Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ ir-reat kriminali (pereż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda qabel ma nirrapporta r-reat kriminali?

Jekk kont vittma ta’ reat, għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni, li għandha tiġi pprovduta mill-persuna li inti tiġi f’kuntatt magħha l-ewwel. Normalment, dan ikun l-ewwel uffiċjal tal-pulizija, prosekutur, tabib jew entità li tipprovdi assistenza lill-vittmi tal-kriminalità.

Matul l-ewwel kuntatt, il-pulizija / il-prosekutur huma meħtieġa jipprovduk b’mod partikolari informazzjoni dwar:

  • il-proċeduri relatati mal-preżentazzjoni ta’ lment kriminali, u d-drittijiet u l-obbligi tal-vittma / il-parti ċivili fi proċedimenti kriminali (bħad-dritt li tkun akkumpanjata minn persuna ta’ fiduċja, il-ħatra ta’ rappreżentant awtorizzat, u l-possibbiltajiet għan-notifika ta’ dokumenti u l-aċċess għall-fajl);
  • l-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità (dettalji ta’ kuntatt, informazzjoni dwar il-forma ta’ assistenza li jipprovdu); • il-possibiltajiet dwar il-forniment tal-kura medika meħtieġa;
  • l-aċċess għall-għajnuna legali;
  • il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni jekk ikun hemm theddida ta’ periklu għall-ħajja jew għas-saħħa, jew theddida ta’ periklu ta’ ħsara sinifikanti għall-proprjetà (pereż. il-possibbiltà li l-awtur tar-reat jitkeċċa mill-unità domestika, id-dritt li talba għad-danni tiġi ggarantita sal-ammont probabbli tad-danni kontra l-proprjetà tal-persuna akkużata);
  • id-dritt għas-servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni;
  • il-miżuri biex tipproteġi l-interessi tiegħek li tista’ titlob jekk tgħix fi Stat Membru ieħor tal-UE;
  • il-proċeduri biex tfittex rimedju jekk id-drittijiet tiegħek jinkisru mill-pulizija u / jew l-uffiċċju tal-prosekutur;
  • id-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni dwar il-każ li fih inti vittma tiegħu;
  • il-proċeduri relatati mat-talba għal kumpens għal dannu;
  • il-proċeduri għall-medjazzjoni fi proċedimenti kriminali;
  • il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ soluzzjoni amikevoli;
  • il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għar-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali.

Fuq talba, il-pulizija jew l-uffiċċju tal-prosekutur jgħinuk tikkuntattja entità li tipprovdi assistenza lill-vittmi tal-kriminalità li tkompli tindirizza l-ħtiġijiet tiegħek.

Jekk l-ewwel tfittex assistenza medika, il-persunal tal-istituzzjoni tal-kura tas-saħħa huwa meħtieġ jagħtik id-dettalji ta’ kuntatt tal-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi.

L-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar:

  • il-forma u l-ambitu tal-assistenza esperta u sa fejn tingħata mingħajr ħlas;
  • id-dettalji ta’ kuntatt ta’ entitajiet oħra li jistgħu jgħinuk f’każ li l-entitajiet imsemmija hawn fuq ma jkunux jistgħu jipprovdu l-assistenza esperta li teħtieġ;
  • id-drittijiet tal-vittma, inkluż id-dritt għal kumpens;
  • id-drittijiet li għandek jekk inti fil-pożizzjoni tal-parti ċivili jew ta’ xhud fi proċedimenti kriminali;
  • kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u u mhux tal-UE). Kif inhuma mħarsa d-drittijiet tiegħi?

Jekk kont vittma ta’ reat fi Stat Membru ieħor tal-UE u, fil-każ ta’ reat serju, ma stajtx jew ma xtaqtx tressaq ilment kriminali fl-Istat Membru fejn twettaq ir-reat, tista’ tirrapportah lill-pulizija / prosekutur fis-Slovakkja. Ir-raġuni għaliex ma stajtx jew ma riditx tagħmel ilment kriminali f’pajjiż ieħor - kemm jekk għal raġunijiet ta’ żmien, distanza, nuqqas ta’ għarfien fil-lingwa lokali, biża’ għal familtek, jew oħrajn - mhijiex rilevanti. Jekk il-prosekutur pubbliku / il-pulizija jsibu li ma għandhomx il-kompetenza li jittrattaw il-każ, huma jgħaddu l-ilment mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-UE li fit-territorju tiegħu jkun twettaq ir-reat.

L-awtoritajiet kompetenti se jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimminimizzaw id-diffikultajiet li tiffaċċja bħala vittma ta’ reat, speċjalment fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedimenti. Dan ifisser, pereżempju, li tista’ tinstema’ bħala xhud permezz ta’ telefonata bil-vidjo jew bit-telefown.

Jekk kont vittma ta’ reat vjolenti, tista’ titlob kumpens kemm fl-Istat Membru fejn twettaq ir-reat kif ukoll fis-Slovakkja; fil-każ tal-aħħar, dan isir billi jsir rikors quddiem il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

B’mod partikolari, il-pulizija tinfurmak dwar l-eżitu tal-ilment kriminali tiegħek. Bħala regola, il-pulizija tiddeċiedi f’wieħed mill-modi li ġejjin fi żmien 30 jum:

  • hija tiċħad l-ilment u twaqqaf il-proċedimenti kriminali.
    Il-pulizija tiddeċiedi b’dan il-mod jekk l-att imwettaq ma jistax jiġi kklassifikat bħala reat kriminali jew reat amministrattiv.
  • hija tirreferi l-ilment lill-awtorità kompetenti.
    Jekk l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali u l-pulizija tissuspetta li dan jista’ jikkostitwixxi reat amministrattiv jew ksur amministrattiv ieħor, il-pulizija tgħaddi l-ilment lill-awtorità kompetenti. L-awtorità rilevanti mbagħad terġa’ teżamina l-ilment u, jekk ikun hemm raġunijiet suffiċjenti, tibda proċedimenti amministrattivi.
  • hija tiċħad l-ilment kriminali.
    Dan jikkonċerna prinċipalment każijiet fejn it-trasgressur ikun miet, ma jkunx kriminalment responsabbli minħabba li jkun taħt l-età (jiġifieri ma kellux mill-inqas 14-il sena fiż-żmien meta twettaq l-att) jew ma jkunx ingħata l-kunsens tal-vittma għall-proċedimenti kriminali.
  • hija tibda bil-prosekuzzjoni kriminali.
    Jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni biex l-ilment jiġi miċħud jew riferut jew imwarrab, il-pulizija tibda bil-prosekuzzjoni kriminali.

Il-pulizija hija meħtieġa li tinnotifikak bid-deċiżjoni tagħha. Din id-deċiżjoni hija indikata bħala ordni (uznesenie) u tiġi nnotifikata fl-indirizz li indikajt fl-ilment kriminali tiegħek. Jekk il-prosekuzzjoni kriminali tinbeda abbażi tal-ilment tiegħek, inti bħala l-persuna li rrapportat ir-reat tinżamm infurmat(a) dwar l-istadji individwali tiegħu (jiġifieri t-tressiq ta’ akkużi kriminali kontra persuna speċifika, l-estensjoni tal-akkużi, ir-riferiment tal-każ lil korp ieħor, it-twaqqif, it-twaqqif kondizzjonali jew is-sospensjoni tal-prosekuzzjoni kriminali).

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Għandek id-dritt li titlob interpretu; l-interpretu jiġi pprovdut imbagħad mill-pulizija. Ma tridx tħallas it-tariffa tal-interpretu; din hija koperta mill-istat. Għandek ukoll id-dritt li d-deċiżjonijiet essenzjali jiġu tradotti jew interpretati f’lingwa li tifhem.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li jien qed niġi mifhum (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabbiltà)

Fil-komunikazzjoni tagħhom miegħek, il-pulizija / il-prosekutur iqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħek (bħall-età, is-sess, id-diżabbiltà jew il-maturità mentali tiegħek). L-għan huwa li jiġi żgurat li inti, bħala vittma, tirċievi biżżejjed informazzjoni f’forma li tista’ tifhem biex tkun tista’ taċċessa bis-sħiħ id-drittijiet tiegħek u biex jiġi żgurat li tħossok ittrattat b’mod rispettuż.

Persuni partikolarment vulnerabbli, inklużi minorenni u persuni b’diżabbiltà, għandhom jiġu interrogati b’mod li jiżgura li l-interrogatorju ma jkollux għalfejn jiġi ripetut aktar tard fil-proċedimenti. Għal din ir-raġuni, id-dikjarazzjonijiet tagħhom jiġu rreġistrati bil-kamera. Qabel ma tieħu d-dikjarazzjoni tax-xhieda, il-pulizija tikkonsulta psikologu jew espert li jattendi għall-interrogatorju dwar kif se jsir l-interrogatorju sabiex jiġi żgurat li dan isir b’mod korrett.

Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

L-appoġġ għall-vittmi huwa żgurat minn entitajiet irreġistrati fir-reġistru ta’ entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità, li huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka, jew, fejn xieraq, minn ċentri ta’ intervent għall-vittmi ta’ vjolenza domestika. Dawn jipprovdulek kemm assistenza psikoloġika kif ukoll pariri legali. Se tiġi assistita minn persunal imħarreġ professjonalment li jgħinek fi kwistjonijiet legali jew jipprovdilek appoġġ psikoloġiku. Jekk ikun hemm bżonn, jgħinuk issib akkomodazzjoni ta’ emerġenza, tikkuntattja lill-familja tiegħek jew tikseb il-flus.

Il-pulizija jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Matul l-ewwel kuntatt, il-pulizija tinfurmak dwar l-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità, tgħidlek kif tikkuntattjahom u tispjega liema forma ta’ assistenza tipprovdi. Jekk titlob dan, il-pulizija tgħinek tikkuntattjahom.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiżguraw li ma jiżvelawx data personali protetta jew fatti ta’ natura privata, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħajja tal-familja tiegħek, l-indirizz tad-dar u l-korrispondenza mhux direttament relatati mar-reat. Huma jagħtu attenzjoni partikolari lill-interessi tat-tfal, tal-minorenni u tal-partijiet ċivili, li d-data personali tagħhom ma tiġix żvelata.

Jekk tressaq ilment kriminali, tista’ titlob lill-uffiċjal tal-pulizija biex ma jindikax l-informazzjoni personali tiegħek fl-ilment.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Għandek id-dritt li tirċievi appoġġ irrispettivament minn jekk tressaqx ilment kriminali jew le.

Protezzjoni personali jekk ninsab fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

L-awtoritajiet kompetenti għandhom diversi miżuri għad-dispożizzjoni tagħhom biex jipproteġu lill-vittma. Dawn il-miżuri jvarjaw ukoll fir-rigward tal-istadju tal-proċedimenti. Il-parteċipazzjoni tiegħek f’tali miżuri għandha tkun volontarja u għandek tkun infurmat biżżejjed dwar ir-riskji u l-benefiċċji biex tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata.

Jekk tgħix mal-awtur tar-reat f’unità domestika komuni, il-pulizija tista’ tkeċċi lit-trasgressur mill-unità domestika għal perjodu ta’ ġimagħtejn minnufih wara li ċċempel lill-pulizija u/jew tressaq ilment kriminali. F’każ bħal dan, it-trasgressur huwa pprojbit milli jidħol fl-appartament jew fid-dar komuni tiegħek. Il-pulizija mbagħad tinfurmak bil-possibbiltà li titlob inġunzjoni tal-qorti (neodkladné opatrenie) li tipprojbixxi l-aċċess għall-unità domestika komuni wkoll għal perjodu itwal ta’ żmien. Rikors għal inġunzjoni tal-qorti jista’ jkun indirizzat ukoll kontra trasgressur li ma jgħix miegħek fl-istess dar. Il-Qorti tista’ tipprojbixxi lit-trasgressur milli javviċina d-dar, il-post tax-xogħol jew il-postijiet fejn normalment toqgħod, jew milli jikkuntattjak bi kwalunkwe mod.

Għandek ukoll id-dritt li tiddeċiedi jekk tixtieqx tiġi infurmat f’każ li t-trasgressur jinħeles jew jaħrab minn faċilità ta’ detenzjoni. L-informazzjoni dwar dawn il-fatti sservi, b’mod partikolari, biex tipproteġik jekk it-trasgressur jipprova jikkuntattjak (eż. it-trasgressur ikun persuna mill-qrib jew membru tal-familja). Tista’ tbiddel din id-deċiżjoni fi kwalunkwe ħin u tiġi kkunsidrata mill-pulizija, mill-prosekutur u mill-qorti. Madankollu, jekk tkun f’riskju, jew ħajtek jew saħħtek tkun fil-periklu, tiġi infurmat mill-pulizija/prosekutur/qorti dwar ir-rilaxx jew il-ħarba anki jekk ma tkunx tlabt tali informazzjoni.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-protezzjoni tiġi pprovduta mill-pulizija; matul is-seduti tal-qrati, din tiġi żgurata mill-qorti.

Hemm xi ħadd biex jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar dannu mit-trasgressur?

Il-pulizija, il-prosekutur, il-qorti, iżda wkoll entità li tipprovdi assistenza lill-vittmi tal-kriminalità se jivvalutaw il-każ tiegħek fuq bażi individwali biex jistabbilixxu jekk intix vittma partikolarment vulnerabbli. Huma jeżaminaw jekk it-trasgressur għadux ta’ theddida għalik u jekk intix f’riskju ta’ vittimizzazzjoni ripetuta. Jekk isibu li t-trasgressur beħsiebu jintimidak, jheddek, jieħu vendetta jew b’xi mod jaffettwa l-integrità psikoloġika jew fiżika tiegħek, l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa.

Xi ħadd jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ dannu ulterjuri mis-sistema ta’ ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Bħala vittma, għandek id-dritt għall-protezzjoni minn vittimizzazzjoni sekondarja. Dan ifisser li kwalunkwe dannu li ġġarrab mhux bħala konsegwenza diretta tar-reat innifsu, iżda bħala riżultat tal-imġiba tal-individwi jew tal-istituzzjonijiet li kont f’kuntatt magħhom wara r-reat. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, imġiba mhux sensittiva min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, in-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom fl-iżgurar tal-protezzjoni tiegħek, jew pubbliċità insensittiva tal-każ tiegħek. Hemm mekkaniżmi fi proċedimenti kriminali biex tiġi evitata tali mġiba. Il-pulizija, il-prosekutur, il-qorti u l-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi huma meħtieġa jaġixxu b’tali mod li l-attivitajiet tagħhom ma jwasslux għal vittimizzazzjoni sekondarja. Għalhekk, l-interrogazzjoni tiegħek tista’ tiġi rreġistrata bil-kamera sabiex ma jkollokx għalfejn tagħmel dikjarazzjonijiet ripetutament. Fl-interess tal-protezzjoni tiegħek, l-eżami mediku jista’ jiġi ordnat biss sa fejn ikun meħtieġ u biss jekk ikun meħtieġ għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Jekk int vittma partikolarment vulnerabbli, għandek id-dritt li titlob lill-entità li tipprovdi assistenza lill-vittmi tal-kriminalità għal assistenza esperta speċjalizzata mingħajr ħlas. Din tiġi pprovduta għal 90 jum u dan il-perjodu jista’ jiġi estiż f’każijiet ġustifikati fuq talba tiegħek. Din tinkludi assistenza psikoloġika kif ukoll pariri legali. Se tiġi assistita minn persunal imħarreġ professjonalment li jgħinek fi kwistjonijiet legali jew jipprovdilek appoġġ psikoloġiku. Jekk ikun hemm bżonn, jgħinek issib akkomodazzjoni ta’ emerġenza, tikkuntattja lill-familja tiegħek jew tikseb il-flus. Jgħinek ukoll tivvaluta jekk ħajtek jew saħħtek hijiex f’riskju, u tieħu miżuri biex tipproteġi lilek innifsek.

Jiena minorenni - għandi drittijiet speċjali?

Minbarra d-drittijiet kollha li għandek bħala vittma partikolarment vulnerabbli minħabba li bħala minorenni inti awtomatikament meqjus bħala tali vittma, il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur, il-qrati u l-entitajiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tal-kriminalità huma meħtieġa jaġixxu fl-aħjar interess tiegħek.

Jekk tiġi interrogat bħala xhud dwar avvenimenti li kkawżawlek skumdità, psikologu jew espert jattendi l-interrogazzjoni u jissorvelja l-andament ta’ dan l-interrogatorju. Jekk ikun xieraq, il-ġenitur jew l-għalliem tiegħek jista’ jattendi wkoll l-interrogatorju. L-interrogatorju jsir b’tali mod li ma jkollokx għalfejn tipprovdi d-dikjarazzjoni tax-xhud ripetutament aktar tard fil-proċedimenti; tista’ tintalab terġa’ tattendi għalih biss jekk ikun assolutament meħtieġ.

Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li t-tfal għandhom bżonnijiet speċjali fi proċedimenti kriminali u l-istituzzjonijiet li tiġi f’kuntatt magħhom iqisu l-età u l-ħtiġijiet tiegħek.

Il-membru tal-familja tiegħi miet kaġun tar-reat - x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Jekk il-membru tal-familja tiegħek miet b’riżultat ta’ reat u tkun sofrejt dannu bħala riżultat ta’ mewtu, inti titqies ukoll bħala vittma. Għandek id-dritt għal informazzjoni, speċjalment dwar kif tressaq ilment kriminali, dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali u kif tikkuntattja organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinuk. Fuq it-talba tiegħek, il-pulizija jew l-uffiċċju tal-prosekutur jgħinuk tikkuntattja entità li tipprovdi assistenza lill-vittmi tal-kriminalità li tkompli tindirizza l-ħtiġijiet tiegħek. Barra minn hekk, għandek id-dritt għal assistenza esperta, id-dritt li tinstema’ u d-dritt li tiġi ttrattat b’rispett, kunsiderazzjoni u sensittività.

Il-membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat - x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Jekk persuna mietet b’riżultat ta’ reat vjolenti, il-konjuġi superstiti u t-tfal superstiti jitqiesu wkoll bħala vittmi ta’ reat vjolenti. Jekk ma jkunx hemm tali persuni, il-ġenitur superstiti u l-persuna li għexet mal-mejjet fl-istess dar għal mill-inqas sena qabel mewtu u li żammet l-unità domestika flimkien mal-mejjet, jew persuna li kienet dipendenti fuq l-appoġġ tal-persuna mejta, jitqiesu bħala vittmi ta’ reat.

Għandek id-drittijiet kollha mogħtija lill-vittmi, iżda bħala vittma ta’ reat vjolenti, int intitolat ukoll għal kumpens, li tista’ titlob mingħand il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.

Jista’ jkolli aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Inkun sikur matul il-medjazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ medjazzjoni se tiġi pprovduta lilek mill-pulizija matul l-ewwel kuntatt. Il-medjazzjoni titwettaq minn uffiċjali tal-probation u tal-medjazzjoni abbażi tal-kunsens volontarju mogħti kemm minnek kif ukoll mill-awtur tar-reat. L-għan huwa li jiġu eliminati, bil-parteċipazzjoni attiva taż-żewġ partijiet, il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mir-reat imwettaq. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin. L-informazzjoni miksuba matul il-medjazzjoni titqies kunfidenzjali; mingħajr il-kunsens tal-partijiet, din ma tistax tintuża għal xi skop ieħor għajr is-soluzzjoni tat-tilwim fil-kuntest tal-medjazzjoni.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tistipula d-drittijiet tiegħi?

L-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

L-aħħar aġġornament: 27/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.