Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

X’inhi l-proċedura biex jintalab kumpens għad-danni mill-awtur tar-reat? (pereżempju kawża fil-qorti, kawża ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Id-danni jistgħu jintalbu mingħand awtur ta’ reat fi proċedimenti kriminali jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali fil-verbal tas-seduta jew permezz tas-sottomissjoni ta’ talba speċjali bil-miktub. Parti ċivili li hi intitolata skont il-liġi li titlob id-danni mingħand l-awtur ta’ reat għal telf ikkawżat mir-reat kriminali mwettaq kontriha tkun intitolata wkoll li titlob lill-qorti biex din tordna lill-konvenut iħallas għad-danni bħala parti mill-kundanna; Il-parti ċivili jeħtiġilha tagħmel talba bħal din sa mhux aktar tard minn tmiem l-investigazzjoni jew l-investigazzjoni sommarja. It-talba trid tiddikjara b’mod ċar ir-raġunijiet għall-pretensjoni u l-ammont tad-danni mitluba. Il-parti ċivili tiġi avżata dwar id-dritt għal kumpens u l-proċedura biex teżerċita dak id-dritt matul is-seduta.

Jekk ikun hemm tħassib raġonevoli li l-issodisfar tal-pretensjoni tal-vittma għall-kumpens għat-telf ikkawżat mir-reat se jkun imxekkel jew impedit, il-pretensjoni sal-ammont probabbli tat-telf tista’ tiġi ggarantita kontra assi jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn tal-konvenut. Deċiżjoni dwar l-konfiska tal-assi mill-qorti abbażi tal-petizzjoni mressqa mill-prosekutur jew mill-parti ċivili; fi proċediment li jippreċedu l-proċess kriminali, il-prosekutur jista’ jiżgura l-pretensjoni mingħajr petizzjoni mill-parti ċivili jekk il-protezzjoni tal-interessi tal-parti ċivili titlob li jsir dan, speċjalment jekk hemm ir-riskju li jkun hemm dewmien.

Il-qorti ordnat lill-awtur tar-reat biex iħallas danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li l-awtur tar-reat iħallas?

Jekk l-awtur ta’ reat jonqos milli jissodisfa l-obbligi kif ordnati mill-qorti fil-proċedimenti kriminali minn jeddu, inti tirċievi titolu eżekuttiv ladarba d-deċiżjoni tal-qorti ssir eżegwibbli, li fuq il-bażi tiegħu tkun tista’ teżegwixxi s-sentenza kontra l-awtur ta’ reat bis-saħħa ta’ proċedimenti ta’ rkupru furzat. F’każijiet bħal dawn, tista’ titlob għajnuna legali mingħand avukat.

Jekk l-awtur tar-reat ma jħallasx, l-istat jista’ jagħtini avvanz fuq il-ħlas? B’liema kundizzjonijiet?

Le.

Jiena intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Jekk inti vittma ta’ reat kriminali vjolenti, tista’ tapplika għal kumpens. Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jiddeċiedi dwar l-benefiċċju ta' kumpens u jħallsu abbażi ta’ talba bil-miktub. It-talba trid titressaq bl-użu ta’ formola provduta fuq is-sit web tal-Ministeru. It-talba tista’ tkun preżentata ladarba l-prosekuzzjoni kriminali tkun bdiet, iżda mhux wara sena mid-data li fiha s-sentenza jew id-digriet kriminali jsir finali.

Jekk qorti kriminali rreferietek bil-pretensjoni tiegħek għall-kumpens għad-danni li rriżultaw minn offiża fuq il-persuna għal proċeduri ta' qorti ċivili jew proċedimenti quddiem korp ieħor, it-talba għandha titressaq lill-Ministeru fi żmien sena mid-data li fiha d-deċiżjoni dwar il-pretensjoni tiegħek fil-proċeduri ta' qorti ċivili jew proċedimenti quddiem korp ieħor issir finali. Meta jiskadi dan il-perjodu, id-dritt għal kumpens skont l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità jiskadi.

Il-perjodi ta’ hawn fuq ma jgħoddux matul il-proċedimenti quddiem il-korp kompetenti, speċjalment matul il-proċedimenti ċivili u l-proċedimenti ta’ infurzar li fihom inti titlob kumpens għal dannu fuq il-persuna direttament mill-persuna li kkawżatlek il-ħsara.

Il-Ministeru huwa meħtieġ jiddeċiedi dwar it-talba tiegħek fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla ta’ talba kompluta. Dan il-perjodu se jiġi estiż biż-żmien li jgħaddi bejn it-talba għal kooperazzjoni jew għad-dokumenti neċessarji għad-deċiżjoni u l-forniment tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi, il-qrati, awtoritajiet nazzjonali oħra, unitajiet territorjali ogħla, muniċipalitajiet u persuni oħra.

Jien intitolat għal kumpens jekk l-awtur tar-reat ma jiġix ikkundannat?

Jekk il-konvenut jiġi liberat, il-qorti tirreferik bil-pretensjoni tiegħek għal proċeduri ta’ qorti ċivili jew proċedimenti quddiem korp ieħor.

Jekk inti vittma ta’ reat vjolenti u l-konvenut ġie liberat minħabba li ma kienx kriminalment responsabbli għal raġunijiet ta’ insanità jew għax kien taħt l-età, u ma ġejtx ikkumpensat għall-offiża fuq il-persuna b’xi mod ieħor, int intitolat għal kumpens skont l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità.

Jien intitolat għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba għall-kumpens tiegħi?

Le.

L-aħħar aġġornament: 27/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.