riskju) (Servicio de atención telefónica de la Fundación ANAR)), li huma mmirati għat-tfal u ż-żgħażagħ, l-adulti u l-qraba ta’ minorenni u l-qraba fil-każ ta’ minorenni neqsin.

Is-Servizz Telefoniku 016 għal Informazzjoni u Pariri Legali dwar il-Vjolenza Sessista jipprovdi assistenza professjonali u mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. Id-data tal-persuni li jużaw dan is-servizz hija garantita li tibqa’ kunfidenzjali l-ħin kollu.

L-assistenza hija offruta b’51 lingwa. Speċifikament, l-assistenza 24 siegħa kuljum hija offruta bl-Ispanjol, bil-Katalan, bil-Galizjan, bil-Bask, bl-Ingliż u bil-Franċiż, u permezz ta’ servizz ta’ tele-traduzzjoni għat-telefonati bil-Ġermaniż, bil-Portugiż, bil-Mandarin, bir-Russu, bl-Għarbi, bir-Rumen u bil-Bulgaru. L-assistenza bil-lingwi l-oħrajn hija offruta permezz ta’ servizz ta’ tele-traduzzjoni.

L-aċċessibilità tas-servizz għal persuni neqsin mis-smigħ u/jew b’diffikultajiet fit-taħdit hija garantita permezz tal-mezzi li ġejjin:

  • telefon testwali (TTY) fuq 900 116 016;
  • Servizz ta’ Telesor permezz tas-sit web ta’ Telesor (https://www.telesor.es/). F’dan il-każ hija meħtieġa konnessjoni tal-Internet;
  • telefon ċellulari jew PDA. Fiż-żewġ każijiet huwa meħtieġ li tinstalla applikazzjoni bla ħlas billi ssegwi l-passi indikati fuq is-sit web ta’ Telesor.

Dan is-servizz joffri assistenza għal kull min għandu mistoqsijiet relatati ma’ każijiet speċifiċi ta’ vjolenza sessista: vittmi femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, persuni li huma qrib vittma femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess (qraba, ħbieb, ġirien, eċċ.), professjonisti li jiltaqgħu ma’ vittma femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew li huma konxji ta’ sitwazzjoni ta’ vjolenza ta’ dan it-tip, eċċ.

L-informazzjoni pprovduta tirreferi għar-riżorsi u d-drittijiet disponibbli għalik bħala vittma ta’ dan it-tip ta’ kriminalità, fir-rigward tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, l-appoġġ finanzjarju u r-riżorsi ta’ informazzjoni, assistenza, akkoljenza u pariri legali.

F’każ li tidħol sejħa ta’ emerġenza, din tiġi ddevjata minnufih lejn in-numru ta’ emerġenza 112 tal-komunità awtonoma rispettiva.

Jekk inti vittma taħt l-età ta’ vjolenza sessista, kwalunkwe sejħa li tagħmel lis-Servizz 016 tiġi ddevjata lill-Hotline ta’ ANAR għall-Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti (900 20 20 10).

Il-Hotline tal-Fondazzjoni ANAR (Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti f’Riskju) (900 20 20 10) huwa servizz anonimu, kunfidenzjali u mingħajr ħlas, disponibbli 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena, li primarjament jikkonsisti fi tliet linji ta’ għajnuna:

  • Il-Hotline tal-ANAR għall-Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li joffri lit-tfal jew l-adoloxxenti li jagħmlu s-sejħiet l-appoġġ u l-gwida meħtieġa meta jkollhom problemi jew meta jkunu f’sitwazzjoni ta’ riskju.
  • Il-Hotline tal-ANAR għall-Adulti u l-Familji, li huwa mmirat għall-adulti li jeħtieġu gwida dwar kwistjonijiet relatati ma’ minorenni.
  • Il-Hotline tal-ANAR 116 000 għal każijiet ta’ minorenni neqsin (in-numru armonizzat ta’ valur soċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jittratta dawn il-każijiet).

Dan is-servizz jiddevja t-telefonati li tagħmel lis-Servizz 016 jekk inti mara adulta u vittma ta’ vjolenza sessista jew persuna adulta konxja ta’ każ ta’ vjolenza ta’ dan it-tip.

L-appoġġ għall-vittmi huwa mingħajr ħlas?

Iva. L-aċċess għas-servizzi ta’ kura u appoġġ għall-vittmi ta’ reati, bħall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, huwa mingħajr ħlas u kunfidenzjali; mhuwiex neċessarju li l-ewwel tressaq ilment.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand awtoritajiet jew servizzi tal-Istat?

Inti tista’ tmur fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità li jinstabu fil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi f’kull belt kapitali provinċjali u anki fi bliet oħrajn.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek appoġġ komprensiv, ikkoordinat u speċjalizzat bħala vittma ta' reat, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet legali, psikoloġiċi u soċjali speċifiċi tiegħek.

B’mod partikolari, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar is-servizzi speċjalizzati u r-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli, irrispettivament minn jekk tressaqx ilment u dwar kif tikseb aċċess għal dawn is-servizzi.

Huma jipprovdulek ukoll informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kura u appoġġ (mediċi, psikoloġiċi jew materjali) disponibbli u l-proċedura sabiex jinkisbu, inkluża, fejn tkun meħtieġa, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva.

Barra minn hekk, huma jagħtuk pariri dwar kif tista’ tagħmel ilment u l-proċedura għat-tressiq tiegħu, kif ukoll il-possibbiltà li tikseb pariri legali u difiża u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiksibhom mingħajr ħlas.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jkunu jistgħu jirreferuk għal servizzi legali, psikoloġiċi u soċjali speċjalizzati, skont il-ħtiġijiet tiegħek, bħal pereżempju servizzi muniċipali, tal-benesseri soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi; assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u entitajiet oħrajn mingħajr skop ta’ profitt; servizzi psikosoċjali mill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja; u, f’każ li tkun vittma ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, għall-Unitajiet ta’ Koordinazzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa (Unidades de Coordinación contra la Violencia sobre la Mujer) u l-Unitajiet iddedikati għan-Nisa (Unidades sobre la Mujer) f’kull komunità u provinċja awtonoma.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jistgħu joffru appoġġ lill-vittmi ta’ reati kriminali speċifiċi permezz tal-istabbiliment ta’ mogħdijiet personalizzati skont il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi ta’ kull vittma. Il-funzjoni ta’ assistenza tinkludi primarjament pariri legali, informazzjoni dwar ir-riżorsi u l-għajnuna differenti disponibbli u appoġġ psikoloġiku u emozzjonali.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.