Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

Bħala vittma ta’ reat, lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?

Inti għandek id-dritt li tuża s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, anki jekk ir-reat ma jkunx ġie rrapportat lill-pulizija.

Irrispettivament minn jekk tiddeċidix li tirrapporta reat jew le - jew jekk għadek ma ddeċidejtx - Victim Support Scotland tista’ tagħtik għajnuna u appoġġ prattiċi u emozzjonali.

Jekk tirrapporta reat, il-pulizija - bil-permess tiegħek - tista’ tgħaddi d-dettalji tiegħek lil Victim Support Scotland.

Inti tista’ tiġi offrut(a) wkoll għajnuna minn Victim Information and Advice (VIA) jekk il-każ tiegħek jinvolvi:

  • Abbuż Domestiku
  • Vittmi jew Xhieda Minorenni
  • Reat ta’ Mibegħda
  • Reat Sesswali;
  • jew fejn ikun probabbli li proċess jinvolvi Ġurija.

Il-VIA tagħtik informazzjoni dwar is-sistema tal-ġustizzja kriminali, iżżommok informat dwar il-progress tal-kawża u tpoġġik f’kuntatt ma’ organizzazzjonijiet oħrajn li jistgħu jgħinuk.

Il-hotline ta' appoġġ għall-vittmi

Victim Support Scotland għandha hotline li topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija. Din hija organizzazzjoni karitatevoli nazzjonali li tappoġġja lin-nies affettwati mir-reati madwar l-Iskozja, irrispettivament mit-tip ta’ reat li jkunu sofrew. Tista’ tikkuntattjaha fuq 0800 160 1985. L-appoġġ jiġi pprovdut mingħajr ħlas. Hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet oħrajn, inklużi servizzi speċjalizzati, li jistgħu jipprovdu appoġġ emozzjonali kunfidenzjali u mingħajr ħlas, għajnuna prattika u informazzjoni essenzjali lill-vittmi, lix-xhieda u lil persuni oħrajn affettwati mir-reati. L-informazzjoni dwar dawn is-servizzi tista' tinstab hawnhekk.

L-appoġġ għall-vittmi huwa bla ħlas?

Victim Support Scotland tagħti appoġġ kunfidenzjali u mingħajr ħlas lill-vittmi, lix-xhieda u lil persuni oħrajn affettwati mir-reati.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mis-servizzi jew l-awtoritajiet tal-Istat?

Appoġġ fil-qorti

Jekk tintalab tixhed fil-qorti, is-Servizz tax-Xhieda jingħata minn persunal u voluntiera mħarrġin ta’ Victim Support Scotland fil-postijiet kollha tal-Qorti Superjuri u tal-Qorti tax-Sheriff. Huma jistgħu:

  • Jagħtuk għajnuna prattika u informazzjoni dwar x’jiġri fil-qorti
  • Jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex inti tkun tista’ żżur il-qorti qabel jibda l-proċess - sabiex b’hekk tkun taf x’għandek tistenna.

Xi xhieda - minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom jew in-natura tar-reat - ikunu jistgħu jiksbu appoġġ addizzjonali meta jagħtu x-xhieda tagħhom. Tista’ ssir taf aktar dwar kif tixhed fil-qorti, inklużi ‘miżuri speċjali’ għax-xhieda vulnerabbli hawnhekk. Jekk inti vittma ta’ reat iżda ma sejħulekx sabiex tixhed fil-qorti, jista’ jkun li ma tiġix informat dwar il-proċess. Madankollu, inti tista’ titlob informazzjoni dwar x’jiġri bil-kawża fil-qorti.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?

Skont l-organizzazzjoni, inti tista’ tiġi offrut tipi differenti ta’ appoġġ. Victim Support Scotland tipprovdi Servizz għall-Vittmi bbażat fil-komunità. Dan huwa pprovdut f’kull żona tal-awtorità lokali fl-Iskozja u s-Servizz għax-Xhieda tagħhom ibbażat fil-qorti jinsab f’kull qorti kriminali fl-Iskozja.

Jeżistu għadd ta’ organizzazzjonijiet karitatevoli oħrajn li jistgħu jkunu ta’ għajnuna, skont in-natura tar-reat. Pereżempju, Rape Crisis Scotland, TARA (‘Trafficking Awareness Raising Alliance’) li jagħtu appoġġ lill-vittmi nisa ta’ traffikar tal-bnedmin, u Migrant Help, li toffri wkoll appoġġ lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Children 1st, Scottish Women's Aid u PETAL huma wkoll organizzazzjonijiet karitatevoli li jistgħu joffru appoġġ lill-vittmi tar-reati. Aktar informazzjoni dwar dawn is-servizzi tista’ tinstab hawnhekk.

L-aħħar aġġornament: 30/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.