Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Jekk tkun tixtieq tappella kontra s-sentenza f’każ li l-persuna akkużata tiġi ddikjarata innoċenti, żomm f’moħħok li jekk ma kontx parti fil-proċedimenti, ma tistax tappella kontra s-sentenza.

Jekk kont parti fil-proċedimenti u inti prosekutur privat, tista’ tappella kif ġej:

  • kontra s-sentenza fi żmien għaxart ijiem minn meta tiġi nnotifikata; hemm diversi raġunijiet għal appell u huwa possibbli li tiġi riveduta l-evidenza. Dan huwa appell ordinarju.
  • Appell tal-kassazzjoni fi żmien ħamest ijiem minn meta tiġi nnotifikata s-sentenza; ir-raġunijiet huma ksur tal-liġi jew tal-Kostituzzjoni Spanjola jew raġunijiet formali. Dan huwa appell straordinarju.

Bħala parti ċivili, tista’ tressaq appell fil-kassazzjoni biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kumpens tiegħek.

Fir-rigward tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ appelli oħrajn, jekk l-ewwel tkun ressaqt appell ordinarju, tkun tista’ tressaq appell ta’ kassazzjoni bħala t-tieni appell. L-appell tal-kassazzjoni jiġi deċiż mill-Qorti Suprema.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar l-appelli li tista’ tressaq kontra d-deċiżjonijiet li tqis li huma inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Jekk għamilt it-talba rilevanti, inti għandek id-dritt li tkun innotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni personali jew li jiġu emendati dawk diġà miftiehma, meta l-għan tagħhom ikun li jiżguraw is-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

Id-drittijiet ewlenin tiegħek matul l-eżekuzzjoni tas-sentenza huma d-dritt għal informazzjoni dwar is-sentenza tal-persuna akkużata. B’mod ġenerali, l-informazzjoni rigward il-ħelsien mill-ħabs titqies bħala parti mill-privatezza tagħha u ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata lilek.

B’mod eċċezzjonali, jekk kont vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, inti ser tiġi pprovdut informazzjoni dwar l-istatus proċedurali tal-persuna akkużata u kif qed tiskonta l-piena tagħha, sakemm tibqa’ fis-seħħ l-ordni ta’ protezzjoni jew l-ordni ta’ trażżin.

Jekk kont prosekutur privat fil-proċedimenti, inti tista’ tieħu sehem fis-sospensjoni tas-sentenza tal-persuna akkużata. Sentenza ta’ priġunerija ta’ inqas minn sentejn tista’ tiġi sospiża jekk ma jkunx hemm reċidività f’perjodu ta’ żmien partikolari. Wara dan il-perjodu, is-sentenza tiskadi. Il-qorti tiddeċiedi dwar is-sospensjoni tas-sentenza u inti tinstema’ mill-imħallef qabel id-deċiżjoni tal-qorti.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-iskontar tal-piena kollha, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Jien intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Jekk is-sentenza tiġi eżegwita u jkun meħtieġ, inti tista’ tkompli tingħata protezzjoni, jekk l-imħallef jiddeċiedi hekk. Inti jista’ jkollok protezzjoni tal-pulizija jew, f’każijiet eċċezzjonali, identità ġdida jew għajnuna finanzjarja sabiex tbiddel il-post ta’ residenza jew xogħol.

Għal ċerti reati, bħal vjolenza abbażi ta’ sess jew vjolenza domestika, tista’ titlob għal ordni ta’ protezzjoni li l-validità temporanja tagħha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja.

L-ordni ta’ protezzjoni tista’ tintalab direttament mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-prosekutur pubbliku, jew minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella mis-servizzi soċjali jew l-istituzzjonijiet tal-kura marbuta mal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

L-ordni ta’ protezzjoni tirrappreżenta status ta’ protezzjoni komprensiva li jinkludi l-miżuri ta’ prekawzjoni ċivili u kriminali stabbiliti bil-liġi u kwalunkwe miżura oħra ta’ assistenza u protezzjoni soċjali stabbilita fis-sistema legali.

L-għoti ta’ ordni ta’ protezzjoni jimplika d-dmir li żżomm ruħek infurmat fuq bażi kontinwa dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-persuna akkużata jew suspettata, kif ukoll dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-validità tal-miżuri kawtelatorji meħuda. B’mod partikolari, inti tinżamm infurmat il-ħin kollu dwar is-sitwazzjoni tal-allegat aggressur fil-ħabs. Għaldaqstant, l-ordni ta’ protezzjoni tintbagħat lill-amministrazzjoni tal-ħabs.

Inti tista’ tkun protett ukoll minn ċerti pieni jew miżuri ta’ sigurtà li jiġu imposti fuq it-trasgressur: ordnijiet ta’ trażżin, ċaħda tas-setgħa tal-ġenituri jew tat-tutela, ċaħda tad-dritt li ġġorr u tuża armi, eċċ. Barra minn hekk, f’każijiet fejn is-sentenza tiġi sospiża qabel id-dħul fil-ħabs, l-imħallef jista’ jipprojbixxi lit-trasgressur milli jmur f’ċerti postijiet jew milli jersaq lejk, jobbliga lit-trasgressur sabiex jieħu sehem fi programmi edukattivi speċifiċi, eċċ.

Bħala vittma, inti intitolat sabiex:

a) titlob li jiġu imposti fuq il-parolee miżuri jew regoli ta’ mġiba previsti mil-liġi u meqjusa bħala meħtieġa sabiex tiżgura s-sikurezza tiegħek, meta din il-persuna tkun ġiet ikkundannata għal atti li minnhom tista’ raġonevolment tinħoloq sitwazzjoni ta’ periklu għalik;

b) tipprovdi lill-imħallef jew lill-qorti bi kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-infurzar tal-piena imposta, l-obbligazzjonijiet ċivili li jirriżultaw mir-reat jew il-konfiska li ntlaħaq qbil dwarha.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jikkooperaw u jikkoordinaw mal-korpi, l-istituzzjonijiet u s-servizzi li jistgħu jkunu involuti fl-għajnuna lill-vittmi: il-ġudikatura, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, l-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi, speċjalment fil-każ ta’ vittmi vulnerabbli b’riskju għoli ta’ vittimizzazzjoni. Barra minn hekk, jekk inti vittma li teħtieġ miżuri ta’ protezzjoni speċjali, huma jevalwaw il-każ tiegħek sabiex jiddeterminaw liema miżuri ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ għandhom jiġu pprovduti, li jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  • l-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku jew assistenza sabiex jittrattaw id-disturbi kkawżati mir-reat, bl-użu tal-aktar metodi psikoloġiċi xierqa għall-kura tiegħek;
  • akkumpanjament għall-proċess;
  • informazzjoni dwar ir-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli u riferiment għal dawn is-servizzi jekk inti titlob dan;
  • kwalunkwe miżuri ta’ appoġġ speċjali li jistgħu jkunu meħtieġa jekk inti tkun vittma bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċjali;
  • riferiment għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat;

Għal kemm żmien?

Il-miżuri protettivi ta’ natura ġudizzjarja ser ikunu validi għall-perjodu ta’ żmien stabbilit fid-deċiżjoni rilevanti mill-awtorità ġudizzjarja.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jissorveljaw is-sitwazzjoni tiegħek bħala vittma, speċjalment jekk inti vittma vulnerabbli, matul il-proċedimenti kriminali kollha u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara li jintemmu, irrispettivament minn jekk l-identità tat-trasgressur u l-eżitu tal-proċedimenti jkunux magħrufa.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jingħata s-sentenza?

Id-drittijiet ewlenin tiegħek matul l-eżekuzzjoni tas-sentenza huma d-dritt għal informazzjoni dwar is-sentenza tal-persuna akkużata. B’mod ġenerali, l-informazzjoni rigward il-ħelsien mill-ħabs titqies bħala parti mill-privatezza tagħha u ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata lilek.

B’mod eċċezzjonali, jekk kont vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, inti ser tiġi pprovdut informazzjoni dwar l-istatus proċedurali tal-persuna akkużata u kif qed tiskonta l-piena tagħha, waqt li l-ordni ta’ protezzjoni jew l-ordni ta’ trażżin tkun fis-seħħ, ħlief meta tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċievi ebda notifika dwar il-kwistjoni.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Ser inkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż billi jinħeles qabel iż-żmien jew b’libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Jekk għamilt it-talba rilevanti, inti għandek id-dritt li tkun innotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Ser inkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole?

Bħala vittma tal-kriminalità, inti ser tkun intitolat sabiex:

  • titlob li jiġu imposti fuq il-parolee miżuri jew regoli ta’ mġiba previsti mil-liġi u meqjusa bħala meħtieġa sabiex tiżgura s-sikurezza tiegħek, meta din il-persuna tkun ġiet ikkundannata għal avvenimenti li minnhom tista’ raġonevolment tinħoloq sitwazzjoni ta’ periklu għall-vittma;
  • tipprovdi lill-imħallef jew lill-qorti bi kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza imposta, l-obbligazzjonijiet ċivili li jirriżultaw mir-reat jew il-konfiska li ntlaħaq qbil dwarha.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Jekk inti tkun tlabt li tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet mogħtija għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ., tista’ tappella kontrihom anki jekk ma kontx parti fil-proċedimenti. Inti trid tavża lill-iskrivan tal-qorti kompetenti bix-xewqa tiegħek li tappella, mingħajr il-ħtieġa li tkun assistit minn avukat sabiex tagħmel dan, f’perjodu massimu ta’ ħamest ijiem li jibdew jgħoddu minn dakinhar meta tkun ġejt innotifikat bid-deċiżjoni u tressaq l-appell fi żmien ħmistax-il jum minn din in-notifika.

Sabiex tappella l-klassifikazzjoni possibbli tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, inti trid tkun vittma ta’ wieħed mir-reati li ġejjin:

  • omiċidju;
  • abort;
  • korriment;
  • reati kontra l-libertà;
  • reati ta’ tortura u kontra l-integrità morali;
  • reati kontra l-libertà sesswali u indennizz;
  • reati ta’ serq imwettqa bi vjolenza jew intimidazzjoni;
  • reati ta’ terroriżmu;
  • reati ta’ traffikar tal-bnedmin.

Qabel ma l-awtorità tal-ħabs tagħti kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, id-deċiżjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lilek sabiex tkun tista’ tissottometti kwalunkwe argument li tqis li huwa xieraq, sakemm tkun għamilt it-talba rilevanti sabiex tiġi nnotifikat b’dawn id-deċiżjonijiet.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek kwalunkwe informazzjoni li tkun teħtieġ dwar l-appelli li tista’ tressaq kontra d-deċiżjonijiet li tqis li huma inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.