Bħala prosekutur privat, tista’ titlob kumpens għad-danni permezz ta’ azzjoni ċivili fi ħdan l-istess proċedimenti kriminali jew tiddifferixxi din it-talba sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali. Jekk iż-żewġ kawżi jkunu separati, il-kawża ċivili trid tistenna sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali.
Barra minn hekk, inti tista’ tidher biss fil-proċedimenti bħala parti ċivili li ma jkollha ebda kapaċità fil-proċedimenti. Jekk ma tidhirx bħala parti ċivili sabiex tfittex il-kumpens, il-prosekutur pubbliku jitlob l-azzjoni ċivili f’ismek. Jekk il-qorti tiddikjara li l-akkużat mhuwiex ħati jew ma tagħtikx il-kumpens, inti dejjem tista’ titlob kumpens għad-danni permezz ta’ proċedura ċivili.
Ir-responsabbiltà ċivili tal-akkużat tkopri r-restituzzjoni tal-proprjetà, li tagħmel tajjeb għad-danni u l-kumpens għad-danni, inklużi dawk ikkawżati lis-sieħeb/sieħba tiegħek u lit-tfal.
Tista’ wkoll tikseb kumpens mill-Istat.
L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma l-awtorità li tagħti assistenza lill-vittmi tal-kriminalità f’sitwazzjonijiet transfruntiera, f’każijiet fejn ir-reat kriminali mġarrab minnek ikun twettaq fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minbarra Spanja waqt li inti tkun ordinarjament residenti fi Spanja. F’każijiet ta’ reati ta’ terroriżmu f’sitwazzjonijiet transfruntiera, il-Ministeru tal-Intern huwa l-awtorità tal-assistenza, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu.
B’mod ġenerali, ħlief għal reati ta’ terroriżmu, l-awtorità tal-assistenza tikkoopera fil-bidu u fl-immaniġġjar tal-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn twettaq ir-reat, sabiex b’hekk inti, bħala l-pretendent, tkun tista’ tikseb aċċess, minn Spanja, għall-kumpens mill-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat.
Għaldaqstant, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek, bħala applikant għall-għajnuna, l-informazzjoni li ġejja:
Barra minn hekk, bħala l-awtorità tal-assistenza, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jridu jagħmlu dan li ġej:
L-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet hija d-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi meta t-talba għall-għajnuna mill-Istat stabbilita legalment tiġi ttrattata permezz tal-awtorità tal-assistenza tal-Istat fejn il-pretendent ikun ordinarjament residenti.
L-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet trid tikkomunika dan li ġej kemm lilek bħala applikant għall-għajnuna kif ukoll lill-awtorità tal-assistenza:
Għal reati ta’ terroriżmu, il-Ministeru tal-Intern (id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu) jaġixxi bħala l-awtorità tal-assistenza f’każijiet fejn il-post fejn jitwettaq ir-reat ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minbarra Spanja u inti, bħala l-applikant għall-għajnuna, tkun ordinarjament residenti fi Spanja, sabiex b’hekk tkun tista’ tikseb aċċess, minn Spanja, għall-kumpens xieraq, fejn applikabbli, mill-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat. L-azzjonijiet li jridu jitwettqu mid-Direttorat Ġenerali tal-Appoġġ għall-Vittmi, bħala l-awtorità tal-assistenza jew tat-teħid tad-deċiżjonijiet, huma ekwivalenti għal dawk li jappartjenu lid-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi.
L-Istat iħallas l-għajnuna kollha jew parti minnha meta t-trasgressur ikun ġie ddikjarat parzjalment insolventi.
L-Istat ser ikun surrogat, sal-ammont sħiħ tal-għajnuna provviżorja jew finali li tkun ingħatajt bħala vittma jew benefiċjarju, għad-drittijiet tiegħek kontra l-parti ċivilment responsabbli għar-reat.
L-Istat jista’ jressaq azzjoni għall-irkupru kontra l-parti ċivilment responsabbli għall-att kriminali sabiex jitlob ir-rimborż sħiħ jew parzjali tal-għajnuna mogħtija.
Din l-azzjoni ser titwettaq, fejn xieraq, permezz tal-proċedura ta’ rkupru amministrattiv u ser tapplika fil-każijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:
Din l-azzjoni titressaq mill-Istat li jidher fil-proċedimenti kriminali jew ċivili li jitwettqu, mingħajr preġudizzju għall-azzjoni ċivili li tista’ titressaq mill-prosekutur pubbliku.
L-Istat iħallas l-għajnuna kollha jew parti minnha meta l-persuna kkundannata għar-reat tkun ġiet iddikjarata parzjalment insolventi.
L-għajnuna provviżorja tista’ tingħata qabel ma tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, sakemm tkun intweriet is-sitwazzjoni ekonomika prekarja li tkun tħallejt fiha bħala l-vittma jew il-benefiċjarju.
L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba tkun irrapportajt l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jitwettqu ex officio abbażi ta’ dawn l-avvenimenti.
Tista’ tikseb kumpens mill-Istat.
Fi Spanja, hemm sistema ta’ għajnuna għall-vittmi ta’ reati intenzjonati u vjolenti, imwettqa fi Spanja, li jwasslu għal mewt, offiża serja fuq il-persuna jew dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali. L-għajnuna tingħata wkoll lill-vittmi ta’ reati kontra l-libertà sesswali, anki meta dawn ir-reati jitwettqu mingħajr vjolenza.
B’mod ġenerali, tista’ tikseb aċċess għall-għajnuna finanzjarja stabbilita legalment jekk, fiż-żmien meta jitwettaq ir-reat, inti tkun Spanjol jew ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew jekk ebda waħda minn dawn ta’ hawn fuq ma tapplika għalik, tkun ordinarjament residenti fi Spanja jew ċittadin ta’ Stat ieħor li jagħti għajnuna simili lil ċittadini Spanjoli fit-territorju tiegħu.
F’każ ta’ mewt, ir-rekwiżiti tan-nazzjonalità jew tar-residenza msemmija hawn fuq iridu jiġu ssodisfati mill-benefiċjarji, mhux mill-persuna deċeduta.
Fil-każ ta’ offiża serja fuq il-persuna jew dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali, il-vittmi diretti, jiġifieri dawk li sofrew l-offiżi jew id-danni, ser ikunu l-benefiċjarji.
Fil-każ ta’ mewt, il-benefiċjarji huma l-vittmi indiretti, li jkunu dawn li ġejjin:
Il-benefiċjarji fl-ebda każ ma jinkludu lil xi ħadd li ġie kkundannat għal omiċidju intenzjonat f’xi waħda mill-forom tiegħu, fejn il-persuna deċeduta kienet il-konjuġi tiegħu jew tagħha jew il-persuna li magħha kien jew kienet f’relazzjoni stabbli simili għal żwieġ.
L-offiżi li jintitolaw lill-vittmi sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja huma dawk li jkunu ta’ dannu għall-integrità tal-persuna jew għas-saħħa fiżika jew mentali u li jwasslu għal diżabilità temporanja, għal aktar minn sitt xhur, jew permanenti, bi grad ta’ diżabilità ta’ mill-inqas 33 %, tal-persuna li ġarrbithom.
Bħala regola ġenerali, l-għoti tal-għajnuna jiddependi fuq l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali. B’kont meħud tal-iskedi ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni dwar kawżi kriminali, qabel ma tingħata deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, il-liġi tipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna provviżorja, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika prekarja tal-vittma tar-reat jew tal-benefiċjarji tagħha. L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba l-vittma tkun irrapportat l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jkunu nbdew mill-korpi kompetenti mingħajr il-ħtieġa ta’ rapport.
L-ammont ta’ għajnuna f’ebda każ ma jista’ jaqbeż il-kumpens stabbilit fis-sentenza.
Fil-każ tal-mewt ta’ persuna minorenni jew b’diżabilità bħala konsegwenza diretta tar-reat, il-ġenituri jew il-kustodji tal-minorenni jkunu intitolati biss għal għajnuna li tikkonsisti f’kumpens għall-ispejjeż tal-funeral li effettivament tħallsu sal-limitu stabbilit legalment.
F’każijiet ta’ reati kontra l-libertà sesswali li jikkawżaw danni għas-saħħa mentali tal-vittma, l-ammont ta’ għajnuna ser ikopri l-ispejjeż tat-trattament terapewtiku magħżul liberament mill-vittma, b’massimu stabbilit mil-liġi.
B’mod ġenerali, il-limitu ta’ żmien sabiex tintalab l-għajnuna huwa ta’ sena, li jibda jgħodd minn meta twettaq ir-reat. Dan il-limitu ta’ żmien jiġi sospiż meta jibdew il-proċedimenti kriminali u jerġa’ jibda meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali u tiġi nnotifikata lill-vittma.
Ir-riċeviment tal-għajnuna huwa inkompatibbli ma’ dan li ġej:
Ir-riċeviment tal-għajnuna huwa kompatibbli ma’ dawn li ġejjin:
L-għajnuna għal diżabilità permanenti ser tkun inkompatibbli mal-għajnuna għal diżabilità temporanja.
Il- kompetenza sabiex jiġu pproċessati u deċiżi t-talbiet għall-għajnuna mill-Istat stabbilita legalment tinsab f’idejn id-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi, għall-vittmi ta’ kwalunkwe reat, ħlief għal vittmi tat-terroriżmu, f’liema każ ikun kompetenti l-Ministeru tal-Intern (id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu).
Jekk inti vittma tat-terroriżmu, hemm serje ta’ għajnuniet mill-Istat maħsuba għall-vittmi tat-terroriżmu sabiex jikkumpensaw għad-danni kkawżati minn dawn it-tipi ta’ reati, diment li jkun hemm konnessjoni sħiħa bejn l-att terroristiku u d-danni mġarrba.
Dawn li ġejjin huma danni eliġibbli għal kumpens:
Dawn l-ispejjeż jitħallsu lill-persuna affettwata biss f’każ li ma jkunux koperti kompletament jew parzjalment minn sistema ta’ protezzjoni soċjali pubblika jew privata;
Il-kumpens għad-danni indikati, ħlief għall-offiżi fuq il-persuna, ser ikun sussidjarju għal dak stabbilit għall-istess każijiet minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ assigurazzjoni. F’dawn il-każijiet, kwalunkwe ammont li jista’ jirriżulta mid-differenza bejn dak li tħallas minn dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew entitajiet tal-assigurazzjoni u l-valwazzjoni uffiċjali ser jiġi kkumpensat.
L-ammont ta’ kumpens jiġi ddeterminat skont il-ħsara prodotta (is-severità tal-offiżi u t-tip ta’ diżabilità li jikkawżaw, mewt, eċċ.).
Għajnuna oħra:
Il-benefiċjarji tal-għajnuna:
B’mod ġenerali, il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tat-talbiet għal kumpens għal danni personali jew materjali ser ikun ta’ sena, li jibda jgħodd mid-data li fiha seħħew id-danni.
L-Uffiċċju ta’ Assistenza u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional), b’kollaborazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, jgħinek bħala vittma tat-terroriżmu permezz tal-proċess tat-talba għall-kumpens: il-kisba taċ-ċertifikati tas-sentenzi finali, tal-ordnijiet sabiex ma jiġux infurzati obbligazzjonijiet ċivili u ta’ dokumenti oħrajn meħtieġa sabiex tiġi pproċessata l-għajnuna.
Is-sentenza finali fil-proċedimenti kriminali, li ma tistax tiġi appellata, għandha tipprova li l-mewt, l-offiżi fuq il-persuna u d-dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali jikkostitwixxu reat intenzjonat u vjolenti u, konsegwentement, is-sentenza jkollha tiddetermina l-kumpens xieraq.
Sabiex tissottometti t-talba għal għajnuna finanzjarja, inti trid tehmeż mat-talba kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, kemm jekk din tkun sentenza, sentenza mogħtija b’kontumaċja jew deċiżjoni li tagħlaq il-każ minħabba mewt tat-trasgressur, jew inkella deċiżjoni li tiċħad il-każ.
L-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’ebda ma jista’ jaqbeż il-kumpens stabbilit fis-sentenza.
Tista’ tingħata għajnuna provviżorja qabel ma tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, sakemm tiġi pprovduta evidenza tas-sitwazzjoni ekonomika prekarja li tkunu tħallejtu fiha inti, bħala l-vittma, jew il-benefiċjarji tiegħek.
L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba tkun irrapportajt l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jitwettqu ex officio abbażi ta’ dawn l-avvenimenti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.