Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Kif nirrapporta reat?

Jekk int vittma ta’ reat, inti intitolat, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew l-uffiċjali, li tirċievi informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li tirrapporta r-reat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan.

Tista’ tirrapporta r-reat lill-pulizija u ssir xhud fil-proċedura li tiġi segwita. Tista’ wkoll titlob lill-pulizija sabiex jirreferuk għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficina de Asistencia a las Víctimas del delito), fejn tingħata informazzjoni dwar kif tirrapporta r-reat.

L-aċċess għas-servizzi ta’ kura u appoġġ, bħall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, huwa mingħajr ħlas u kunfidenzjali; mhuwiex neċessarju li l-ewwel tirrapporta r-reat.

Bħala l-persuna li tirrapporta r-reat, inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

  • li tikseb kopja tar-rapport, li jkun debitament iċċertifikat;
  • li tingħata assistenza lingwistika bla ħlas u traduzzjoni bil-miktub tal-kopja tar-rapport li tippreżenta, jekk ma tifhimx jew ma titkellimx xi waħda mil-lingwi uffiċjali fil-post fejn isir ir-rapport. Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx l-Ispanjol jew il-lingwa uffiċjali użata fil-proċedimenti inkwistjoni, inti tkun intitolat li tiġi assistit, mingħajr ħlas, minn interpretu li jitkellem lingwa li tifhem meta tagħti x-xhieda tiegħek matul il-fażi tal-investigazzjoni quddiem l-imħallef, il-prosekutur pubbliku jew l-uffiċjali tal-pulizija;
  • jekk tkun tlabt li tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet, bħad-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali jew bis-sentenza finali fil-proċedimenti, inti għandek id-dritt li tiġi infurmat bid-data, il-ħin u l-post tal-proċess, kif ukoll dwar il-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Inti tista’ tressaq ukoll azzjoni kontra t-trasgressur u ssir parti fil-proċedimenti bħala prosekutur privat, bi drittijiet simili ħafna għal dawk tal-prosekutur pubbliku.

Minbarra każijiet ordinarji, fejn il-prosekutur pubbliku jippreżenta l-akkużi kontra t-trasgressur, hemm żewġ tipi ta’ reati fejn ir-rwol tiegħek huwa importanti ħafna sabiex jinbdew il-proċedimenti:

  • il-proċedimenti għal reati semi-pubbliċi jesiġu li inti tirrapporta r-reat jew tressaq azzjoni sabiex ikunu jistgħu jibdew; il-prosekutur pubbliku mbagħad jassumi r-responsabbiltà għall-akkużi kontra t-trasgressur. Madankollu, għal proċedimenti kontra reati privati (eż. malafama), huwa kompletament f’idejk: il-prosekutur pubbliku ma għandu ebda responsabbiltà fir-rigward tal-akkużi kontra t-trasgressur u inti tista’ tirtira r-rapport fi kwalunkwe ħin, u b’hekk ittemm il-proċedimenti.

Inti tista’ tirrapporta r-reat bi kwalunkwe lingwa u, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew b’xi waħda mil-lingwi reġjonali rispettivi, għandek id-dritt għal interpretu mingħajr ħlas. Fil-prattika, jekk fl-għassa tal-pulizija ma jkun hemm ħadd li jitkellem bil-lingwa tiegħek, il-pulizija joffrulek l-għażliet li ġejjin:

  • jekk ir-reat ma jkunx serju, inti tkun tista’ tirrapportah bl-użu ta’ formola bil-lingwa tiegħek;
  • jekk ir-reat ikun serju, tiġi pprovdut is-servizz ta’ interpretu permezz tat-telefon jew personalment.

Ikun hemm interpreti Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi f’xi għases tal-pulizija, speċjalment fis-sajf.

Ma hemm ebda limitu ta’ żmien sabiex tirrapporta r-reat, iżda hemm limiti ta’ żmien li warajhom il-prosekuzzjoni tar-reat ma tkunx possibbli: minn 10 sa 20 sena, skont is-serjetà tar-reat. Ma huwa meħtieġ ebda mod speċifiku għar-rapportar ta’ reat mill-awtoritajiet. Tista’ tirrapportah bil-miktub jew bil-fomm, f’liema każ l-awtorità kompetenti tieħu nota tar-rapport. Int trid tagħti ismek, l-indirizz, in-numru tal-ID, in-numru tat-telefon, eċċ. u trid tiffirma r-rapport.

Meta tirrapporta r-reat, jekk inti tkun vittma ta’ reat ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew vjolenza domestika, tista’ titlob għal ordni ta’ protezzjoni mill-pulizija. Tista’ wkoll titlob ordni ta’ protezzjoni direttament mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-prosekutur pubbliku, mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella mis-servizzi soċjali jew l-istituzzjonijiet tal-kura marbuta mal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Fil-każijiet kollha, inti tiġi pprovdut formoli sabiex titlob l-ordni ta’ protezzjoni u tingħata informazzjoni dwar din l-ordni.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Meta tippreżenta rapport, inti tirċievi kopja ċċertifikata b’numru ta’ referenza.

Bħala l-vittma, tista’ tikseb informazzjoni mill-pulizija dwar l-iżvilupp tal-proċedimenti, sakemm din ma tkunx ta’ detriment għall-investigazzjoni. Fil-prattika, huwa aħjar li wieħed jikkomunika mal-korp tal-pulizija rispettiv u jitlob l-informazzjoni.

B’mod ġenerali, inti għandek id-dritt – jekk tkun għamilt it-talba rilevanti – li tirċievi informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur, kif ukoll li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja u deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni għall-protezzjoni tiegħek.

Jekk tkun tlabt li tiġi riferut għal Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew qed tirċievi assistenza minn wieħed minn dawn l-Uffiċċji, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli mill-immaniġġjar tal-proċedimenti u l-mezzi għall-komunikazzjoni ma’ din l-awtorità, kif ukoll informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-aggressur u l-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda, mingħajr ma jkollok bżonn titlob għal dan. Inti tista’, fi kwalunkwe ħin, tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċevix l-informazzjoni.

Jekk inti vittma ta’ reat vjolenti kontra l-libertà sesswali, għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-kumpens mill-Istat li għalih tkun intitolat jekk l-aggressur ma jħallasx il-kumpens tiegħek jew jekk dan ma jkunx biżżejjed.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-proċedura sabiex tikseb pariri u difiża legali u, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tiksibhom mingħajr ħlas. L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek ukoll din l-informazzjoni.

Inti ser tkun tista’ tissottometti t-talba tiegħek sabiex ikollok id-dritt tiegħek għall-għajnuna legali rikonoxxut lill-uffiċjal jew lill-awtorità li tawk l-informazzjoni dwar il-proċedura sabiex tikseb pariri u difiża legali u, fejn applikabbli, sabiex tiksibhom mingħajr ħlas. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjal jew l-awtorità jibagħtuha, flimkien mad-dokumentazzjoni pprovduta, lill-kamra tal-avukati rilevanti.

It-talba tiegħek tista’ tiġi sottomessa wkoll lill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, li min-naħa tagħhom jibagħtuha lill-kamra tal-avukati rilevanti.

B’mod ġenerali, inti tista’ tibbenifika minn servizzi ta’ gwida legali li joffru informazzjoni dwar il-liġi liċ-ċittadini kollha. Dawn is-servizzi huma organizzati mill-kmamar tal-avukati f’kull qasam ġudizzjarju.

Għandek timla formola li tista’ tinstab fil-qrati, fil-Ministeru tal-Ġustizzja u f’uffiċċji oħrajn tal-Istat u tipprova li l-mezzi ta’ appoġġ tiegħek mhumiex biżżejjed. Inti trid tissottometti t-talba tiegħek lill-kamra tal-avukati fil-qasam tal-qorti rispettiva jew fil-qorti fiż-żona fejn tirrisjedi, jekk il-proċedimenti kriminali jkunu għadhom ma bdewx.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, ma hemmx bżonn li l-ewwel tipprova li l-mezzi tiegħek huma insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tikseb għajnuna legali.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, tista’ tikseb ukoll għajnuna legali.

Tista’ titlob għajnuna legali fi Spanja jekk tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • jekk inti ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE u tipprova li r-riżorsi tiegħek mhumiex biżżejjed;
  • jekk inti ċittadin ta’ pajjiż terz u legalment residenti fi Spanja jew bi dritt rikonoxxut fi ftehimiet internazzjonali (eż. ftehimiet dwar il-ħtif internazzjonali ta’ minuri). F’dan il-każ, inti ser tkun tista’ tikseb aċċess għal għajnuna legali fi Spanja taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-UE;
  • irrispettivament mill-eżistenza tar-riżorsi sabiex jinbdew proċedimenti legali, id-dritt tiegħek għall-għajnuna legali ser ikun rikonoxxut u din l-għajnuna tiġi pprovduta lilek minnufih jekk tkun vittma ta’ vjolenza sessista, terroriżmu jew traffikar tal-bnedmin fi kwalunkwe proċedimenti li huma marbuta ma’, derivati minn jew riżultat tal-istat tiegħek bħala vittma, jew jekk inti minorenni jew għandek diżabilità fit-tagħlim jew mard mentali meta tkun il-vittma ta’ sitwazzjonijiet ta’ abbuż jew trattament ħażin.

Dan id-dritt ser japplika wkoll għas-suċċessuri fil-każ ta’ mewt tal-vittma, sakemm ma kinux involuti fl-atti.

Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna legali, inti titqies bħala vittma meta jiġi ppreżentat rapport jew titressaq azzjoni, jew meta jinbdew proċedimenti kriminali, għal kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija, u inti żżomm dan l-istatus sakemm il-proċedimenti kriminali jkunu fis-seħħ jew meta jkun inħareġ verdett ta’ ħtija wara l-konklużjoni tal-proċedimenti.

Id-dritt għall-għajnuna legali jintilef ladarba l-liberazzjoni minn akkuża ssir finali, jew wara s-soġġorn temporanju jew iċ-ċaħda tal-proċedimenti minħabba li l-atti kriminali ma jiġux ipprovati, mingħajr l-obbligu li titħallas l-ispiża tal-benefiċċji li jkunu tgawdew mingħajr ħlas sa dak il-punt.

Fil-proċedimenti differenti li jistgħu jinbdew bħala riżultat tal-istatus tiegħek bħala vittma tar-reati identifikati u, b’mod partikolari, fi proċedimenti ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, irid ikun l-avukat innifsu li jgħinek, sakemm id-dritt ta’ difiża tiegħek ikun b’hekk debitament garantit.

Inti għandek id-dritt għal għajnuna legali jekk l-introjtu annwali tiegħek u l-introjtu għal kull unità tal-familja ma jaqbżux:

  • darbtejn aktar mill-indiċi pubbliku tal-introjtu ((indicador público de renta de efectos múltiples – IPREM) fis-seħħ fil-mument li ssir it-talba, meta l-persuni inkwistjoni ma jkunux parti minn kwalunkwe unità tal-familja. L-IPREM huwa indiċi li jiġi ffissat kull sena u jintuża sabiex jiddetermina l-ammont ta’ ċerti benefiċċji jew il-livell limitu għall-aċċess għal ċerti benefiċċji, intitolamenti jew servizzi pubbliċi;
  • darbtejn u nofs aktar mill-IPREM fis-seħħ fil-mument li ssir it-talba, meta l-persuni inkwistjoni jkunu parti minn kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ unità tal-familja b’inqas minn erba’ membri;
  • tliet darbiet aktar mill-IPREM meta l-unitajiet tal-familja inkwistjoni jkunu fformati minn erba’ membri jew aktar.

L-IPREM annwali għall-2016 huwa ta’ EUR 6 390.13.

Jekk tingħata għajnuna legali, ma jkollokx bżonn tħallas l-ispejjeż li ġejjin:

  1. l-ispejjeż għall-pariri legali preliminari;
  2. il-miżati tal-avukat u tar-rappreżentant tal-qorti (procurador);
  3. l-ispejjeż li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-ġurnali uffiċjali;
  4. id-depożiti meħtieġa sabiex jitressqu ċerti appelli;
  5. il-ħlasijiet għall-esperti;
  6. inti tibbenifika minn tnaqqis ta’ 80% fuq l-ammont għall-atti notarili u ċ-ċertifikazzjonijiet mir-reġistri tal-artijiet u tal-kummerċ.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

B’mod ġenerali, jekk bħala vittma ta’ reat tkun ħadt sehem fil-proċedimenti, inti jkollok id-dritt li tiġi rrimborżat għall-ispejjeż meħtieġa sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek u għall-ispejjeż legali mġarrba bi preferenza għall-ħlas tal-ispejjeż li jkunu ġew imġarrba għall-Istat.

Għaldaqstant, il-ħlas għandu jiġi impost fis-sentenza u, barra minn hekk, il-persuna akkużata għandha tkun ġiet ikkundannata, fuq talba tiegħek bħala l-vittma, għal reati li għalihom il-prosekutur pubbliku ma jkun għamel ebda akkuża, jew inkella tkun ġiet ikkundannata wara li d-deċiżjoni li tingħalaq il-kawża tkun ġiet irrevokata minħabba appell ippreżentat minnek bħala l-vittma.

Is-servizzi ta’ assistenza u appoġġ u, b’mod partikolari, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, jipprovdulek informazzjoni dwar il-każijiet li fihom tista’ tiġi rrimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel immur il-qorti?

Jekk inti vittma u ma dehertx fil-proċedimenti u l-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jirtira l-akkużi kontra t-trasgressur, l-imħallef jista’ jinformak b’dan u jistiednek tressaq azzjoni u ssir prosekutur privat fi żmien 15-il jum. Fil-każ ta’ proċedura rapida, l-imħallef huwa obbligat li jinformak u jistiednek.

Jekk il-prosekutur pubbliku jressaq akkużi kontra t-trasgressur, bħala vittma ma tista’ tagħmel xejn biex ittemm il-proċedimenti, ħlief f’reati privati.

Jekk tkun diġà dehert fil-proċedimenti u inti prosekutur privat, tista’ titlob il-ftuħ tal-proċedimenti orali u tressaq akkużi kontra t-trasgressur. Jekk l-imħallef investigattiv jiddeċiedi li jtemm il-proċedimenti, jiġifieri jwaqqa’ l-kawża, inti tista’ tappella.

Jekk il-prosekutur pubbliku jressaq akkużi kontra t-trasgressur, tista’ titlob sabiex il-kawża titwaqqa’ u tirtira mir-rwol tiegħek bħala prosekutur privat. Madankollu, il-prosekutur pubbliku jista’ jkompli bil-kawża, jekk jiddeċiedi hekk.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Fl-ewwel dehra tiegħek fil-qorti, l-avukat jinformak bid-drittijiet tiegħek fil-proċedimenti kriminali bħala vittma u joffrilek il-possibbiltà li tidħol fil-proċedimenti bħala parti privata, billi juża lingwaġġ ċar, sempliċi u li jinftiehem, filwaqt li jqis il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tiegħek.

Bħala vittma ta’ reat, fil-proċedimenti kriminali inti intitolat(a) għal dawn li ġejjin:

  • li tressaq azzjonijiet ċivili u kriminali skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ;
  • li tidher quddiem l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex tipprovdilhom sorsi ta’ evidenza u informazzjoni rilevanti bil-għan li jiġu ċċarati l-fatti.

Barra minn hekk, f’din id-dehra inizjali tiġi mistoqsi jekk tixtieqx tirċievi l-komunikazzjonijiet jew in-notifiki stabbiliti bil-liġi, f’liema każ trid tipprovdi indirizz tal-posta elettronika jew, fin-nuqqas ta’ dan, indirizz tad-dar jew indirizz postali.

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċedimenti orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Il-prosekutur pubbliku, il-prosekutur privat, jekk ikun hemm wieħed, u l-avukat tad-difiża jħejju l-akkuża. Dan id-dokument jinkludi l-klassifikazzjoni tar-reat u l-piena rrakkomandata minn dawn il-persuni. Fil-prattika, kull parti għandha ħamest ijiem sabiex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha bil-miktub.

Ġeneralment, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk ikun hemm aktar minn vittma waħda, dawn ikunu jistgħu jidhru separatament, għalkemm l-imħallef jista’ jitlobhom jinġabru f’difiża waħda jew f’diversi difiżi. L-assoċjazzjonijiet tal-vittmi jkunu jistgħu jidhru wkoll fil-proċedimenti kriminali, diment li jkollhom il-permess tiegħek bħala l-vittma tar-reat.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku, inklużi dawn li ġejjin:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala parti mill-proċedimenti kriminali, inti tista’ tressaq azzjoni ċivili (parti ċivili) jekk titlob ir-restituzzjoni ta’ proprjetà, li jsir tajjeb għad-dannu jew il-kumpens għad-danni, kemm materjali kif ukoll le, ikkawżati mir-reat. F’dan il-każ, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

F’każ li jiġi deċiż li tingħalaq l-investigazzjoni, id-deċiżjoni li titwaqqa’ l-kawża tiġi kkomunikata lill-vittmi diretti tar-reat li rrapportaw l-atti, kif ukoll lill-vittmi diretti l-oħrajn li l-identitajiet u l-postijiet tar-residenza tagħhom ikunu magħrufa. F’każijiet ta’ mewt jew għajbien ta’ persuna bħala riżultat dirett ta’ reat, id-deċiżjoni tiġi kkomunikata lill-vittmi indiretti tar-reat.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Bħala vittma ta’ reat, fil-proċedimenti kriminali inti intitolat(a) għal dawn li ġejjin:

  • li tressaq azzjonijiet ċivili u kriminali skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ;
  • li tidher quddiem l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex tipprovdilhom sorsi ta’ evidenza u informazzjoni rilevanti bil-għan li jiġu ċċarati l-fatti.

Ir-rwoli differenti li tista’ twettaq fis-sistema ġudizzjarja huma:

  • vittma diretta jew indiretta: skont ir-reat irrapportat jew, f’każ li jintalab aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u assistenza għall-vittmi, mingħajr ma tkun irrapportajt ir-reat qabel, minħabba li l-aċċess għal dawn is-servizzi mhuwiex dipendenti fuq is-sottomissjoni ta’ rapport;
  • xhud: jekk ikun hemm rapport. L-involviment tiegħek fil-proċedimenti jseħħ ladarba tirċievi ċ-ċitazzjoni;
  • prosekutur privat: jekk tiddeċiedi li tidher fil-proċedimenti kriminali bħala prosekutur privat,, f’każ li tressaq azzjoni kontra t-trasgressur (reati semi-pubbliċi u reati privati) u qabel ma titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel ma jibda l-proċediment orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra minorenni;
  • parti ċivili: b’mod ġenerali, jekk tiddeċiedi li tressaq kawża ċivili bħala parti mill-proċedimenti kriminali, jiġifieri titlob ir-restituzzjoni ta’ proprjetà, li jsir tajjeb għad-dannu jew il-kumpens għad-danni, kemm materjali kif ukoll le, ikkawżati mir-reat.

B’mod ġenerali, trid tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

B’mod ġenerali, bħala vittma, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali u matul l-attività tas-servizzi ta’ assistenza u appoġġ ipprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż qabel ma tirrapporta r-reat, għandek id-dritt li tirċievi protezzjoni, informazzjoni, appoġġ, assistenza u kura.

Inti tista’ titlob lill-awtoritajiet jew lill-uffiċjali li tikkuntattja fil-bidu sabiex jirreferuk għall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, fejn huma jassistuk mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali, anki jekk qabel ma tkunx irrapportajt ir-reat.

Tista’ wkoll tkun akkumpanjat(a) minn persuna tal-għażla tiegħek mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali.

Barra minn hekk, bħala vittma għandek id-dritt li tifhem u tinftiehem fi kwalunkwe azzjoni li għandha titwettaq ladarba r-reat ikun ġie rrapportat, inkluża l-informazzjoni qabel ma jiġi ppreżentat ir-rapport. Tiġi pprovduta interpretazzjoni f’lingwi tas-sinjali rikonoxxuti legalment, kif ukoll mezzi ta’ appoġġ għal komunikazzjoni orali f’każijiet fejn meħtieġa.

Il-komunikazzjonijiet kollha magħmula, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, għandhom isiru b’lingwaġġ ċar, sempliċi u aċċessibbli u jqisu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet personali tiegħek, speċjalment jekk għandek xi diżabilità sensorja, intellettwali jew mentali jew jekk int minorenni.

Bħala vittma, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni primarjament rigward dawn li ġejjin:

  • il-miżuri ta’ assistenza u appoġġ disponibbli, kemm jekk dawn ikunu mediċi, psikoloġiċi jew materjali, u l-proċedura sabiex jinkisbu. Fejn xieraq, dawn il-miżuri jinkludu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva;
  • id-dritt li tirrapporta r-reat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan u d-dritt li tipprovdi evidenza lill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni;
  • il-proċedura sabiex jinkisbu pariri u difiża legali u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas;
  • il-possibbiltà li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan;
  • il-kumpens li għalih tista’ tkun intitolat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titolbu;
  • is-servizzi ta’ interpretar u traduzzjoni disponibbli;
  • l-għajnuna awżiljarja u s-servizzi għall-komunikazzjoni disponibbli;
  • il-proċedura li permezz tagħha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek jekk tkun tgħix barra minn Spanja;
  • appelli li tista’ tressaq kontra kwalunkwe deċiżjoni li tqis li hija inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità inkarigata mill-immaniġġjar tal-proċedura u l-mezzi sabiex tikkomunika magħha;
  • is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli;
  • il-każijiet li fihom tista’ tiġi rimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom;
  • id-dritt li tagħmel talba sabiex tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet fil-proċedimenti bħal, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali, is-sentenza finali fil-proċedimenti, eċċ.

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċess orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku, inklużi dawn li ġejjin:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala xhud, inti għandek id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva, iżda ma għandekx il-possibbiltà ta’ traduzzjoni tad-dokumenti. Minkejja l-fatt li ġeneralment ikun diffiċli li tevita l-kuntatt wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata u l-bini tal-qorti ġeneralment ma jkollux kmamar ta’ stennija differenti għax-xhieda, jekk inti kont vittma ta’ attakk sesswali tista’:

  • tibbenifika minn skrin fl-awla tal-qorti, jew
  • tixhed permezz ta’ konferenza bil-vidjo.

Jekk ser tixhed u tinsab fil-periklu, il-president tal-qorti jista’ jordna seduta ta’ smigħ privata sabiex jipproteġi l-moralità, l-ordni pubbliku u lilek innifsek bħala vittma u/jew il-familja tiegħek. Bħala prosekutur privat, tista’ titlob li ssir seduta ta’ smigħ privata.

Jekk tiġi mħarrek sabiex tixhed u l-imħallef jara li tinsab f’riskju serju jew li l-libertà, il-proprjetà jew il-familja tiegħek qegħdin f’riskju, huwa jista’ jieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

  • jipproteġi l-identità, l-indirizz, il-professjoni jew il-post tax-xogħol tiegħek, billi ma jużax din l-informazzjoni fil-proċedimenti;
  • ma jħallikx tidher fil-qorti u jistabbilixxi l-qorti bħala l-indirizz għan-notifiki;
  • jipprevjeni l-immaġini tiegħek milli tiġi rrekordjata bl-użu ta’ kwalunkwe mezz;
  • jordna l-protezzjoni tal-pulizija matul u wara l-proċedimenti;
  • jipprovdilek trasport lejn il-qorti f’karozzi uffiċjali;
  • fil-qorti, ipoġġik f’kamra ta’ stennija mgħassa mill-pulizija;
  • f’ċirkostanzi speċjali, jipprovdilek identità ġdida u għajnuna finanzjarja sabiex tkun tista’ tbiddel il-post, ir-residenza u l-impjieg tiegħek.

Jekk inti persuna minorenni li tagħmel stqarrija, il-kuntatt bl-għajnejn bejnek u l-persuna akkużata għandu jiġi evitat bl-użu ta’ kwalunkwe mezz tekniku possibbli. Il-konfrontazzjonijiet huma wkoll ristretti. Jekk ikollok xi kunflitt ta’ interess mar-rappreżentanti legali tiegħek li ma jagħmilhiex possibbli li tkun kunfidenti li l-interessi tiegħek ser jiġu ġestiti b’mod adegwat fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali, jew il-kunflitt ikun ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħek u l-ġenitur l-ieħor ma jkunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod adegwat sabiex jirrappreżentak jew jgħinek, fost każijiet oħrajn, il-prosekutur pubbliku jitlob lill-imħallef jew lill-qorti sabiex jaħtru kustodju ad litem għalik, li jkollu d-dmir li jirrappreżentak fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti persuna barranija, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-pulizija jistgħu joffrulek formola bil-lingwa tiegħek sabiex tirrapporta r-reat, kif ukoll aċċess għal interpretu bit-telefon jew personalment. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu li jiġi kkoordinat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Jekk tkun tixtieq tressaq azzjoni ċivili fil-proċedimenti kriminali (parti ċivili), inti trid tidher ma’ avukat u rappreżentant tal-qorti fil-ħin li toffri l-possibbiltà li tidħol fil-proċedimenti bħala parti privata u dejjem qabel jiġi kklassifikat ir-reat. F’dan il-każ, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk tikseb kwalunkwe sussidju jew għajnuna abbażi tal-istatus tiegħek bħala vittma u inti kont is-suġġett ta’ kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni prevista mil-liġi, inti għandek l-obbligu li tirrimborża s-sussidju jew l-għajnuna, fil-każijiet ta’ kundanna għal rapport falz ta’ reat jew simulazzjoni tar-reat, kif ukoll l-obbligu li tħallas l-ispejjeż imġarrba għall-amministrazzjoni għall-azzjonijiet ta’ rikonoxximent, protezzjoni u appoġġ u għas-servizzi pprovduti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligazzjoni ċivili jew kriminali oħra li tista’ tapplika.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek.

Waqt li tkun qed tieħu sehem fil-proċedimenti, tista’ tkompli tibbenifika mis-servizzi tal-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċedimenti orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala xhud, inti għandek id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva, iżda ma għandekx il-possibbiltà ta’ traduzzjoni tad-dokumenti. Minkejja l-fatt li ġeneralment ikun diffiċli li tevita li tiġi wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata u l-bini tal-qorti ġeneralment ma jkollux kmamar ta’ stennija differenti għax-xhieda, jekk inti kont vittma ta’ attakk sesswali tista’:

  • tibbenifika minn skrin fl-awla tal-qorti, jew
  • tixhed permezz ta’ vidjokonferenza.

Jekk ser tixhed u tinsab fil-periklu, il-president tal-qorti jista’ jordna seduta ta’ smigħ privata sabiex jipproteġi l-moralità, l-ordni pubbliku u lilek innifsek bħala vittma u/jew il-familja tiegħek. Bħala prosekutur privat, tista’ titlob li ssir seduta ta’ smigħ privata.

Jekk tiġi mħarrek sabiex tixhed u l-imħallef jara li tinsab f’riskju serju jew li l-libertà, il-proprjetà jew il-familja tiegħek qegħdin f’riskju, huwa jista’ jieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

  • jipproteġi l-identità, l-indirizz, il-professjoni jew il-post tax-xogħol tiegħek, billi ma jużax din l-informazzjoni fil-proċedimenti;
  • ma jħallikx tidher fil-qorti, billi jistabbilixxi l-qorti bħala l-indirizz għan-notifiki;
  • jipprevjeni l-immaġini tiegħek milli tiġi rrekordjata bl-użu ta’ kwalunkwe mezz;
  • jordna l-protezzjoni tal-pulizija matul u wara l-proċedimenti;
  • jipprovdilek trasport lejn il-qorti f’karozzi uffiċjali;
  • fil-qorti, ipoġġik f’kamra ta’ stennija mgħassa mill-pulizija;
  • f’ċirkostanzi speċjali, jipprovdilek identità ġdida u għajnuna finanzjarja sabiex tkun tista’ tbiddel il-post, ir-residenza u l-impjieg tiegħek.

Jekk inti persuna minorenni li tagħmel stqarrija, il-kuntatt wiċċ imb wiċċ bejnek u l-persuna akkużata għandu jiġi evitat bl-użu ta’ kwalunkwe mezz tekniku possibbli. Il-konfrontazzjonijiet huma wkoll ristretti. Jekk ikollok xi kunflitt ta’ interess mar-rappreżentanti legali tiegħek li ma jagħmilhiex possibbli li tkun kunfidenti li l-interessi tiegħek ser jiġu ġestiti b’mod adegwat fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali, jew il-kunflitt ikun ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħek u l-ġenitur l-ieħor ma jkunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod adegwat sabiex jirrappreżentak jew jgħinek, fost każijiet oħrajn, il-prosekutur pubbliku jitlob lill-imħallef jew lill-qorti sabiex jaħtru kustodju ad litem għalik, li jkollu d-dmir li jirrappreżentak fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti persuna barranija, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu li jiġi kkoordinat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Inti għandek id-dritt – jekk tkun għamilt it-talba rilevanti – li tirċievi informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur, kif ukoll li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni personali jew li jiġu emendati dawk diġà miftiehma, meta jkunu fis-seħħ sabiex jiżguraw is-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek bħala vittma fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw fl-ambjent tal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

Meta titlob li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, inti trid tindika indirizz tal-posta elettronika jew, inkella, indirizz postali jew tad-dar, fejn ikunu jistgħu jintbagħtu l-komunikazzjonijiet u n-notifiki mill-awtorità.

B’mod eċċezzjonali, jekk ma jkollokx indirizz tal-posta elettronika, dawn jintbagħtu permezz tal-posta ordinarja fl-indirizz ipprovdut minnek.

Jekk inti ċittadin li tirrisjedi barra l-Unjoni Ewropea u ma għandekx indirizz tal-posta elettronika jew indirizz postali fejn jistgħu jintbagħtu l-komunikazzjonijiet, dawn jintbagħtu lill-uffiċċju konsulari jew diplomatiku Spanjol fil-pajjiż tar-residenza tiegħek għall-pubblikazzjoni.

In-notifiki li tista’ tirċievi jinkludu, bħala minimu, id-dispożizzjonijiet operattivi tad-deċiżjoni u l-bażi ġuridika tagħha.

Jekk bħala vittma tkun dehert formalment fil-proċedimenti, id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lir-rappreżentant tal-qorti tiegħek u jiġu wkoll ikkomunikati lilek fl-indirizz tal-posta elettronika pprovdut minnek.

Fi kwalunkwe ħin, tista’ tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tiġix informat bid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq u t-talba li tkun għamilt imbagħad ma tibqax operattiva.

Jekk tkun tlabt li tiġi riferut għal Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew qed tirċievi assistenza minn wieħed minn dawn l-Uffiċċji, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli mill-immaniġġjar tal-proċedura u l-mezzi għall-komunikazzjoni ma’ din l-awtorità, kif ukoll informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-aggressur u l-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda, mingħajr ma jkollok bżonn titlob għal dan. Inti tista’, fi kwalunkwe ħin, tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċevix l-informazzjoni.

Ser inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża.

L-attivitajiet ta’ kuljum tal-avukati jinkludu l-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni legali, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-klijent tagħhom ma jkunx parti fil-proċediment.

Skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-partijiet li jidhru jistgħu jiġu informati bil-proċedimenti u jipparteċipaw fil-formalitajiet proċedurali kollha.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.