Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

X’inhu l-proċess sabiex titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur? (pereżempju kawża fil-qorti, kawża ċivili, proċedura ta' aderenza)

Kawża fil-Qorti Kriminali

A. ‘Ordni ta’ Kumpens’

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 249 sa 253 tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja), kwalunkwe qorti kriminali fl-Iskozja għandha s-setgħa f’kawżi xierqa li tordna lil trasgressur sabiex iħallas kumpens lill-vittma tar-reat tiegħu għal kwalunkwe dannu, telf jew ħsara li tkun ġarrbet il-vittma bħala riżultat tar-reat, mingħajr il-ħtieġa għal azzjoni ċivili separata.

L-Att tal-1995 ma jipprevedix li vittma tippreżenta rikors lil qorti għal ‘ordni ta’ kumpens’ personalment; madankollu, il-Prokuratur Fiskali jista’ jqajjem il-kwistjoni mal-qorti f’każijiet xierqa u, fil-każijiet kollha, il-Prokuratur Fiskali għandu jipprovdi lill-qorti bl-informazzjoni disponibbli dwar il-firxa u l-valur ta’ kwalunkwe dannu, telf jew ħsara mġarrba.

Skont il-liġi eżistenti, vittma għandha d-dritt li tfittex lit-trasgressur għad-danni f’qorti ċivili jew (jekk tkun ġarrbet danni fiżiċi jew mentali) li titlob għotja ta’ kumpens mill-Awtorità ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali (‘Criminal Injuries Compensation Authority’ - CICA). L-ordni ta’ kumpens mill-qrati kriminali ma taffettwax dawn id-drittijiet, għalkemm kull għotja ta’ kumpens mogħtija lill-vittma mill-qrati ċivili jew mis-CICA titnaqqas bl-ammont imħallas taħt l-‘ordni ta' kumpens’.

Fi proċedimenti kriminali solenni, ma hemm l-ebda limitu fuq l-ammont li jista’ jingħata taħt ‘ordni ta’ kumpens’.

Fil-qosor, fil-proċedimenti kriminali japplikaw il-limiti li ġejjin:

  • Fil-Qorti tax-Sheriff, il-massimu għal kull reat huwa s-somma preskritta (£10,000) (iżda għar-reati statutorji impenjati fit-28 ta’ Marzu 2011 jew wara, fejn il-multa massima li tista’ tiġi imposta taqbeż is-somma preskritta, l-ordni tal-kumpens massimu li tista’ tiġi imposta hija l-istess bħal dik il-multa massima).
  • Fil-Qorti tal-Kummissarju għall-Paċi, il-massimu għal kull reat huwa l-Livell 4 fuq l-Iskala Standard (£2500)

Il-ħlas ta’ kwalunkwe ammont taħt ‘ordni ta’ kumpens’ isir lill-iskrivan tal-qorti, li mbagħad ikun responsabbli sabiex jgħaddi l-ammont lill-persuna intitolata.

B. ‘Rekwiżit ta’ Kumpens’ f’Ordni ta’ Servizz fil-Komunità

Meta persuna akkużata tiġi kkundannata għal reat, il-qorti tista’, f’ċerti ċirkostanzi, timponi Ordni ta’ Servizz fil-Komunità ('Community Payback Order' - CPO). F’termini tat-taqsima 227H tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja), il-ħlas tal-kumpens (flimkien ma’ rekwiżit ta’ superviżjoni tat-trasgressur) jista’ jkun rekwiżit ta’ CPO.

L-istess limiti fir-rigward tal-ammont tal-għotjiet ta’ kumpens japplikaw għal ‘rekwiżiti ta’ kumpens’ bħalma japplikaw għal ‘ordnijiet ta’ kumpens’ (kif spjegat fid-dettall hawn fuq)

Il-kumpens jista’ jitħallas jew f’somma f’daqqa jew inkella permezz ta’ pagamenti akkont lill-iskrivan tal-qorti, li mbagħad ikun responsabbli sabiex jgħaddi l-ammont lill-persuna intitolata. Il-kumpens għandu jitħallas b’mod sħiħ mhux aktar tard minn 18-il xahar wara li tiġi imposta s-CPO jew mhux aktar tard minn xahrejn qabel tmiem il-perjodu tas-superviżjoni, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. In-nuqqas min-naħa tat-trasgressur milli jagħmel il-ħlas jista’ jikkostitwixxi ksur tas-CPO.

Ċ. ‘Offerta ta’ kumpens’ mill-Prokuratur Fiskali

F’termini tat-taqsima 302A tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja), il-Prokuratur Fiskali jista’ jibgħat ‘offerta ta’ kumpens’ lil allegat trasgressur jekk ikun jidher li ġie kommess reat rilevanti. L-‘offerta ta’ kumpens’ hija miżura diretta effettiva għal reati fejn individwu jkun ġarrab telf monetarju, telf personali, paniku jew diqa.

Jekk ‘offerta ta’ kumpens’ tiġi aċċettata jew titqies bħala li ġiet aċċettata (meta l-allegat trasgressur ma jirrifjutax l-offerta formalment), ma tista’ sseħħ l-ebda prosekuzzjoni u ma tista’ tiġi rreġistrata l-ebda kundanna.

L-ammont massimu disponibbli bħala offerta ta’ kumpens huwa ta’ £5,000 f’termini tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja) u l-Ordni tal-2008 dwar l-Ordni ta’ Kumpens (Ammont Massimu).

Il-ħlas ta’ kwalunkwe ammont taħt ‘offerta ta’ kumpens’ isir lill-iskrivan tal-qorti, li mbagħad ikun responsabbli sabiex jgħaddi l-ammont lill-persuna intitolata.

Kawża f’Qorti Ċivili:

Skont il-liġi eżistenti, vittma għandu d-dritt li jfittex lit-trasgressur għad-danni f’qorti ċivili. Fil-każ li l-vittma tiddeċiedi li tressaq azzjoni fil-qrati ċivili, hemm proċeduri differenti rregolati minn settijiet differenti ta’ regoli tal-qorti u dawn jiddependu wkoll fuq jekk l-azzjonijiet jitressqux f’Qorti tax-Sheriff jew fil-Qorti tas-Sessjoni. Id-diversi regoli huma disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi taħt Regoli u Prattika.

L-abbozzar ta’ kwalunkwe rikors jew petizzjoni u d-diversi proċeduri tal-qorti huma pjuttost kumplessi u, għalhekk, huwa rrakkomandat parir legali.

Proċedura ta’ Aderenza - mhux applikabbli fl-Iskozja:

Din hija proċedura li permezz tagħha qorti tal-ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwar il-kumpens għall-vittma ta’ reat kriminali. Minflok titlob id-danni f’azzjoni ċivili separata, il-vittma tressaq talba ċivili kontra t-trasgressur bħala parti minn proċess kriminali. Għandu jiġi nnotat li filwaqt li din is-sistema teżisti f’xi ġurisdizzjonijiet tal-liġi ċivili, hija ma teżistix fl-Iskozja.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni għad-danni/jagħtini kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallasni?

L-infurzar tal-kumpens f’kawża kriminali

Il-ħlas ta’ kwalunkwe ammont taħt:

  • ‘Ordni ta’ Kumpens’;
  • ‘Rekwiżit ta’ Kumpens’ f’Ordni ta’ Servizz fil-Komunità (‘Community Payback Order’ - CPO), jew
  • ‘Offerta ta’ Kumpens’ mill-Prokuratur Fiskali

isir lill-iskrivan tal-qorti, li mbagħad ikun responsabbli sabiex jgħaddi l-ammont lill-persuna intitolata.

Il-ħlas jista’ jiġi infurzat biss mill-qorti u bl-ebda mod jekk il-persuna intitolata tikkuntattja jew tipprova tikkuntattja lit-trasgressur direttament jew taċċetta l-ħlas mingħandu personalment.

Jekk il-ħlas ma jsirx fir-rigward ta’ ‘ordni ta’ kumpens’ jew ‘offerta ta’ kumpens’, tista’ tittieħed aktar azzjoni mill-qorti sabiex tirkupra l-flus billi tuża firxa ta’ sanzjonijiet, li jinkludu:

  • Tnaqqis mill-Ordnijiet ta’ Benefiċċji;
  • Ordnijiet ta’ Sekwestru tal-Qligħ;
  • Ordnijiet ta’ Sekwestru tal-Fondi; u
  • Ordnijiet ta’ Sekwestru tal-Vetturi.

Jekk il-ħlas ma jsirx fir-rigward ta’ ‘rekwiżit ta’ kumpens’ f’CPO, dan jista’ jikkostitwixxi ksur tas-CPO u t-trasgressur jista’ jitressaq lura quddiem il-qorti. It-Taqsima 227ZC tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja) fiha dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ksur tas-CPOs u x’azzjonijiet tista’ tieħu l-qorti.

L-infurzar tal-kumpens f’kawża ċivili:

Jekk il-vittma tressaq azzjoni b’suċċess fil-qorti ċivili u l-qorti tagħti digriet għal somma ta’ flus favur tagħha, il-vittma għandha tikkuntattja ditta ta’ Uffiċjali tax-Sheriff sabiex tingħata pariri dwar il-proċedura għall-irkupru tad-dejn. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tas-Society of Messengers-at-Arms and Sheriff Officers.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, l-Istat jista’ jħallasni bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?

Ħlas ta’ kumpens mis-CICA

L-Istat ma jħallas ebda avvanz lil vittma ta’ reat meta t-trasgressur ikun ġie ordnat minn qorti sabiex iħallas iżda t-trasgressur ma jkunx għamel dan. Ara wkoll L-infurzar tal-kumpens hawn fuq.

Inti intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

L-Awtorità ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali (CICA) tittratta talbiet għal kumpens minn persuni li jkunu ġarrbu ħsara fiżika jew mentali minħabba li kienu vittmi innoċenti ta’ reat vjolenti fl-Ingilterra, fl-Iskozja jew f’Wales. L-Iskema ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali tal-gvern tistabbilixxi l-kriterji u l-ammonti għall-kumpens.

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali tal-2012 hija skema ffinanzjata mill-gvern li teżisti sabiex tikkumpensa lill-vittmi innoċenti ta’ reat vjolenti li jkunu ġarrbu danni fiżiċi jew mentali serji direttament attribwibbli għall-fatt li huma vittmi diretti ta’ reat ta’ vjolenza. Ir-regoli fl-Iskema u l-valur tal-għotjiet imħallsin huma approvati mill-Parlament tar-Renju Unit, u s-CICA hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Iskema u għad-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fuq applikazzjonijiet individwali. L-Iskema fiha tariffa tad-danni li tistabbilixxi kumpens pagabbli fir-rigward tad-danni mġarrba.

Hemm żewġ tipi ta’ kumpens - għotjiet ta’ kumpens għal korriment fatali u personali - b’kumpens addizzjonali pagabbli f’xi każijiet għal telf ta’ qligħ, dipendenza jew spejjeż speċjali, fejn xieraq.

Il-ħlasijiet jistgħu jingħataw lill-vittmi li sfaw korruti serjament, lill-vittmi ta’ stupru u abbuż sesswali ieħor, lill-vittmi ta’ abbuż tat-tfal u lil dawk li kellhom mewt fil-familja. L-Iskema ma tagħmilx ħlasijiet ta’ kumpens għal korrimenti minuri.

Mhux kull talba għal kumpens tirnexxi. Applikant għandu jkun eliġibbli skont ir-regoli tal-Iskema. Hemm kriterji ta’ nazzjonalità u residenza li jridu jiġu ssodisfati (il-paragrafi 10 sa 16 tal-Iskema). L-applikazzjonijiet iridu jsiru hekk kif ikun raġonevolment prattikabbli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien sentejn mill-inċident li wassal għall-ħsara kriminali (għalkemm f’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’xi każijiet, il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż, ara l-paragrafi 87 sa 89). Hemm ukoll regoli li jesiġu li l-applikant għandu jkun irrapporta l-inċident li wassal għall-ħsara kriminali hekk kif kien raġonevolment prattikabbli u li jikkoopera, safejn ikun raġonevolment prattikabbli, sabiex il-persuna li wettqet l-attakk titressaq quddiem il-ġustizzja (il-paragrafi 22 u 23). L-għotjiet ta’ kumpens jista’ jinżammu jew jitnaqqsu f’diversi ċirkostanzi oħrajn, bħal fejn l-imġiba tal-applikant tagħmilha mhux xierqa li ssir għotja (il-paragrafu 25) u fejn l-applikant ikollu kundanni kriminali mhux skontati fil-mument li ssir l-applikazzjoni lis-CICA (il-paragrafu 26 u l-Anness D). Aktar informazzjoni dwar l-Iskema tista’ tinstab hawnhekk.

Għandi dritt għal pagament ta’ emerġenza waqt li qed nistenna li tiġi deċiża t-talba għall-kumpens tiegħi?

L-Iskema ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali tal-2012 hija maħsuba sabiex tkun skema tal-aħħar rimedju. L-għotjiet taħt l-Iskema mhumiex maħsuba sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati; fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, talba ta’ applikant ma tiġix deċiża qabel jgħaddi xi żmien wara dak l-inċident. Ma jsir l-ebda ħlas qabel ma l-Awtorità ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali (CICA) tkun sodisfatta li l-applikant huwa eliġibbli taħt l-Iskema; isiru inkjesti tal-pulizija sabiex tinkiseb informazzjoni dwar l-inċident u l-applikant bil-għan li jiġi żgurat li l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà. Meta s-CICA tkun sodisfatta li applikant huwa eliġibbli għal ħlas iżda ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni finali, hija tista’ tikkunsidra li tagħmel pagament interim. Dan jista’ jkun il-każ meta s-CICA tkun qed tistenna sakemm jinftiehem l-impatt fit-tul tad-dannu tal-applikant.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jinstabx ħati?

Mhuwiex neċessarju li t-trasgressur jiġi identifikat jew misjub ħati sabiex il-vittma ta’ reat ta’ vjolenza tkun eliġibbli għal kumpens (il-paragrafu 9 tal-Iskema ta’ Kumpens għall-Ħsara Kriminali). Madankollu, l-Iskema tesiġi li applikant jirrapporta l-inċident lill-pulizija hekk kif ikun raġonevolment prattikabbli u li jikkoopera, safejn ikun raġonevolment prattikabbli, sabiex it-trasgressur jitressaq quddiem il-ġustizzja (il-paragrafi 22 u 23). Għalhekk, l-applikanti ma jkunux eliġibbli għal kumpens sakemm ma jkunux ikkooperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni dwar ir-reat u fi kwalunkwe prosekuzzjoni li ssir wara.

L-aħħar aġġornament: 30/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.