Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Drittijiet tal-vittmi - skont il-pajjiż

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

F’każ ta’ emerġenza ċempel 999. Sabiex tirrapporta reat ċempel 101.

Jekk inti persuna truxa, tlift is-smigħ, nieqsa mis-smigħ jew għandek diffikultà biex titkellem, tista’ tikkomunika b’mod testwali fuq 18000.

Jekk irreġistrajt mas-servizz emergencySMS - u ma għandek ebda għażla oħra - tista’ tibgħat messaġġ testwali lejn in-numru 999.

Meta għandek iċċempel 999

F’każ ta’ emerġenza, ċempel 999 jekk:

  • Ikun hemm riskju ta’ korriment personali jew telf ta’ ħajja
  • Ikun qed iseħħ reat dak il-ħin
  • Ikun hemm xi ħadd suspettat b’reat fil-qrib

Kif tirrapporta każ mhux ta’ emerġenza

Ċempel 101 sabiex tikkuntattja lill-pulizija jekk ir-reat ma jkunx emerġenza.

Jekk inti persuna truxa, tlift is-smigħ, nieqsa mis-smigħ jew għandek diffikultà biex titkellem, tista’ tikkomunika b’mod testwali fuq 18001 101.

Eżempji ta’ reati li ma għandhomx bżonn rispons ta’ emerġenza jinkludu:

  • Insterqitlek il-karozza
  • Saret ħsara fil-proprjetà tiegħek
  • Ikollok suspett ta’ użu jew traffikar tad-droga
  • Trid tirrapporta ħabta tat-traffiku żgħira
  • Trid tagħti informazzjoni lill-pulizija dwar reat fiż-żona fejn toqgħod

Tirrapporta reat fuq l-internet

F’każ mhux ta’ emerġenza, tista’ tirrapporta r-reati li ġejjin fuq is-sit web ta’ Police Scotland:

Tista’ wkoll timla l-formola ta’ Crimestoppers fuq l-internet jekk trid tirrapporta reat b’mod anonimu.

Kif nista’ nsir naf x’qed jiġri dwar il-każ?

Bħala vittma, inti għandek id-dritt li titlob informazzjoni speċifika għall-każ tiegħek b’rabta ma’ reat. Jekk din ma tkunx ġiet ipprovduta lilek, inti tista’ tagħmel talba formali minn għadd ta’ korpi differenti:

  • Police Scotland - informazzjoni dwar deċiżjoni sabiex ma tipproċedix b’investigazzjoni kriminali u kwalunkwe raġunijiet għaliha, u deċiżjoni sabiex ittemm investigazzjoni kriminali u kwalunkwe raġunijiet għaliha.
  • L-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prosekutur Fiskali - jekk il-każ tiegħek ma jitressaqx il-qorti, inti għandek id-dritt li tiġi informat bir-raġunijiet għal dan u li titlob li ssir reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni.
  • Is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi - id-dati ta’ kwalunkwe seduta tal-qorti, id-deċiżjoni finali ta’ qorti fi proċess jew kwalunkwe appell li jirriżulta minn proċess, u kwalunkwe raġunijiet għal dan.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-vittmi mhumiex partijiet fil-proċedimenti kriminali fl-Iskozja. Jekk vittma tkun teħtieġ pariri u assistenza legali, hija tista’ tikkuntattja avukat. Huma jistgħu jkunu intitolati għal għajnuna bl-ispejjeż tal-pariri u l-assistenza li jingħataw permezz tas-sistema ta’ għajnuna legali.

Il-Bord Skoċċiż tal-Għajnuna Legali huwa l-korp responsabbli għat-tħaddim tas-sistema tal-għajnuna legali fl-Iskozja.

Nista’ nitlob lura l-ispejjeż (sabiex nieħu sehem fl-investigazzjoni/fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk tkun ġejt ‘imħarrek/imħarrka’ sabiex tixhed fil-qorti, tista’ tkun intitolat(a) li titlob lura xi spejjeż.

Tiġi ‘mħarrek/imħarrka’ tfisser li tkun irċevejt ittra uffiċjali - imsejħa taħrika - li tgħidlek sabiex tmur il-qorti u tixhed bħala xhud.

L-informazzjoni dwar kif titlob lura l-ispejjeż, flimkien ma’ formola sabiex titlob l-ispejjeż jistgħu jinstabu fuq wara tat-taħrika.

Aqra t-taħrika tiegħek bir-reqqa u ħudha miegħek meta tmur il-qorti. Kun żgur li timla l-formola tal-ispejjeż fuq wara tat-taħrika tiegħek sabiex titlob l-ispejjeż mingħand il-persuna li ħarrkitek bħala xhud.

Il-ħlasijiet fi flus kontanti jsiru biss f’każijiet ta’ tbatija ġenwina jew emerġenza. Spejjeż eċċezzjonali bħal nollijiet tat-taxi, ivvjaġġar bl-ajru u akkomodazzjoni matul il-lejl għandhom jiġu approvati minn qabel mill-prokuratur fiskali.

Jistgħu jsiru pretensjonijiet għal telf ta’ qligħ għal xhieda li huma impjegati u li jaħdmu għal rashom. Ma hemmx faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal fil-bini tal-qorti, għalhekk, ix-xhieda tal-prosekuzzjoni jistgħu jitolbu l-ispejjeż għall-indukrar tat-tfal u tat-trabi b’rati fissi. Jekk ikollok bżonn tagħmel arranġamenti ta’ indukrar fl-assenza tiegħek, inti tiġi rrimborżat b’rata fissa.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel ma jitressaq quddiem r il-qorti?

Bħala vittma ta’ reat fl-Iskozja, inti għandek id-dritt li titlob għal rieżami ta’ deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali li ma jipproċedux bil-prosekuzzjoni ta’ każ irrapportat lilhom, meta dik id-deċiżjoni tkun ittieħdet fl-1 ta’ Lulju 2015 jew wara. Jekk ikun possibbli, inti għandek tapplika għal reviżjoni fi żmien xahar mid-data li fiha tiġi informat(a) bid-deċiżjoni li ma ssirx il-prosekuzzjoni. Ġeneralment, inti tiġi informat(a) bid-deċiżjoni tar-reviżjoni fi żmien 20 jum tax-xogħol. Il-Lord Advocate (il-kap prosekutur pubbliku tal-Iskozja) ppubblika r-regoli dwar dan il-proċess.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Dan jiddependi fuq jekk tintalabx tixhed fil-proċess. Jekk ma tintalabx tixhed, tista’ tistaqsi lis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi:

  • B’liema reati ġiet akkużata persuna - ladarba l-persuna akkużata kellha ċans li twieġeb għalihom (in-natura ġenerali biss tal-akkużi).
  • X’qed jiġri b’kawża fil-qorti.
  • X’deċiżjoni ħadu l-imħallef, ix-sheriff jew tal-Kummissarju tal-Paċi dwar kawża.

Is-sit web tas-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi għandu aktar dettalji dwar kif tikseb l-informazzjoni b’rabta mal-kawża u informazzjoni dwar is-sejħa tal-kawżi fil-qorti, inklużi l-proċessi li mistennija jissejħu fil-futur qrib. Dan jinkludi:

  • Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja.
  • Il-Qrati tax-Sheriff.
  • Il-Qrati tal-Kummissarju tal-Paċi.

Jekk inti vittma, is-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi ser:

  • Jaġġornak dwar il-progress tal-kawża fil-qorti mill-inqas darba kull siegħa u jinformak dwar meta tista’ titlaq mill-qorti.
  • Jipprovdi kmamar ta’ stennija separati għax-xhieda tal-prosekuzzjoni u tad-difiża, kif ukoll aċċess għal ikel u xorb ħafif.
  • Jekk inti intitolat(a) li tagħti x-xhieda tiegħek fil-qorti permezz ta’ konnessjoni diretta fuq it-TV, xi ħadd mis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi jiltaqa’ miegħek dakinhar u jispjegalek il-proċess ta’ kif għandek tixhed fil-qorti.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien nista’ nkun jew nista’ nagħżel li nkun: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Il-vittmi mhumiex partijiet fil-proċedimenti kriminali fl-Iskozja. Soġġetti għad-diskrezzjoni tal-prosekuzzjoni, il-vittmi jistgħu jintalbu jixhdu fil-qorti.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

L-informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bħala vittma tista’ tinstab fil-Kodiċi tal-Vittmi.

Jekk tintalab tixhed fil-qorti, inti tirċievi taħrika. It-taħrika tiegħek hija ittra uffiċjali li tgħidlek sabiex tmur fil-qorti u tagħti x-xhieda tiegħek.

Huwa importanti li ma tinjorax it-taħrika. Għid lil min talbek sabiex tkun xhud minnufih jekk hemm xi raġuni importanti għala ma tistax tkun preżenti fid-data tal-proċess. Jekk ma tidhirx fil-ħin u l-post korretti, il-qorti tista’ toħroġ mandat għall-arrest tiegħek.

Xi xhieda jistgħu jsibuha bi tqila sabiex jixhdu. Huma jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom jew in-natura tax-xhieda tagħhom. Il-qorti tista’ tieħu passi addizzjonali (imsejħa ‘miżuri speċjali’) sabiex tgħin lix-xhieda vulnerabbli jagħtu l-aħjar xhieda possibbli, bħall-użu ta' skrin sabiex ix-xhud ma jkollux għaliex jara lill-persuna akkużata. Inti għandek tiddiskuti kwalunkwe tħassib li jkollok mal-persuna li talbet sabiex inti tagħti x-xhieda tiegħek, billi din tkun tista’ tapplika mal-qorti f’ismek sabiex jittieħdu miżuri speċjali.

Aktar informazzjoni dwar ir-rwol tiegħek bħala xhud tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali u fuq il-paġni ta’ mygov.scot dwar L-Għoti tax-Xhieda fil-Qorti.

Nista’ nagħmel stqarrija jew nixhed matul il-proċess? Taħt liema kundizzjonijiet?

Soġġetti għad-diskrezzjoni tal-prosekuzzjoni, il-vittmi jistgħu jintalbu jixhdu fil-qorti. Il-liġijiet ġenerali tal-Iskozja dwar ix-xhieda japplikaw għal dawk il-vittmi li jissejħu sabiex jixhdu.

Għal dawk il-vittmi li għandhom jixhdu, u li huma meqjusa bħala vulnerabbli jew għandhom ħtiġijiet ta’ protezzjoni, jistgħu jkunu disponibbli miżuri speċjali permezz tat-taqsimiet 271 sa 271M tal-Att tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (l-Iskozja) bil-għan li jgħinuhom jagħtu x-xhieda tagħhom. Dawn il-miżuri huma awtomatiċi għat-tfal u għal dawk il-persuni li huma vittmi f’reati speċifiċi bħal reati sesswali, traffikar u stalking.

Barra minn hekk, il-vittmi jistgħu jagħmlu stqarrija bħala vittmi skont it-taqsima 14 tal-Att tal-2003 dwar il-Ġustizzja Kriminali (l-Iskozja). Aktar informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-vittmi tista’ tinstab hawnhekk.

X’informazzjoni ser nirċievi matul il-proċess?

Inti tista’ tikkuntattja lis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi sabiex issir taf x’inhuma d-dati ta’ kwalunkwe seduta tal-qorti, id-deċiżjoni finali ta’ qorti fi proċess jew kwalunkwe appell li jirriżulta minn proċess, u kwalunkwe raġunijiet għal dan. Barra minn hekk, jekk ser tattendi l-qorti sabiex tixhed, l-impjegati tal-qorti fis-Servizz tat-Tribunali u l-Qrati Skoċċiżi jaġġornawk dwar il-progress tal-kawża fil-qorti mill-inqas darba kull siegħa u jinformawk meta tkun tista’ titlaq mill-qorti.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajls tal-qorti?

Jekk jogħġbok ara hawn fuq għad-dettalji tal-informazzjoni li jista’ jinkiseb aċċess għaliha.

L-aħħar aġġornament: 30/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.